Ana səhifə

L-evanġelju ta’ sidna ġESÙ kristu skond san luqa dedika LIL Teofilu


Yüklə 0.61 Mb.
səhifə3/6
tarix25.06.2016
ölçüsü0.61 Mb.
1   2   3   4   5   6

Ġesù jsikket it-tempesta

(Mt 8, 18, 23-27; Mk 4, 35-41)


[Lq:8:22] Darba fost l-oħrajn tela' fuq id-dgħajsa mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: "Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor ta' l-għadira." U qadfu 'l barra. [Lq:8:23] Huma u sejrin, marret għajnu bih. U qam riefnu kbir fuq l-għadira, d-dgħajsa bdiet timtela bl-ilma, u sabu ruħhom f'qagħda mwiegħra. [Lq:8:24] Għalhekk resqu lejh, qajjmuh u qalulu: "Mgħallem, Mgħallem, se nintilfu!" Hu qam, ordna lir-riħ u lill-mewġ imqalleb, u dawn siktu u waqgħet il-kalma. [Lq:8:25] U qal lid-dixxipli: "Fejn hi l-fidi tagħkom?" Qabadhom il-biża', u mistagħġba bdew jgħidu lil xulxin: "Dan min hu, mela, biex jordna saħansitra lill-irjieħ u lill-baħar u huma jisimgħu minnu!"
Fejqan ta' raġel bi spirtu mniġġes

(Mt 8, 28-34; Mk 5, 1-20)


[Lq:8:26] Waslu x-xatt u niżlu fl-art tal-Gerasin li tiġi biswit il-Galilija. [Lq:8:27] Huwa u nieżel l-art, resaq raġel minn dik il-belt, maħkum mix-xitan. Kien ilu żmien twil ma jxidd libsa fuqu, u ma kienx joqgħod id-dar, imma qalb l-oqbra. [Lq:8:28] Kif lemaħ lil Ġesù qabad jgħajjat, nxteħet quddiemu u b'leħen qawwi qallu: "Aħna x'għandna x'naqsmu, Ġesù, Bin Alla l-Għoli? Nitolbok, taħqarnix!" [Lq:8:29] Għax Ġesù kien ġa kkmanda lill-ispirtu mniġġes biex joħroġ minn dak il-bniedem. Għax bosta drabi kien jaħkmu, u n-nies kienu jorbtuh bil-ktajjen u bix-xkiel biex iżommuh, iżda hu kien iqaċċat l-irbit u x-xitan kien jimbuttah lejn id-deżert. [Lq:8:30] Ġesù staqsieh: "X'jismek?" "Leġjun," qallu, għax ħafna xjaten kienu daħlu fih. [Lq:8:31] beda jitolbu biex ma jordnalhomx imorru fl-abbissi.
[Lq:8:32] Mela kien hemm merħla kbira ta' ħnieżer jirgħu fuq l-għolja, u l-ispirti talbuh biex iħallihom jidħlu fihom; u hu ħalliehom. [Lq:8:33] U x-xjaten ħarġu minn dak il-bniedem u daħlu fil-ħnieżer. U l-merħla nxteħtet għal ġo l-għadira mill-għoli tax-xaqliba u għerqet. [Lq:8:34] Ir-rgħajja, meta raw x'ġara, ħarbu u marru jxerrdu l-aħbar mal-belt u l-irziezet. [Lq:8:35] In-nies ħarġu jaraw x'ġara u marru ħdejn Ġesù, u lil dak ir-raġel li minnu kienu ħarġu x-xjaten sabuh bilqiegħda f'riġlejn Ġesù, liebes u moħħu f'sikktu; u qabadhom il-biża'. [Lq:8:36] In-nies li raw x'ġara qalulhom kif Ġesù fejjaq lil dak li kien maħkum mix-xitan. [Lq:8:37] Mbagħad in-nies kollha ta' l-inħawi ta' Gerasa bdew jitolbu lil Ġesù biex iwarrab minn ħdejhom, għax biża' kbir kien waqa' fuqhom. U hu tela' fuq id-dgħajsa u reġa' lura. [Lq:8:38] Ir-raġel li minnu kienu ħarġu x-xjaten talbu biex jibqa' miegħu, iżda hu bagħtu u qallu: [Lq:8:39] "Erġa' lura lejn id-dar u għarraf kull ma għamel Alla miegħek." Dak telaq u xandar mal-belt kollha kull ma kien għamel miegħu Ġesù.
Bint Ġajru mqajjma mill-mewt u l-mara mfejjqa

