Ana səhifə

L-evanġelju ta’ sidna ġESÙ kristu skond san luqa dedika LIL Teofilu


Yüklə 0.61 Mb.
səhifə5/6
tarix25.06.2016
ölçüsü0.61 Mb.
1   2   3   4   5   6

Il-Liġi l-Qadima u l-Liġi l-Ġdida

(Mt 11, 12-13)


[Lq:16:14] Il-Fariżej, li kellhom ir-regħba għall-flus, meta semgħuh jgħid dan kollu qabdu jiddieħku bih. [Lq:16:15] Iżda hu qalilhom: "Intom dawk li tagħmluha ta' nies sewwa f'għajnejn il-bnedmin. Imma Alla qalbkom jafha. Għax dak li f'għajnejn il-bnedmin hu kbir, quddiem Alla hu mistkerrah. [Lq:16:16] Sa żmien Ġwanni kien hawn il-Liġi u l-Profeti; minn żmien Ġwanni 'l hawn qiegħda tixxandar is-Saltna ta' Alla, u kulħadd qiegħed jitħabat bis-sħiħ għaliha. [Lq:16:17] Hu aktar ħafif li jgħaddu s-sema u l-art milli taqa' tikka waħda mil-Liġi.
[Lq:16:18] "Kull min jibgħat lil martu u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju, u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn żewġha jagħmel adulterju."
Il-parabbola ta' l-għani u Lazzru
[Lq:16:19] "Mela kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar. [Lq:16:20] U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta' daru, [Lq:16:21] bix-xewqa li jixba' b'dak li jaqa' mill-mejda ta' l-għani. Sa l-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu. [Lq:16:22] Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Mbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh. [Lq:16:23] Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f'Art l-Imwiet, rafa' ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b'Lazzru fi ħdanu. [Lq:16:24] U għolla leħnu u qallu, 'Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f'dan in-nar.' [Lq:16:25] 'Ibni,' qallu Abraham, 'ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f'ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f'ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati. [Lq:16:26] Barra minn dan, hemm vojt bla qjies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista', u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna.' [Lq:16:27] Qallu l-għani, 'Mela nitolbok, missier, ibagħtu f'dar missieri, [Lq:16:28] għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f'dan il-post ta' tbatijiet ħorox!' [Lq:16:29] Qallu Abraham, 'Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom.' [Lq:16:30] 'Le, missier Abraham,' qallu dak, 'imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu.' [Lq:16:31] Iżda wieġbu Abraham, 'Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu.' "
17. Twissijiet ta' Ġesù

(Mt 18, 6-7; Mk 9, 42)


