Ana səhifə

L-evanġelju ta’ sidna ġESÙ kristu skond san luqa dedika LIL Teofilu


Yüklə 0.61 Mb.
səhifə2/6
tarix25.06.2016
ölçüsü0.61 Mb.
1   2   3   4   5   6

Ir-raġel bi spirtu ħażin

(Mt 1, 21-28)


[Lq:4:31] Niżel Kafarnahum, belt tal-Galilija, u f'jum is-Sibt qagħad jgħallem lin-nies, [Lq:4:32] li baqgħu mistagħġba bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax id-diskors tiegħu kien ta' wieħed li għandu s-setgħa.
[Lq:4:33] U kien hemm raġel fis-sinagoga li kellu fih spirtu ta' xitan imniġġes, u qabad jgħajjat b'leħen għoli: [Lq:4:34] "Ah! x'għandna x'naqsmu, Ġesù ta' Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jiena naf min int: il-Qaddis ta' Alla!" [Lq:4:35] Imma Ġesù widdbu bis-sħiħ u qallu: "Iskot, u oħroġ minnu!" Mbagħad l-ispirtu xeħtu fin-nofs u ħareġ minnu bla ma għamillu ħsara. [Lq:4:36] U kulħadd stagħġeb, u bdew jistaqsu wieħed lil ieħor u jgħidu: "Dan xi kliem hu? Għax hu jordna b'setgħa u qawwa lill-ispirti mniġġsa u huma joħorġu!" [Lq:4:37] U l-fama tiegħu xterdet ma' kullimkien f'dawk l-inħawi kollha.
Ġesù jfejjaq ħafna nies

(Mt 8, 14-17; Mk 1, 29-34)


[Lq:4:38] Ġesù qam u telaq mis-sinagoga, u daħal għand Xmun. Issa omm il-mara ta' Xmun kellha fuqha deni qawwi, u talbuh jgħinha. [Lq:4:39] Resaq fuqha, ordna lid-deni, u d-deni ħallieha. U minnufih qamet u bdiet isservihom. [Lq:4:40] Hija u nieżla x-xemx, dawk kollha li kellhom il-morda, kien x'kien il-mard tagħhom, ħaduhomlu quddiemu. Hu qiegħed idejh fuq kull wieħed minnhom u fejjaqhom. [Lq:4:41] Minn ħafna nies bdew joħorġu wkoll ix-xjaten, jgħajjtu u jgħidu: "Inti Bin Alla!" Iżda hu kien jheddidhom u ma ħallihomx jitkellmu, għax huma kienu jafu li hu l-Messija.
Ġesù jdur il-Lhudija u jippriedka

(Mk 1, 35-39)


[Lq:4:42] Meta sebaħ, ħareġ u mar f'post imwarrab.
In-nies bdew ifittxuh u marru ħdejh u riedu jżommuh biex ma jitlaqx minn ħdejhom. [Lq:4:43] Iżda hu qalilhom: "Jeħtieġli nxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta' Alla lill-ibliet l-oħra wkoll, għax għalhekk kont mibgħut." [Lq:4:44] U kien jippriedka fis-sinagogi tal-Lhudija.
5. Ġesù jsejjaħ l-ewwel dixxipli

(Mt 4, 18-22; Mk 1, 16-20)



[Lq:5:1] Darba l-kotra bdiet tross fuqu biex tisma' l-kelma ta' Alla. Hu kien qiegħed f'xatt l-għadira ta' Ġennesaret. [Lq:5:2] U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. [Lq:5:3] Tela' fuq waħda minnhom, li kienet ta' Xmun, u talbu jaqla' kemmxejn 'il barra mill-art; mbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa. [Lq:5:4] Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: "Aqdef 'il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd." [Lq:5:5] Wieġbu Xmun u qallu: "Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek." [Lq:5:6] Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta' ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. [Lq:5:7] Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.
[Lq:5:8] Xmun Pietru, kif ra dan, nxteħet f'riġlejn Ġesù u qallu: "Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!" [Lq:5:9] Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu. [Lq:5:10] U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Mbagħad Ġesù qal lil Xmun: "Tibżax; minn issa 'l quddiem tkun taqbad in-nies." [Lq:5:11] Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes ma' l-art, telqu kollox u marru warajh.
Ġesù jfejjaq wieħed lebbruż

(Mt 8, 1-4; Mk 1, 40-45)


