Ana səhifə

Id-dwell fi żmien il-Ħakma ingliżA


Yüklə 13.64 Kb.
tarix18.07.2016
ölçüsü13.64 Kb.
Joseph Serracino jikteb dwar:

ID-DWELL FI ŻMIEN Il-ĦAKMA INGLIŻA



It-Tieni Parti
Fl-ewwel snin tas-seklu dsatax id-dwell kien ġie pprojbit f’bosta pajjiżi Ewropej, fosthom f’Malta. Il-qrati madwar l-Ewropa kienu qegħdin jagħtu sentenzi ħorox għal min jinqabad jidwella u anki għal dawk il-persuni li bil-fomm jew bl-għemil kienu jgħinu biex isir dan ir-reat.
Hawnhekk tajjeb li wieħed jgħid ukoll li waqt li f’kull ħakma f’pajjiżna kellha l-liġijiet u l-pieni tagħha għal dawn ir-reati, insibu każi fejn il-protagonisti nqabdu, u meta tressqu l-qorti u s-sentenza tagħhom għaddiet għall-approvazzjoni quddiem l-awtorita’ suprema tal-pajjiż, għal xi raġunijiet li mhux dejjem ingħataw ma ttieħdux passi kontra l-akkużati. Dan il-fatt l-aktar li jidher u jinħass kien fiż-żmien il-ħakma Ingliża f’Malta kif se naraw f’dawn iż-żewġ każi:
L-ewwel każ seħħ f’Jannar tas-sena 1803 waqt ballu f’teatru żgħir f’Marsamxett. F’ħin minnhom inqalgħet tilwima bejn fizzjal Amerikan u żewġ żgħażagħ Ingliżi John Mill u John Cocoran li spiċċat fi ġlieda. Wara din il-ġlieda l-protagonisti stiednu lil xulxin għad-dwell, u skond l-użanza taw il-biljett lil xulxin.
Meta l-Logotenent Morello bagħat għal Mill u staqsieh dwar l-istedina tad-dwell, dan qallu li l-kwistjoni kienet irrisolviet ruħha. Surġent Ingliż li dak in-nhar inżerta għassa fit-Teatru ta’ Marsamxett ikkonferma dan! Iżda ġara, li Mudest Balbi, is-sid tad-dar li fiha kien igħammar Cocoran, irrapporta lil-Logotenent Morello li tifel Amerikan kien ġab għandu żewġt pistoli f’ġwelaq għal Cocoran, u hu għaddielu l-ħsieb li dawn il-pistoli kienu mħejjija għal xi dwell.
Din il-kwistjoni kompliet tiggrava ruħha meta ftit jiem wara Cocoran kien qiegħed fit-Teatru Manoel, resaq fuqu fizzjal Amerikan, u waqt li deher ikellmu xejjirlu daqqa ta’ ponn. L-istess ġralu Mill hekk kif dana daħal fit-teatru u resaq lejn sieħbu.
Fil-lejla tat-13 ta’ Frar 1803 Cocoran flimkien ma’ tabib Ingliż marru għand Madalena Zammit, peress li issa kien bidel ir-residenza tiegħu. Hawnhekk Cocoran talab lis-seftur tiegħu Ċikku Caruana biex jqajmu fl-erbgħa ta’ filgħodu. L-għada, Cikku qajjem lis-sinjur tiegħu u reġa’ mar jorqod, iżda f’ħin minnhom stembaħ u sema’ lil Cocoran jitkellem ma’ xi ħadd u wara ħarġu flimkien. Hawnhekk Ċikku ħareġ warajhom, u fit-triq iltaqa’ ma’ Natal, is-seftur ta’ Mill. Dana qallu li s-sinjur tiegħu ltaqa’ ma’ Cocoran u Ingliż ieħor u baqgħu sejrin lejn il-Bieb tal-Bombi fejn kellu ssir id-dwell.
Skond ix-xhieda tas-surġent Salvu Piott, li xogħlu kien ta’ gwardjan fuq is-suldati li kienu jsewwu t-toroq fl-inħawi ta’ Ħal Qormi, sar magħruf li l-14 ta’ Frar 1803 f’xi s-sebgħa ta’ filgħodu, huwa u ħiereġ mill-Bieb tal-Bombi osserva żewġt irġiel - baħri Amerikan u l-ieħor Malti telgħin mill-foss ta’ taħt is-sur, u wara qagħdu maġenb xulxin fuq trunċiera li hemm fuq il-foss.
Id-dehra ta’ dawn irġiel ħasbuh ħażin u b’kurżita’ kbira resaq lejn xifer il-foss u ta titwila ‘l isfel. Hemmhekk huwa ra ħamest irġiel, żewġ fizzjali - wieħed Amerikan u l-ieħor tal-baħar, u t-tlieta l-oħra kienu lebsin ilbies pajżana. Kif ra hekk, huwa trekken wara trunċiera minn fejn seta’ jara kollox. F’ħin minnhom huwa ra lill-Amerikan jitbiegħed mill-erbat irġiel li kienu qegħdin jitħaddtu bejniethom. Wara ftit tnejn minnhom dehru jippruvaw żewġ pistoli bil-porvli u wara li mlewhom bil-balal tbiegħdu xi passi minn xulxin.