[Lq:17:1] Darba lid-dixxipli tiegħu qalilhom: "Ma jistax ikun li ma jingħatawx skandli; imma ħażin għalih min ikun ħtija tagħhom! [Lq:17:2] Ikun aktar jaqbillu jekk jorbtulu ma' għonqu ġebla tat-tħin u jitfgħuh il-baħar milli jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin. [Lq:17:3] Oqogħdu attenti!
"Jekk ħuk jaqa' f'xi dnub, widdbu, u jekk jindem aħfirlu. [Lq:17:4] U jekk jonqsok seba' darbiet f'ġurnata, u jdur lejk seba' darbiet u jgħidlek, 'Jisgħobbija,' aħfirlu."
[Lq:17:5] L-appostli qalu lill-Mulej: "Kattar fina l-fidi." [Lq:17:6] Weġibhom il-Mulej: "Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut, 'Inqala' u mur tħawwel fil-baħar,' u hi kienet tisma' minnkom.
[Lq:17:7] "Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x'se jgħidlu? 'Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel’? [Lq:17:8] jew, 'Lestili x'niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int?’ [Lq:17:9] Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu? [Lq:17:10] Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kull ma tkunu ordnati, għidu, 'Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu.' "
Ġesù jfejjaq għaxar lebbrużi
[Lq:17:11] Ġara li, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. [Lq:17:12] Kif kien dieħel f'raħal, ltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu 'l bogħod minnu, [Lq:17:13] għollew leħinhom u qalulu: "Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna!" [Lq:17:14] Kif rahom, qalilhom: "Morru uru rwieħkom lill-qassisin." U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom. [Lq:17:15] Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa' lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, [Lq:17:16] nxteħet wiċċu fl-art f'riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan. [Lq:17:17] U Ġesù qabad u qal: "M'hux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? [Lq:17:18] Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa' lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani!" [Lq:17:19] Mbagħad qallu: "Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek."
Il-miġja tas-Saltna ta' Alla
[Lq:17:20] Il-Fariżej staqsewh meta kienet se tiġi s-Saltna ta' Alla, u hu weġibhom: "Is-Saltna ta' Alla ma tiġix b'sinjali li jidhru; [Lq:17:21] lanqas ħadd ma hu se jgħid, 'Arawha, hawn,' jew, 'Hemm', għax araw, is-Saltna ta' Alla fostkom qiegħda." [Lq:17:22] Lid-dixxipli tiegħu qalilhom: "Għad jiġi żmien meta tkunu tixtiequ taraw jum wieħed minn żmien Bin il-bniedem u ma tarawhx. [Lq:17:23] U jgħidulkom, 'Arawh, hawn hu,' jew, 'Arawh, hemm hu!' Tmorrux, tiġrux warajhom. [Lq:17:24] Għax bħalma berqa tleħħ u tiddi minn tarf għal ieħor tas-sema, hekk jidher Bin il-bniedem nhar il-Jum tiegħu. [Lq:17:25] Iżda qabel xejn hu għandu jbati ħafna minn dan in-nisel u jkun miċħud minnu.
[Lq:17:26] "U bħalma ġara fi żmien Noè, hekk ukoll jiġri fi żmien Bin il-bniedem. [Lq:17:27] Kienu jieklu, jixorbu, jiżżewwġu u jżewwġu, sa dakinhar li Noè daħal fl-arka; mbagħad ġie d-dilluvju u qeridhom ilkoll. [Lq:17:28] L-istess bħalma ġara fi żmien Lot; kienu jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu, iħawwlu, jibnu, [Lq:17:29] imma dak in-nhar li Lot ħareġ minn Sodoma, Alla bagħat xita ta' nar u kubrit mis-sema u qeridhom ilkoll. [Lq:17:30] Hekk ikun il-Jum li fih jidher Bin il-bniedem. [Lq:17:31] F'dak il-Jum, min ikun fuq il-bejt u jkollu ħwejġu ġewwa fid-dar, iqis li ma jinżilx jeħodhom; hekk ukoll min ikun fir-raba', iqis li ma jerġax lura. [Lq:17:32] Ftakru fil-mara ta' Lot!
[Lq:17:33] "Min ifittex isalva ħajtu, jitlifha; iżda min jitlifha, isalvaha. [Lq:17:34] Ngħidilkom li, f'dak il-lejl, tnejn ikunu f'sodda waħda: wieħed minnhom jittieħed u l-ieħor jitħalla; [Lq:17:35] żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien; waħda minnhom tittieħed u l-oħra titħalla." [Lq:17:37] Qalulu: "Fejn, Mulej?" U hu weġibhom: "Fejn ikun hemm il-ġisem mejjet, hemm l-isqra jinġabru."
18. Il-parabbola ta' l-imħallef u l-armla
[Lq:18:1] Mbagħad qalilhom parabbola biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu. [Lq:18:2] Qalilhom: "Kien hemm f'belt wieħed imħallef, li la kien jibża' minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. [Lq:18:3] F'dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu, 'Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi.' [Lq:18:4] Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal, 'Mhux għax nibża' minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, [Lq:18:5] imma għallinqas għax din l-armla dejjqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini.' " [Lq:18:6] U l-Mulej qal: "Isimgħu ftit x'jgħid l-imħallef il-ħażin. [Lq:18:7] Mbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajjtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom? [Lq:18:8] Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?"
Il-parabbola tal-Fariżew u l-pubblikan
[Lq:18:9] Kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola: [Lq18:10] "Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. [Lq18:11] Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f'qalbu, 'O Alla, niżżik ħajr li m'iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan. [Lq18:12] Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta' kull ma ndaħħal.' [Lq18:13] Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa' għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: 'O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!' [Lq18:14] Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar."
Ġesù jbierek it-tfal iż-żgħar