[Lq:5:12] Darba kien qiegħed f'belt. U jkun hemm raġel marid sewwa bil-lebbra; kif ra lil Ġesù, mar u nxteħet wiċċu fl-art quddiemu jitolbu u jgħidlu: "Mulej, jekk trid, tista' tfejjaqni." [Lq:5:13] Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: "Iva, irrid; kun imfejjaq," u minnufih il-lebbra marritlu. [Lq:5:14] Ġesù widdbu u qallu: "Qis li ma tgħid xejn lil ħadd. Iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek, kif ordna Mosè, biex hekk tagħtihom xhieda li inti fiqt." [Lq:5:15] Il-fama tiegħu bdiet aktar tixtered, u folol kbar ta' nies kienu jmorru biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard tagħhom. [Lq:5:16] Iżda hu kien ifittex xi mkien imwarrab u jinġabar fit-talb.
Ġesù jfejjaq wieħed mifluġ

(Mt 9, 1-8; Mk 2, 1-12)


[Lq:5:17] Jum fost l-oħrajn Ġesù kien qiegħed jgħallem. Kien hemm bilqiegħda madwaru xi Fariżej u għorrief tal-Liġi li kienu ġew mill-irħula kollha tal-Galilija u l-Lhudija u minn Ġerusalemm. Il-qawwa tal-Mulej kienet fih biex ifejjaq. [Lq:5:18] U ġew xi rġiel iġorru wieħed mifluġ fuq mitraħ; huma bdew ifittxu li jdaħħluh ġewwa u jqegħduhulu quddiemu, [Lq:5:19] iżda minħabba l-folla ma sabux minn fejn setgħu jidħlu bih. Għalhekk telgħu fuq il-bejt, u niżżluh bil-mitraħ b'kollox minn bejn ix-xorok f'nofs in-nies quddiem Ġesù. [Lq:5:20] Meta hu ra l-fidi tagħhom, qallu: "Ħabib, dnubietek maħfura." [Lq:5:21] Il-kittieba u l-Fariżej qabdu jaħsbu u jgħidu bejnhom u bejn ruħhom: "Dan min hu biex jitkellem hekk? Din dagħwa! Għax min jista' jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla waħdu?" [Lq:5:22] Imma Ġesù għaraf ħsibijiethom, u qalilhom: "Għaliex qegħdin taħsbu hekk f'qalbkom : [Lq:5:23] X'inhu l-eħfef, tgħid 'Dnubietek maħfura' jew tgħid 'Qum u imxi'? [Lq:5:24] Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art" - qal lill-mifluġ: "Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek." [Lq:5:25] U dak minnufih qam quddiemhom, qabad il-friex li fuqu kien mixħut, u telaq lejn id-dar ifaħħar lil Alla. [Lq:5:26] U lkoll baqgħu mistagħġba u bdew ifaħħru lil Alla; u mtlew bil-biża' u bdew jgħidu: "Rajna ħwejjeġ ta' l-għaġeb illum!"
Is-sejħa ta' Levi

(Mt 9, 9-13; Mk 2, 13-17)


[Lq:5:27] Wara dan, ħareġ u lemaħ wieħed pubblikan, jismu Levi, bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi, u qallu: "Ejja warajja." [Lq:5:28] Dak telaq kollox, qam u mar warajh. [Lq:5:29] Mbagħad Levi għamillu laqgħa kbira f'daru stess, u kien hemm magħhom fuq il-mejda kotra kbira ta' pubblikani u nies oħra. [Lq:5:30] Il-Fariżej u l-kittieba sħabhom bdew igemgmu mad-dixxipli tiegħu, u qalulhom: "Dan l-għala tieklu u tixorbu mal-pubblikani u l-midinbin?" [Lq:5:31] U Ġesù weġibhom: "Mhux dawk li huma f'saħħithom għandhom bżonn it-tabib, iżda l-morda. [Lq:5:32] Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema."
Mistoqsija fuq is-sawm

(Mt 9, 14-17; Mk 2, 18-22)


[Lq:5:33] Iżda huma qalulu: "Id-dixxipli ta' Ġwanni sikwit isumu u joqogħdu jitolbu, u dawk tal-Fariżej ukoll, imma tiegħek jieklu u jixorbu!" [Lq:5:34] U Ġesù qalilhom: "Jaqaw tistgħu ġġagħlu lill-ħbieb ta' l-għarus isumu sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? [Lq:5:35] Imma għad jasal iż-żmien meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu dakinhar." [Lq:5:36] Qalilhom ukoll parabbola: "Ħadd ma jaqta' biċċa drapp minn libsa ġdida biex biha jraqqa' waħda qadima, għax inkella mhux biss ikun qatta' l-ġdida, imma anqas il-biċċa meħuda mill-ġdida ma tkun taqbel mal-qadima. [Lq:5:37] Anqas ma jqiegħdu l-inbid il-ġdid f'damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella l-inbid il-ġdid jifqa' d-damiġġani, u jixtered hu u jintilfu d-damiġġani. [Lq:5:38] Iżda nbid ġdid iqegħduh f'damiġġani ġodda. [Lq:5:39] U ħadd ma jkun irid mill-inbid ġdid wara li jkun xorob mill-qadim, għax jgħidlek, 'Il-qadim tajjeb!' "
6. Id-dixxipli jaqtgħu s-sbul is-Sibt