(Mt 9, 18-26; Mk 5, 21-43)


[Lq:8:40] Meta raġa' lura Ġesù, il-kotra laqgħetu, għax kulħadd kien qiegħed jistennieh. [Lq:8:41] U ġie wieħed, jismu Ġajru, li kien kap tas-sinagoga, nxteħet f'riġlejn Ġesù u talbu jasal wasla sa għandu, [Lq:8:42] għax kienet qiegħda tmutlu bintu, tifla ta' xi tnax-il sena, li ma kellux ħliefha.
Huwa u sejjer in-nies bdew irossu fuqu. [Lq:8:43] U kien hemm mara, li kienet ilha tnax-il sena tbati bit-tnixxija tad-demm; kienet ħliet ġidha kollu fit-tobba u ħadd minnhom ma kellu ħila jfejjaqha; [Lq:8:44] resqet lejn Ġesù minn warajh u messitlu t-tarf tal-libsa, u minnufih it-tnixxija tad-demm waqfitilha. [Lq:8:45] U Ġesù qal: "Min messni?" Kulħadd ċaħad li kien messu, u Pietru qallu: "Mgħallem, in-nies qegħdin jagħfsu fuqek u jrossu madwarek." [Lq:8:46] Imma Ġesù qal: "Xi ħadd messni, għax ħassejt li xi qawwa ħarġet minni." [Lq:8:47] Il-mara, meta rat li ma setgħetx tinħeba, resqet b'rogħda fuqha, nxteħtet quddiemu, u stqarritlu quddiem kulħadd l-għala kienet messitu u kif fieqet minnufih. [Lq:8:48] U hu qalilha: "Binti, il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliema."
[Lq:8:49] Kif kien għadu jitkellem, wasal wieħed mid-dar tal-kap tas-sinagoga u qallu: "Bintek mietet; tħabbtux iżjed lill-Imgħallem." [Lq:8:50] Iżda Ġesù, meta sama' dan, qal lill-kap: "Tibżax, biss inti emmen, u hi tfiq." [Lq:8:51] Wasal id-dar, u ma ħalla lil ħadd jidħol miegħu ħlief lil Pietru u 'l Ġwanni u 'l Ġakbu, u lil missier it-tifla u 'l ommha. [Lq:8:52] Kulħadd kien qiegħed jibkiha u jħabbat fuq sidru minħabba fiha. U hu qalilhom: "Tibkux, għax m'hijiex mejta, imma rieqda." [Lq:8:53] U qabdu jiddieħku bih, għax kienu jafu li mietet. [Lq:8:54] Imma hu qabdilha idha u b'leħen qawwi qalilha: "Tifla, qum?" [Lq:8:55] U reġgħet daħlet ruħha fiha, u minnufih qamet, u hu ordnalhom jagħtuha tiekol. [Lq:8:56] Il-ġenituri tagħha stagħġbu għall-aħħar, imma hu wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd b'li ġara.
9. Il-missjoni tat-Tnax

(Mt 10, 5-15; Mk 6, 7-13)


[Lq:9:1] Sejjaħ lit-Tnax madwaru u tahom qawwa u setgħa fuq ix-xjaten kollha u li jfejjqu l-mard [Lq:9:2] U bagħathom ixandru s-Saltna ta' Alla u jfejjqu l-morda. [Lq:9:3] U qalilhom: "Tieħdu xejn magħkom għat-triq, la ħatar, la ħorġa, la ħobż u lanqas flus, u lanqas ma jkollkom żewġ ilbiesi. [Lq:9:4] Jekk tidħlu f'xi dar, ibqgħu hemm sa ma tiġu biex titilqu. [Lq:9:5] Jekk ma jilqgħukomx, oħorġu minn dik il-belt u farfru sa t-trab tagħha minn ma' riġlejkom bħala xhieda kontrihom." [Lq:9:6] Ħarġu, mela, u bdew iduru l-irħula jxandru l-Evanġelju u jfejjqu l-morda kullimkien.
Erodi mħasseb