(Mt 19, 13-15; Mk 10, 13-16)


[Lq:18:15] Ġibulu wkoll quddiemu t-trabi biex iberikhom. Imma d-dixxipli, kif raw dan, qabdu jgħajjtu magħhom. [Lq:18:16] Ġesù sejjħilhom u qalilhom: "Ħalluhom lit-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u żżommuhomx, għax ta' min hu bħalhom hija s-Saltna ta' Alla. [Lq:8:17] Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta' Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha."
Il-kap li kien għani

(Mt 19, 16-30; Mk 10, 17-31)


[Lq:18:18] Wieħed kap staqsieh u qallu: "Mgħallem tajjeb, x'għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta' dejjem?" [Lq:18:19] "Għaliex qiegħed issejjaħli 'tajjeb'?" qallu Ġesù, "Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla waħdu. [Lq:18:20] Inti l-kmandamenti tafhom: La tiżnix, la toqtolx, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, weġġaħ lil missierek u 'l ommok." [Lq:18:21] Dak qallu: "Jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti." [Lq:18:22] Kif semgħu jgħid hekk, Ġesù qallu: "Ħaġa waħda tonqsok: bigħ kull ma għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-smewwiet: mbagħad ejja u imxi warajja." [Lq:18:23] Iżda dak, meta semgħu jgħid dan, sewwed qalbu ħafna, għax kien tassew għani.
[Lq:18:24] Ġesù, meta rah li sewwed qalbu, qal: "Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta' Alla! [Lq:18:25] Għax eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta' labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta' Alla!" [Lq:18:26] Dawk li semgħuh qalulu: "Mela min jista' jsalva?" [Lq:18:27] Iżda hu weġibhom: "Dak li ma jistax ikun għall-bnedmin, għal Alla jista' jkun."
[Lq:18:28] Qallu Pietru: "Tajjeb! Aħna ħallejna kull ma kellna u ġejna warajk." [Lq:18:29] Ġesù qalilhom: "Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba s-Saltna ta' Alla jħallu darhom jew lil marthom jew lil ħuthom jew lill-ġenituri tagħhom jew 'l uliedhom, [Lq:18:30] ma hemm ħadd fosthom li f'din id-dinja stess ma jirċevix kollox għal mitt darba iktar, u l-ħajja ta' dejjem fiż-żmien li ġej."
It-tielet taħbira tal-mewt u tal-qawmien

(Mt20, 17-19; Mk 10, 32-34)


[Lq:18:31] Ġesù sejjaħ lejh it-Tnax u qalilhom: "Ara, issa aħna telgħin Ġerusalemm, u jseħħ kull ma kitbu l-profeti fuq Bin il-bniedem. [Lq:18:32] Għax se jagħtuh f'idejn il-pagani u jiddieħku bih, iżebilħuh u jobżqulu fuqu, [Lq:18:33] jagħtuh is-swat u joqtluh, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet." [Lq:18:34] Iżda minn dan kollu ma fehmu xejn; kien diskors li baqa' mistur għalihom, u ma fehmu xejn milli qal.
Ġesù jfejjaq l-agħma ta' Ġeriko

(Mt 20, 29-34; Mk 10, 46-52)