(Mt 12, 1-8; Mk 2, 23-28)


[Lq:6:1] Ġara li darba s-Sibt kien għaddej minn għalqa miżrugħa, u d-dixxipli tiegħu bdew jaqtgħu s-sbul, ifarrkuh b'idejhom u jikluh. [Lq:6:2] Xi wħud mill-Fariżej qalulhom: "Dan kif qegħdin tagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta' Sibt?" [Lq:6:3] Qabeż Ġesù u weġibhom: "Anqas dan ma qrajtu, x'għamel David meta ħadu l-ġuħ, huwa u dawk li kienu miegħu? [Lq:6:4] Ma qrajtux kif daħal fid-dar ta' Alla u ħa l-ħobż tal-preżenza ta' quddiem il-Mulej, u kiel minnu hu u ta lil dawk li kienu miegħu? U madankollu ħadd ma kien jista' jiekol minnu ħlief il-qassisin biss!" [Lq:6:5] U qalilhom: "Bin il-bniedem huwa sid is-Sibt ukoll."
Ir-raġel b'idu niexfa

(Mt 12, 9-14; Mk 3, 1-6)


[Lq:6:6] F'Sibt ieħor daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. Kien hemm raġel li kellu idu l-leminija niexfa. [Lq:6:7] Il-kittieba u l-Fariżej kienu moħħhom fih biex jaraw jekk ifejjaqx f'jum is-Sibt, ħalli b'hekk isibu fuqiex jixluh. [Lq:6:8] Iżda hu għaraf ħsibijiethom, u qal lir-raġel li kellu idu niexfa: "Qum, u oħroġ fin-nofs." Dak qam u ħareġ fin-nofs. [Lq:6:9] U qalilhom Ġesù: "Ħa nistaqsikom ħaġa: X'jiswa nhar ta' Sibt, tagħmel il-ġid jew tagħmel id-deni? Issalva ħajja jew teqridha?" [Lq:6:10] U xeħet ħarsa madwaru fuqhom ilkoll, u qal lir-raġel: "Midd idek." Hekk għamel dak, u idu reġgħet saritlu qawwija u sħiħa. [Lq:6:11] Iżda huma xegħlu bil-korla, u bdew jiddiskutu bejniethom x'se jagħmlu b'Ġesù.
Ġesù jagħżel it-Tnax

(Mt 10, 1-4; Mk 3, 13-19)


[Lq:6:12] Mela darba fost l-oħrajn ħareġ lejn l-għoljiet biex jitlob, u għadda l-lejl fit-talb lil Alla. [Lq:6:13] Meta sebaħ, sejjaħ lejh id-dixxipli tiegħu u minnhom għażel tnax, li semmiehom appostli: [Lq:6:14] Xmun, li semmieh Pietru, u ħuh Indrì, Ġakbu, Ġwanni, Filippu, Bartilmew, [Lq:6:15] Mattew, Tumas, Ġakbu ta' Alfew, Xmun l-Imħeġġeġ, [Lq:6:16] Ġuda ta' Ġakbu u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.
Ġesù jgħin u jaqdi folol kbar

(Mt 4, 23-25; Mk 3, 7-12)


[Lq:6:17] Mbagħad niżel magħhom u waqaf f'wita, flimkien ma' kotra kbira ta' dixxipli u folla kbira ta' nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta' Tir u Sidon. [Lq:6:18] Dawn kienu marru biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard tagħhom. Min kien imħabbat ill-ispirti mniġġsa kien ifiq; [Lq:6:19] u l-kotra kienet tfittex li tmissu, għax minnu kienet toħroġ qawwa li tfejjaq lil kulħadd.
Hena veru u hena qarrieq

(Mt 5, 1-12)


[Lq:6:20] Ġesù rafa' għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal:
Ħenjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna t’Alla.
[Lq:6:21] Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin.

Ħenjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew.


[Lq:6:22] Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajjrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina. [Lq:6:23] Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom ill-profeti.
[Lq:6:24] Imma ħażin għalikom, intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh.
[Lq:6:25] Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ.

Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewwħu u tibku.