(Mt 14, 1-12; Mk 6, 14-29)


[Lq:9:7] Dawn il-ġrajja kollha waslu f'widnejn Erodi t-tetrarka u beda jitħasseb, għaliex xi wħud kienu qegħdin jgħidu li Ġwanni qam mill-imwiet, [Lq:9:8] waqt li oħrajn qalu li deher Elija, u oħrajn li qam wieħed mill-profeti ta' l-imgħoddi. [Lq:9:9] Iżda Erodi qal: "Lil Ġwanni qtajtlu rasu; mela min hu dan li fuqu qiegħed nisma' dan kollu?" U beda jfittex li jarah.
Ġesù jitma' ħamest elef

(Mt 14, 13-21; Mk 6, 14-29; Ġw 6, 1-13)


[Lq:9:10] L-appostli reġgħu lura għand Ġesù u qalulu x'kienu għamlu; mbagħad ħadhom miegħu u nġabar magħhom qrib belt jisimha Betsajda. [Lq:9:11] Imma l-folol saru jafu u marru warajh. Hu laqagħhom u qagħad ikellimhom fuq is-Saltna ta' Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan. [Lq:9:12] Il-jum kien wasal biex jintemm. Resqu lejh it-Tnax u qalulu: "Ibgħathom in-nies ħa jmorru fl-irħula u r-rziezet tal-qrib biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa, għax hawnhekk qegħdin f'post imwarrab." [Lq:9:13] Iżda hu qalilhom: "Agħtuhom intom x'jieklu." Qalulu: "Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk għallinqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha!" [Lq:9:14] Għax kien hemm madwar il-ħamest elef raġel. U qal lid-dixxipli tiegħu: "Qegħduhom bilqiegħda ħamsin ħamsin." [Lq:9:15] Hekk għamlu, u qiegħdu lil kulħadd bilqiegħda. [Lq:9:16] Mbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa' għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex inewwluhom lin-nies. [Lq:9:17] U kulħadd kiel u xaba' u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa.
Pietru jistqarr il-fidi f'Ġesù

(Mt 16, 13-20; Mk 8, 27-39)


[Lq:9:18] Darba, waqt li kien qiegħed jitlob waħdu, kien hemm miegħu d-dixxipli tiegħu, u hu staqsiehom: "Min jgħidu n-nies li jien?" [Lq:9:19] Huma weġbuh u qalulu: "Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, li qam wieħed mill-profeti ta' l-imgħoddi." [Lq:9:20] Qalilhom: "Imma intom min tgħidu li jien?" Qabeż Pietru u qallu: "Inti l-Messija ta' Alla."
L-ewwel taħbira tal-mewt u tal-qawmien

(Mt 16, 20-28; Mk 8, 30-9, 1)


[Lq:9:21] Mbagħad ikkmandahom u qalilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b'dan. [Lq:9:22] U qalilhom: "Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum." [Lq:9:23] Darba qal lil kulħadd: "Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa' salibu kuljum, u jimxi warajja. [Lq:9:24] Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha. [Lq:9:25] Għax x'jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered? [Lq:9:26] Għax jekk xi ħadd jistħi minni u minn kliemi, Bin il-bniedem ukoll jistħi minnu meta jiġi fil-glorja tiegħu u tal-Missier u ta' l-anġli mqaddsa. [Lq:9:27] Tassew, ngħidilkom, xi wħud minn dawk li qegħdin hawn ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw is-Saltna ta' Alla."
It-Trasfigurazzjoni

(Mt 17, 1-9; Mk 8, 2-10)