[Lq:18:35] Ġara li, huwa u riesaq lejn Ġeriko, kien hemm wieħed agħma bilqiegħda mal-ġenb tat-triq jittallab il-karità. [Lq:18:36] Dan sama' l-kotra tan-nies għaddejja u beda jistaqsi x'ġara. [Lq:18:37] U qalulu li kien għaddej Ġesù ta' Nazaret. [Lq:18:38] Hu qabad jgħajjat u jgħid: "Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni!" [Lq:18:39] Dawk li kienu mexjin quddiem bdew iċanfruh u jsikktuh, imma hu aktar issokta jgħajjat: "Bin David, ikollok ħniena minni!" [Lq:18:40] Ġesù waqaf u ordna li jressquhulu quddiemu. Meta resaq, staqsieh: [Lq:18:41] "Xi tridni nagħmillek?" "Li nara, Mulej," wieġbu dak. [Lq:18:42] U Ġesù qallu: "Ara, iva! Il-fidi tiegħek salvatek." [Lq:18:43] U minnufih beda jara, u baqa' miexi warajh jagħti glorja lil Alla. U l-poplu kollu li ra dan beda jfaħħar lil Alla.
19. Ġesù u Żakkew
[Lq:19:1] Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq. [Lq:19:2] Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani. [Lq:19:3] Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir. [Lq:19:4] Għalhekk mar jiġri 'l quddiem u xxabbat ma' siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa kien se jgħaddi. [Lq:19:5] Ġesù, kif wasal hemm, ħares 'il fuq u qallu: "Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek." [Lq:19:6] Dak niżel bla telf ta' żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu. [Lq:19:7] In-nies, meta rawh, lkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ. [Lq:19:8] Imma Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: "Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b'xi ħadd inroddlu għal erba' darbiet iżjed." [Lq:19:9] Qallu Ġesù: "F'din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham. [Lq:19:10] Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf."
Il-parabbola ta' l-għaxar miniet
[Lq:19:11] Huma u jisimgħu dan, Ġesù żied jgħid parabbola, għax kien qrib Ġerusalemm, u n-nies kien mingħalihom li s-Saltna ta' Alla kienet se tidher minnufih. [Lq:19:12] Mela qal: "Wieħed raġel nobbli siefer f'pajjiż fil-bogħod biex jagħmluh sultan u mbagħad jerġa' lura. [Lq:19:13] Sejjaħ għaxar qaddejja tiegħu, tahom għaxar miniet u qalilhom: 'Ħaddmuhom, sa ma nerġa' niġi.' [Lq:19:14] Issa n-nies ta' pajjiżu kienu jobogħduh, u bagħtu ambaxxata warajh biex jgħidu, 'Ma rriduhx lil dan isaltan fuqna.' [Lq:19:15] Ġara li, meta ħa s-saltna u raġa' lura, bagħat isejjaħ lil dawk il-qaddejja li kien tahom il-flus, biex ikun jaf kif ħaddmuhom u x'qalgħu. [Lq:19:16] Resaq l-ewwel wieħed u qallu, 'Sinjur, bil-mina tiegħek qlajt għaxar miniet.' [Lq:19:17] Qallu, 'Sewwa, qaddej tajjeb! Ladarba kont fidil f'ħaġa tassew żgħira, ħu f'idejk is-setgħa fuq għaxart ibliet.' [Lq:19:18] Ġie t-tieni wieħed u qallu, 'Sinjur bil-mina tiegħek daħħalt ħames miniet.' [Lq:19:19] Lil dan ukoll qallu, 'U int ħu taħt idejk ħamest ibliet.' [Lq:19:20] U ġie ieħor u qallu, 'Sinjur, hawn ara l-mina tiegħek li jien żammejt merfugħa f'maktur. [Lq:19:21] Għax jien bżajt minnek billi inti bniedem aħrax, li tfittex dak li ma ħżintx, u taħsad dak li ma żrajtx.' [Lq:19:22] Qallu, 'Fuq kliemek stess nagħmel ħaqq minnek, ja qaddej ħażin! Kont taf li jiena bniedem aħrax, nfittex dak li ma ħżintx u naħsad dak li ma żrajtx. [Lq:19:23] Mela għax ma mortx tqiegħed flusi l-bank biex meta niġi kont niġbidhom bl-imgħax?' [Lq:19:24] Mbagħad qal lil ta' madwaru, 'Ħudulu l-mina u agħtuha lil dak li għandu l-għaxar miniet.' [Lq:19:25] 'Imma, sinjur,' qalulu, 'għandu għaxar miniet!' [Lq:19:26] 'Ngħidilkom li kull min għandu, jingħatalu; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. [Lq:19:27] Lil dawk l-għedewwa tiegħi mbagħad li ma ridunix insaltan fuqhom, morru ġibuhom hawn u agħtuhom il-mewt quddiemi.' "
Id-daħla messjanika f'Ġerusalemm