Mas-sinjal tal-fizzjal Amerikan, għollew il-pistoli, immiraw lejn xulxin u sparaw. Ħadd minnhom ma ntlaqat! Fil-pront resqu tnejn min-nies maġenb dawk tal-pistoli, imlew mill-ġdid il-pistoli u meta l-parrinijiet tbegħdu minnhom, ingħata mill-ġdid is-sinjal mill-fizzjal Amerikan u faqqet sparatura. Ma’ l-isparatura wieħed mill-protagoisti ntlaqat f’wiċċu u waqa’ fl-art. Malli spiċċa id-dwell, tlieta minnhom u l-fizzjal Amerikan ħallew il-post u l-ieħor baqa’ mal-midrub.
Is-surġent Piott kompla jixħed li f’ħin minnhom ir-raġel li baqa’ mad-midrub intebaħ bih u sejjaħlu. Meta resaq maġenbu talbu biex joqgħod ftit mal-mibrub (John Cocoran) sakemm hu jmur iġib kaless. Iżda sakemm wasal lura bil-kaless il-midrub laħaq miet. Fl-aċċess sar magħruf li John Cocoran - żagħżugħ Irlandiż ta’ 23 sena ġie maqtul b’tir ta’ pistola, billi l-balla daħlet minn ħalqu u baqgħet tiela’ f’rasu. Mill-mistoqsijiet li sar lil Mill sar magħruf li fl-għodwa ta’ 14 ta’ Frar, Cocoran u Ingliż ieħor marru għandu u xorbu ftit rum flimkien. Meta ġie mistoqsi x’kien jismu dan l-Ingliż, huwa wieġeb li ma kienx jafu.
Meta l-qorti insistiet ma’ Mill biex jgħidilha l-isem ta’ l-Ingliż l-ieħor u dan naqas li jagħtiha ismu, il-Qorti tefgħet il-ħtija kollha fuqu u żammitu ħati tad-dwell u għaddiet ir-rapport kollu lill-Gvernatur. Iżda il-Gvernatur ħalla kollox għaddej mar-riħ u ma ttieħdet l-ebda sentenza kontra Mill.
Każ ieħor li kien imdaħħal dwell, iżda li fortunatament ma seħħx ġara fl-14 ta’ Awissu 1809. James Green, kien ġie mgiegħel mill-qorti li jkanta l-palidonija - igiddeb lilu nnifsu milli qal fuq il-mara tal-Lhudi Mose’ Abeasis f’nofs ta’ triq fejn qabel kien qasqas fuq għajru.
Green ġie arrestat u mressaq quddiem il-qorti. Fix-xhieda tiegħu Green stqarr li hu bagħat l-istedina għad-dwell lil Abeasis, u peress li dan ma laqax din l-istedina huwa kien ser jibqa’ żżommu bħala raġel ġifa. Mix-xhieda li taha, huwa stqarr li kien jaħdem bħala ħajjat, u li kien stieden lil Abeasis għad-dwell wara li dan għajjar lilu u lin-niesu, u li t-tifel ta’ Abeasis kien darab lil ibnu f’rasu.
Hawnhekk il-qorti widdbet lil Green li huwa messu talab ħaqq mill-qorti u mhux jistieden lil Abeasis għad-dwell. Barra hekk il-qorti fakkritu li t-tilwima tagħhom kellha tispiċċa wara s-sentenza li tat l-istess qorti fl-14 ta’ Awwissu ta’ dik is-sena, iżda minflok li hu aċċetta s-sentenza u qagħad għaliha, huwa fittex li jitħallas b’idejh. Barra hekk, il-qorti fakkritu wkoll li fil-liġijiet ta’ Malta kien hemm stipulat, li min jistieden għad-dwell huwa dejjem ħati f’għajnejn il-liġi u hemm pieni ħorox għal min jinqabad li jiksirhom.
Hawnhekk Green ammetta li kien għamel ħażin u peress li hu kien ilu jgħix f’Malta madwar ħames snin ma kienx jaf li l-liġi tipprojbwixxi d-dwell f’Malta. Wara din l-istqarrija Green ġie meħlus bil-kundizzjoni li jekk jerġa’ jkollu xi jgħid ma’ Abeasis jew ma’ niesu sew bil-kliem jew b’xi għemil, huwa jiġi minnufih arrestat u mitfugħ xagħrejn ħabs.
ikompli


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©atelim.com 2016
rəhbərliyinə müraciət