[Lq:9:28] Daqs tmint ijiem wara dan id-diskors, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u 'l Ġakbu, u tala' fuq il-muntanja biex jitlob. [Lq:9:29] U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta' wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta' bjuda li tgħammex. [Lq:9:30] U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija, [Lq:9:31] li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta' ħajtu li kellu jseħħ f'Ġerusalemm. [Lq:9:32] Pietru u sħabu kienu mejtin bin-ngħas, imma baqgħu mqajjmin sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt irġiel li kienu miegħu. [Lq:9:33] Xħin dawn it-tnejn kienu se jinfirdu minnu, Pietru qal lil Ġesù: "Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija." Ma kienx jaf x'inhu jgħid. [Lq:9:34] Waqt li kien qiegħed jgħid dan, ġiet sħaba u għattiethom u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba. [Lq:9:35] U minn ġos-sħaba nstama' leħen jgħid: "Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu." [Lq:9:36] Malli nstama' l-leħen Ġesù sab ruħu waħdu. Huma żammew is-skiet, u għal dawk il-jiem ma qalu xejn lil ħadd minn dak li kienu raw.
Ġesù jfejjaq tifel maħkum mix-xitan

(Mt 17, 14-18; Mk 9, 14-27)


[Lq:9:37] L-għada, huma u neżlin minn fuq il-muntanja, marru jilqgħuh ħafna nies. [Lq:9:38] U wieħed raġel mill-folla rafa' leħnu u qallu: "Mgħallem, nitolbok, ħares ħarsa lejn ibni, għax lilu biss għandi. [Lq:9:39] Ara, l-ispirtu jaqbdu u minnufih jibda jgħajjat, ikagħwġu ma' l-art kollu ragħwa, u jħallih imfarrak wara tbatija kbira biex joħroġ minnu. [Lq:9:40] Tlabt lid-dixxipli tiegħek biex ikeċċuh minnu, iżda ma setgħux." [Lq:9:41] Wieġeb Ġesù u qal: "Ja nies bla fidi u ħżiena, kemm se ndum magħkom u nissaportikom? Ġibli lil ibnek hawn." [Lq:9:42] Huwa u riesaq, ix-xitan beda jsabbtu u jkagħwġu ma' l-art. Imma Ġesù hedded ħafna lill-ispirtu mniġġes, fejjaq lit-tifel, u raġa' tah lil missieru. [Lq:9:43] U kulħadd tnixxef bil-għaġeb quddiem dan il-kobor li ma bħalu ta' Alla.
It-tieni taħbira tal-mewt u tal-qawmien

(Mt 17, 22-23; Mk 9, 30-32)


Imma waqt li kulħadd kien qiegħed jistagħġeb b’kull ma kien qiegħed jagħmel, Ġesù qal id-dixxipli tiegħu: [Lq:9:44] "Iftħu widnejkom sewwa għal dawn il-kelmiet: Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f'idejn il-bnedmin." [Lq:9:45] Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u baqa' mistur għalihom hekk li ma qabdu xejn minnu, u beżgħu jistaqsuh dwar dak li kien qal.
Min hu l-akbar fis-Saltna ta' Alla

(Mt 18, 1-5; Mk 9, 33-37)


[Lq:9:46] Qamet kwistjoni bejniethom dwar min kien l-akbar fosthom. [Lq:9:47] Ġesù għaraf x'kellhom f'moħħhom, u ressaq tifel żgħir lejh, qiegħdu maġenbu, [Lq:9:48] u qalilhom: "Min jilqa' lil dan it-tifel żgħir minħabba f'ismi, ikun jilqa' lili; u min jilqa' lili, ikun jilqa' lil dak li bagħatni. Għax min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir."
Min m'huwiex kontra tagħkom hu magħkom

(Mt 9, 38-40)


[Lq:9:49] Qabeż Ġwanni u qallu: "Mgħallem, rajna wieħed ikeċċi x-xjaten f'ismek, u ridna nżommuh, għax hu m'huwiex wieħed minn tagħna." [Lq:9:50] Imma Ġesù qallu: "La żżommuhx, għax min m'huwiex kontra tagħkom, huwa magħkom."
Is-Samaritani ma jilqgħux lil Ġesù
[Lq:9:51] Meta qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b'rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm. [Lq:9:52] U bagħat xi messaġġiera qablu li, huma u sejrin, daħlu f'raħal tas-Samarija biex iħejjulu fejn joqgħod. [Lq:9:53] Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm. [Lq:9:54] Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu: "Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?" [Lq:9:55] Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom. [Lq:9:56] U marru f'raħal ieħor.
X'jistenna Ġesù mid-dixxipli tiegħu

(Mt 8, 18-22)