(Mt 21, 1-11; Mk 11, 1-11; Ġw 12, 12-16)


[Lq:19:28] Kif qal dan, Ġesù qabad it-triq u beda tiela' lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn. [Lq:19:29] U meta wasal qrib Bѐtfaġe u Betanja, ħdejn l-għolja li jgħidulha taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu [Lq:19:30] u qalilhom: "Morru fir-raħal ta' biswitna; kif taslu, ssibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh. [Lq:19:31] Jekk xi ħadd jistaqsikom għalfejn qegħdin tħolluh, għidulu li l-Mulej għandu bżonnu." [Lq:19:32] Dawk li kienu mibgħuta marru u sabu kollox kif kien qalilhom. [Lq:19:33] Huma u jħollu l-felu, is-sidien tiegħu qalulhom: "Għalfejn qegħdin tħolluh il-felu?" [Lq:19:34] U huma wieġbu: "Għax il-Mulej jeħtieġu."
[Lq:19:35] Mbagħad ġiebu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u rikkbu lil Ġesù fuqu. [Lq:19:36] Huwa u għaddej, firxu l-imnatar tagħhom fit-triq. [Lq:19:37] Xħin imbagħad kien qorob lejn in-niżla ta' l-Għolja taż- Żebbuġ, il-kotra kollha tad-dixxipli bdiet tfaħħar lil Alla b'għajat ta' ferħ u b'leħen għoli għall-għeġubijiet kollha li kienu raw, [Lq:19:38] u bdew jgħidu:
" Mbierek is-Sultan

li ġej f’isem il-Mulej!

Sliem fis-sema,

u glorja fl-ogħla tas-smewwiet!"


[Lq:19:39] Xi wħud mill-Fariżej li kienu qalb il-folla qalulu: "Mgħallem, ċanfarhom lid-dixxipli tiegħek!" [Lq:19:40] Iżda hu weġibhom u qal: "Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel."
[Lq:19:41] Wasal qrib il-belt u, kif raha, beda jibkiha [Lq:19:42] u jgħid: "M'hux li għaraft imqar int ukoll f'dan il-jum x'inhu ta' ġid għalik! Imma issa! Dan hu moħbi minn għajnejk! [Lq:19:43] Għax għad jiġi żmien fuqek meta l-għedewwa tiegħek idawwruk b'rampa u jagħlquk minn kullimkien u jrossu fuqek minn kull naħa; [Lq:19:44] u jġarrfu lilek u lil uliedek fik, u ma jħallux fik ġebla fuq oħra, talli ma għaraftx iż-żmien taż-żjara li saritlek!"
Il-qdusija tat-tempju

(Mt 21, 12-17; Mk 11, 15-19; Ġw 2, 13-22)


[Lq:19:45] Mbagħad daħal fit-tempju, u qabad ikeċċi 'l barra l-bejjiegħa [Lq:19:46] u jgħidilhom: "Hemm miktub, ‘Id-dar tiegħi tkun dar it-talb.’ Iżda intom għamiltuha għar tal-ħallelin!
[Lq:19:47] U kien jgħallem kuljum fit-tempju. Il-qassisin il-kbar u l-kittieba u l-kbarat tal-poplu kienu jfittxu li jeqirduh; [Lq:19:48] iżda ma kinux jafu x'jaqbdu jagħmlu, għax il-poplu kollu kien imqabbad miegħu biex jisimgħu.