[Lq:9:57] Huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qallu: "Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk." [Lq:9:58] U qallu Ġesù: "Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar ta' l-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu." [Lq:9:59] Lil wieħed ieħor qallu: "Imxi warajja." Iżda dak wieġbu: "Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri." [Lq:9:60] Iżda hu wieġbu: "Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta' Alla." [Lq:9:61] U ieħor ukoll qallu: "Jien niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini nsellem lil tad-dar." [Lq:9:62] Qallu Ġesù: "Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura m'huwiex tajjeb għas-Saltna ta' Alla."
10. Il-missjoni tat-72 dixxiplu
[Lq:10:1] Wara dan, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f'kull belt u post fejn kien se jmur hu. [Lq:10:2] U qalilhom: "Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. [Lq:10:3] Morru! Araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. [Lq:10:4] Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd. [Lq:10:5] Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu, 'Is-sliem lil din id-dar.' [Lq:10:6] U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa' lura għandkom. [Lq:10:7] Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra. [Lq:10:8] F'kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; [Lq:10:9] fejjqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom, 'Is-Saltna ta' Alla waslitilkom.' [Lq:10:10] Imma l-belt li fiha tidħlu u ma jilqgħukomx, oħorġu fil-pjazez tagħha u għidu, [Lq:10:11] 'Sa t-trab ta' beltkom infarfru minn ma' riġlejna, u nħalluh għalikom. Imma kunu afu dan: is-Saltna ta' Alla waslet.' [Lq:10:12] Ngħidilkom li dak il-jum ikun eħfef għal Sodoma milli għal dik il-belt.
Saħta fuq il-bliet li ma nidmux

(Mt 11, 20-24)


[Lq:10:13] "Ħażin għalik, Korożajn! Ħażin għalik, Betsajda! Għax kieku l-mirakli li saru fikom saru f'Tir u Sidon, kieku ilhom li nidmu u libsu l-ixkejjer u qagħdu fuq ir-rmied. [Lq:10:14] Imma l-ġudizzju għad ikun eħfef għal Tir u Sidon milli għalikom. [Lq:10:15] U int, Kafarnahum, taħseb li se togħla sas-sema? Sa ġol-qiegħ għad tinxteħet! [Lq:10:16] Min jisma' lilkom ikun jisma' lili, u min iwarrab lilkom ikun iwarrab lili; imma min iwarrab lili jkun iwarrab lil dak li bagħatni."
It-72 jerġgħu lura għand Ġesù
[Lq:10:17] It-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: "Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f'ismek!" [Lq:10:18] U hu qalilhom: "Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa' bħal berqa mis-sema. [Lq:10:19] Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa ta' l-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom. [Lq:10:20] Madankollu mhux b'dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet."
Il-ferħ ta' Ġesù

(Mt 11, 25-27; Mk 13, 16-17)


[Lq:10:21] F'dak l-istess ħin Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal: "Nfaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. [Lq:10:22] Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf min hu l-Iben ħlief il-Missier, anqas min hu l-Missier ħlief l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu." [Lq:10:23] Mbagħad dar lejn id-dixxipli u qal lilhom weħidhom: "Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qegħdin taraw intom. [Lq:10:24] Għax kif ngħidilkom jien, ħafna profeti u slaten riedu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx!"
Il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb
[Lq:10:25] Mela jqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrbu, staqsieh: "Mgħallem, x'nagħmel biex niret il-ħajja ta' dejjem?" [Lq:10:26] Qallu Ġesù: "Fil-Liġi x'hemm miktub? Inti x'taqra fiha?" [Lq:10:27] U dak wieġeb: "Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, u b'ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b'moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek." [Lq:10:28] "Sewwa weġibt," qallu Ġesù, "agħmel hekk u tgħix." [Lq:10:29] Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: "U l-proxxmu tiegħi min hu?" [Lq:10:30] U Ġesù raġa' qabad jgħidlu: "Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa' f'idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. [Lq:10:31] Nzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa' sejjer. [Lq:10:32] Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa' sejjer. [Lq:10:33] Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. [Lq:10:34] Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f'lukanda u ħa ħsiebu. [Lq:10:35] L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu, "Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, nroddhielek jien meta nerġa' ngħaddi.' [Lq:10:36] Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta' proxxmu ma' dak li waqa' f'idejn il-ħallelin?" [Lq:10:37] "Min ħenn għalih," wieġbu dak. "Mur," qallu Ġesù, "u agħmel hekk int ukoll."
Ġesù jżur lil Marta u Marija
[Lq:10:38] Huma u sejrin, daħal f'raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. [Lq:10:39] Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f'riġlejn il-Mulej tisimgħu x'kien qiegħed jgħid. [Lq:10:40] Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Mbagħad resqet u qaltlu: "Mulej, m'intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi!" [Lq:10:41] Qabeż il-Mulej u qalilha: "Marta Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; [Lq:10:42] imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex."
11. Tagħlim fuq it-talb