20. Il-Lhud jistaqsu dwar is-setgħa ta' Ġesù

(Mt 21, 23-27; Mk 11, 27-33)


[Lq:20:1] Ġara li, jum wieħed, huwa u jgħallem lin-nies fit-tempju u jxandar l-Evanġelju, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u l-kittieba flimkien max-xjuħ [Lq:20:2] u staqsewh u qalulu: "Għidilna, int b'liema setgħa qiegħed tagħmel dan kollu? U min hu dak li tahielek din is-setgħa?" [Lq:20:3] Hu weġibhom u qal: "Ħa nagħmlilkom mistoqsija jien ukoll. Għiduli, [Lq:20:4] il-magħmudija ta' Ġwanni kienet ġejja mis-sema jew mill-bnedmin?" [Lq:20:5] Dawk bdew jirraġunaw bejniethom u jgħidu: "Jekk inweġbuh, 'Mis-sema,' jgħidilna, 'Mela għaliex ma emmintuhx?' [Lq:20:6] U jekk ngħidulu, 'Mill-bnedmin,' il-poplu kollu jħaġġarna!" Għax kulħadd kien jemmen li Ġwanni kien profeta. [Lq:20:7] Għalhekk weġbuh li ma kinux jafu minn fejn. [Lq:20:8] U Ġesù qalilhom: "Mela anqas jien ma ngħidilkom b'liema setgħa qiegħed nagħmel dan."
Il-parabbola ta' l-għalqa u l-bdiewa

(Mt 21, 33-46; Mk 12, 1-12)


[Lq:20:9] Imma lin-nies beda jgħidilhom din il-parabbola: "Kien hemm raġel li ħawwel għalqa dwieli, qabbilha lil xi bdiewa, u mar jagħmel safra twila f'art oħra. [Lq:20:10] Meta wasal iż-żmien, bagħat qaddej għand il-bdiewa biex jagħtuh is-sehem li kien imissu mill-frott ta' l-għalqa. Iżda l-bdiewa sawwtuh u reġgħu bagħtuh lura idu f'idu. [Lq:20:11] Għal darb'oħra bagħtilhom qaddej ieħor, imma lil dan ukoll darbuh u xeħtuh 'il barra idu f'idu. [Lq:20:12] Għat-tielet darba bagħtilhom ieħor, imma lil dan ukoll ferewh u xeħtuh 'il barra. [Lq:20:13] 'X'naqbad nagħmel?' qal sid l-għalqa; 'ħa nibagħtilhom lil ibni l-għażiż; nittama li minn dan jistħu' [Lq:20:14] Iżda kif rawh il-bdiewa bdew jiftiehmu bejniethom u jgħidu lil xulxin: 'Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu jaqa' fuqna.' [Lq:20:15] U xeħtuh 'il barra mill-għalqa tad-dwieli u qatluh. Issa x'jagħmlilhom sid l-għalqa? [Lq:20:16] Jiġi u jeqred lil dawk il-bdiewa, u l-għalqa tad-dwieli jqabbilha lil ħaddieħor." "Ma jkun qatt!" qalulu meta semgħuh jgħid hekk. [Lq:20:17] Iżda Ġesù ħares lejhom u qalilhom: "Mela xi jfisser dak li hemm miktub,
‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja

saret il-ġebla tax-xewka’?


[Lq:20:18] Min jaqa' fuq din il-ġebla jitfarrak, u fuq min taqa' tgħaffġu taħtha." [Lq:20:19] Il-kittieba u l-qassisin il-kbar riedu kieku jmiddu idejhom fuqu dak il-ħin stess, imma beżgħu mill-poplu. Fehmu li dik il-parabbola kien qalha għalihom.
It-taxxi lil Ċesari

(Mt 22, 15-22; Mk 12, 13-17)