(Mt 6, 9-15; 7, 7-11)


[Lq:11:1] Darba kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: "Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu." [Lq:11:2] U qalilhom: "Meta titolbu, għidu,
'Missier, jitqaddes ismek,

tiġi Saltnatek.



[Lq:11:3] Ħobżna ta' kuljum agħtina kuljum.

[Lq:11:4] U aħfrilna dnubietna,

għax aħna wkoll naħfru lil kull min

hu ħati għalina,

u la ddaħħalniex fit-tiġrib.' "


[Lq:11:5] Qalilhom ukoll: "Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f'nofs ta' lejl u jgħidlu, 'Ħabib, islifni tliet ħobżiet, [Lq:11:6] għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x'nagħtih.' [Lq:11:7] U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u jgħidlu, 'Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik.' [Lq:11:8] Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kull ma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu. U jiena ngħidilkom: [Lq:11:9] Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. [Lq:11:10] Għax min jitlob, jaqla'; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu. [Lq:11:11] Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? [Lq:11:12] Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun? [Lq:11:13] Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!"
Ġesù u Begħelżebul

(Mt 12, 22-30; Mk 3, 20-27)


[Lq:11:14] Ġesù kien qiegħed ikeċċi xitan, li kien imbikkem. Meta x-xitan ħareġ, l-imbikkem tkellem, u n-nies stagħġbu. [Lq:11:15] Iżda xi wħud minnhom qalu: "Bis-saħħa ta' Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten, qiegħed ikeċċihom ix-xjaten." [Lq:11:16] Oħrajn, biex iġarrbuh, riedu mingħandu sinjal mis-sema. [Lq:11:17] Iżda hu ntebaħ x'kienet il-fehma tagħhom, u qalilhom: "Kull saltna maqsuma fiha nfisha ssir ħerba, u taqa' dar fuq oħra. [Lq:11:18] Jekk ix-Xitan ukoll hu kontra tiegħu nnifsu, kif se żżomm wieqfa s-saltna tiegħu? Għax intom tgħidu li jien bis-saħħa ta' Begħelżebul inkeċċihom ix-xjaten. [Lq:11:19] Imma jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta' Begħelżebul, uliedkom bis-saħħa ta' min ikeċċuhom? Għalhekk huma stess ikunu l-imħallfin tagħkom. [Lq:11:20] Iżda jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta' Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta' Alla. [Lq:11:21] Sakemm il-bniedem qawwi u armat tajjeb jgħasses il-palazz tiegħu, ħwejġu jkunu fiż-żgur. [Lq:11:22] Imma jekk wieħed aqwa minnu jaqbeż fuqu u jegħlbu, jaħtaflu l-armi kollha li fuqhom kien iserraħ rasu, u jqassam il-priża tiegħu. [Lq:11:23] Min m'huwiex miegħi huwa kontra tiegħi, u min ma jiġborx miegħi, ixerred.
L-ispirtu mniġġes iħabbat lill-bniedem

(Mt 12, 43-45)


[Lq:11:24] "Meta l-ispirtu mniġġes joħroġ minn bniedem, huwa jmur jiġġerra u jfittex il-mistrieħ f'art niexfa, u billi ma jsibu mkien, jgħid, 'Mela nerġa' lura lejn dari mnejn ħriġt.' [Lq:11:25] U x'ħin jiġi, isibha miknusa u kollox f'postu. [Lq:11:26] Mbagħad imur iġib seba' spirti oħra agħar minnu, u jidħlu joqogħdu hemm ġew. U fl-aħħar dak il-bniedem isib ruħu f'qagħda agħar minn ta' qabel."
L-hena veru
[Lq:11:27] Huwa u jgħid dan, kien hemm waħda mara li għolliet leħinha minn qalb il-folla u qaltlu: "Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!" [Lq:11:28] Iżda hu qalilha: "Imma tassew ngħidlek, aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta' Alla u jħarsuha!"
Nisel ħażin irid sinjal

(Mt 12, 38-42; Mk 8, 12)


[Lq:11:29] Meta l-folla tan-nies żdiedet, Ġesù qabad u qal: "Nisel ħażin huwa dan in-nisel! Irid sinjal! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief is-sinjal ta' Ġona. [Lq:11:30] Għax bħalma Ġona sar sinjal għan-nies ta' Ninwè, hekk isir Bin il-bniedem għal dan in-nisel. [Lq:11:31] F'jum il-ħaqq, is-sultana tan-nofsinhar għad tqum man-nies ta' dan in-nisel u tikkundannahom, għax hi ġiet mit-truf ta' l-art biex tisma' l-għerf ta' Salamun; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Salamun! [Lq:11:32] F'jum il-ħaqq, in-nies ta' Ninwè għad iqumu ma' dan in-nisel u jikkundannawh, għax huma nidmu wara l-predikazzjoni ta' Ġona; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Ġona!
Id-dawl tal-bniedem

(Mt 5, 15; 6, 22-23; Mk 4, 21)


[Lq:11:33] "Ħadd ma jixgħel musbieħ u jqiegħdu xi mkien fil-moħbi jew taħt il-modd, iżda fuq l-imnara, biex dawk li jidħlu jkunu jistgħu jaraw id-dawl. [Lq:11:34] Il-musbieħ tal-ġisem hija għajnek. Jekk għajnek hi safja, il-ġisem ukoll ikun kollu mdawwal tajjeb. Iżda jekk għajnek hi marida, ġismek ukoll ikun mudlam. [Lq:11:35] Mela ara jekk id-dawl li għandek fik huwiex dlam! [Lq:11:36] Jekk ġismek hu kollu mdawwal tajjeb u ma fih imkien mudlam, ikun jiddi kollu kemm hu bħal meta musbieħ idawwlek bid-dija tiegħu."
Ġesù jikkundanna lill-Fariżej u lill-għorrief tal-Liġi

(Mt 23, 1-36; Mk 12, 38-40; Lq 20, 45-47)


[Lq:11:37] Huwa u jitkellem, wieħed Fariżew stiednu għandu għall-ikel. Daħal għandu u qagħad bilqiegħda. [Lq:11:38] Imma l-Fariżew stagħġeb meta ra li qabel xejn ma nħasilx skond ir-riti ta' qabel l-ikel. [Lq:11:39] U l-Mulej qallu: "U issa intom il-Fariżej! Intom tnaddfu t-tazza u l-platt minn barra, iżda minn ġewwa intom mimlija bis-serq u l-ħażen. [Lq:11:40] Kemm intom bla moħħ! Min għamel in-naħa ta' barra, ma għamilx ukoll in-naħa ta' ġewwa? [Lq:11:41] Mela agħtu karità minn dak li hemm ġewwa, u taraw kif kollox ikunilkom nadif. [Lq:11:42] Imma ħażin għalikom intom il-Fariżej! Intom tħallsu d-dieċmi fuq in-nagħniegħ u l-fejġel u fuq kull xorta ta' ħxejjex, u mbagħad għal dik li hi ġustizzja u mħabba ta' Alla tħallu kollox għaddej. Dawn kien imisskom tħarsu, mingħajr ma tħallu l-oħrajn barra. [Lq:11:43] Ħażin għalikom intom il-Fariżej! Intom tħobbu s-siġġijiet ta' quddiem fis-sinagogi u min isellmilkom fil-pjazez. [Lq:11:44] Ħażin għalikom! Qiskom l-oqbra, li ma tagħrafhomx, u n-nies tgħaddi minn fuqhom bla ma tintebaħ bihom."
1   2   3   4   5   6


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©atelim.com 2016
rəhbərliyinə müraciət