[Lq:20:20] Mbagħad huma qagħdu għassa tiegħu u bagħtu għandu lil xi wħud taparsi nies sewwa biex jonsbuh u forsi jaqbduh f'xi kelma, u hekk ikunu jistgħu jagħtuh f'idejn il-gvernatur li kellu s-setgħa u l-awtorità. [Lq:20:21] Dawk staqsewh u qalulu: "Mgħallem, aħna nafu li inti tgħid u tgħallem is-sewwa bla ma tħares lejn wiċċ ħadd, imma t-triq ta' Alla tgħallimha kif tassew hi. [Lq:20:22] Sewwa jew le li aħna nħallsu t-taxxa lil Ċesari?" Lq:20:23] Iżda hu ntebaħ bil-ħażen tagħhom u qalilhom: [Lq:20:24] "Uruni dinar. Il-wiċċ u l-kitba ta' min huma?" Qalulu: "Ta' Ċesari." [Lq:20:25] Mbagħad qalilhom: "U mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta' Ċesari, u lil Alla dak li hu ta' Alla." [Lq:20:26] U hekk ma seħħilhomx jaqbduh fil-kelma quddiem il-poplu, u kollhom mistagħġba għalqu ħalqhom għat-tweġiba tiegħu.
Il-qawmien mill-imwiet

(Mt 22, 23-33; Mk 12, 18-27)


[Lq:20:27] Mela resqu fuqu xi wħud mis-Sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh: [Lq:20:28] "Mgħallem," qalulu,"Mosè ħallielna miktub, 'Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh.' [Lq:20:29] Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal. [Lq:20:30] It-tieni wieħed, [Lq:20:31] u mbagħad it-tielet, f'kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal. [Lq:20:32] Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. [Lq:20:33] Issa din, fil-qawmien ta' l-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewwġuha." [Lq:20:34] Weġibhom Ġesù: "Il-bnedmin f'din id-dinja jiżżewwġu u jżewwġu; [Lq:20:35] imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewwġu u lanqas jiżżewwġu. [Lq:20:36] Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet. [Lq:20:37] U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh, fir-rakkont tax-xitla ta' l-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta' Abraham, Alla ta' Iżakk, u Alla ta' Ġakobb. [Lq:20:38] Issa hu m'huwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix." [Lq:20:39] Qabżu xi wħud mill-kittieba u qalulu: "Mgħallem, sewwa qiegħed tgħid." [Lq:20:40] Għax xejn iżjed ma kellhom il-wiċċ jistaqsuh.
Mistoqsija dwar Bin David

(Mt 22, 41-46; Mk 12, 35-37)


[Lq:20:41] Mbagħad qalilhom: "Din kif inhi li jgħidu li l-Messija huwa bin David? [Lq:20:42] Għax David stess jgħid fil-Ktieb tas-Salmi,

‘Il-Mulej qal lil Sidi :

Oqgħod fuq il-lemin tiegħi,

[Lq:20:43] sa ma nkun qegħedt l-għedewwa

tiegħek taħt riġlejk.’


[Lq:20:44] Jiġifieri, David sejjaħlu Sidu; mela kif inhu ibnu?"
Ġesù jikkundanna l-kittieba tal-Lhud

(Mt 23, 1-36; Mk 12, 38-40; Lq 11, 37-54)


[Lq:20:45] Waqt li l-poplu kollu kien qiegħed jisma', Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: [Lq:20:46] "Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jridu biss iduru mat-toroq bi lbiesi twal, u jħobbu t-tislim fil-pjazez u s-siġġijiet ta' quddiem fis-sinagogi u l-postijiet ewlenin fil-pranzijiet, [Lq:20:47] iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa."
21. L-offerta ta' l-armla

(Mk 12, 41-44)


[Lq:21:1] Rafa' għajnejh u ra l-għonja jitfgħu l-offerti tagħhom fit-teżor tat-tempju. [Lq:21:2] U ra wkoll waħda armla fqira titfa' biċċtejn żgħar tal-flus, [Lq:21:3] u qal: "Ngħidilkom is-sew, din l-armla fqira tefgħet iktar minnhom ilkoll. [Lq:21:4] Għax dawn kollha għamlu offerti miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix."
1   2   3   4   5   6


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©atelim.com 2016
rəhbərliyinə müraciət