[Lq:6:26] Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!
L-imħabba ta' l-għedewwa

(Mt 5, 38-48; 7, 12a)


[Lq:6:27] "Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: "Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, [Lq:6:28] bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. [Lq:6:29] Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. [Lq:6:30] Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura. [Lq:6:31] Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom. [Lq:6:32] Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista' jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. [Lq:6:33] U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista' jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. [Lq:6:34] U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista' jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom. [Lq:6:35] Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb ma' l-ingrati u l-ħżiena. [Lq:6:36] Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.
Tiġġudikawx

(Mt 7, 1-5)


[Lq:6:37] "Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; Lq:6:38] agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom f'ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejjlu intom jitkejjel lilkom." Lq:6:39] Qalilhom parabbola: "Jista' agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? Lq:6:40] Id-dixxiplu m'huwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu. [Lq:6:41] Għax tara t-tibna f'għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f'għajnek int? [Lq:6:42] Kif tista' tgħidlu lil ħuk, 'Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f'għajnek', meta m'intix tara t-travu li għandek f'għajnek int? Ja wiċċ b'ieħor, neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk.
Is-siġra tingħaraf mill-frott

(Mt 7, 16-20; 12, 34b-35)


[Lq:6:43] "Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. [Lq:6:44] Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-ħolliq. [Lq:6:45] Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta' qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.
Sisien tajba u sisien ħżiena

(Mt 7, 24-27)


[Lq:6:46] "Għaliex issejjħuli, 'Mulej,' u mbagħad ma tagħmlux dak li ngħid jien? [Lq:6:47] Kull min jiġi għandi u jisma' kliemi u jagħmel dak li ngħid jien, ħa ngħidilkom lil min jixbah. [Lq:6:48] Jixbah lil wieħed li ried jibni dar, ħaffer fil-fond sa ma sab il-blat, u fuqu qiegħed is-sisien. Mbagħad għamlet xita bil-qliel, il-wied niżel b'qawwa kbira għal fuq dik id-dar, imma ma setax jheżhiżha, għax kienet mibnija tajjeb. [Lq:6:49] Iżda min jisma' kliemi u ma jagħmilx li ngħid jien, jixbah lil wieħed li jkun bena daru fuq l-art mingħajr ma qiegħed sisien. Il-wied niżel b'qawwa kbira għal fuqha u minnufih iġġarrfet, u saret ħerba kbira minn dik id-dar!"
7. Ġesù jfejjaq qaddej ta' ċenturjun

(Mt 8, 5-13; Ġw 4, 46-54)


[Lq:7:1] Meta spiċċa jgħid lin-nies kull ma kellu jgħidilhom, daħal Kafarnahum. [Lq:7:2] U jkun hemm ċenturjun li kellu qaddej għażiż ħafna għalih, li kien marid u wasal fl-aħħar. [Lq:7:3] Iċ-ċenturjun sama' b'Ġesù u bagħatlu xi wħud mix-xjuħ tal-Lhud biex jitolbuh jiġi jfejjaqlu l-qaddej. [Lq:7:4] Dawk marru quddiem Ġesù u bdew jitolbuh b'ħerqa kbira u jgħidulu: "Jixraqlu li tagħmillu dan, [Lq:7:5] għax hu jgħożż il-ġens tagħna, u kien hu li bnielna s-sinagoga." [Lq:7:6] Ġesù mar magħhom, u ma kienx 'il bogħod wisq mid-dar meta ċ-ċenturjun bagħat jgħidlu ma' xi ħbieb: "Sinjur, toqgħodx tinqala', għax jien ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi; [Lq:7:7] għalhekk ħassejt li anqas kien jistħoqqli niġi nsibek jiena stess. Imma int ordna b'kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq. [Lq:7:8] Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta' ħaddieħor, u jiena stess għandi suldati taħt il-kmand tiegħi; lil wieħed ngħidlu, 'Mur,' u jmur; lil ieħor ngħidlu, 'Ejja,' u jiġi; u lill-qaddej ngħidlu, 'Agħmel dan,' u jagħmlu." [Lq:7:9] Ġesù baqa' mistagħġeb bih meta sama' dan; dar lejn in-nies li kienu miexja warajh u qalilhom: "Ngħidilkom li anqas f'Iżrael ma sibt fidi bħal din!" [Lq:7:10] Meta mbagħad dawk li kienu mibgħuta reġgħu lura d-dar, sabu l-qaddej qawwi u sħiħ.
Ġesù jqajjem lil bin l-armla ta' Najn mill-mewt
[Lq:7:11] Wara dan imbagħad mar f'belt jisimha Najn, u marru miegħu d-dixxipli tiegħu u kotra kbira ta' nies. [Lq:7:12] Kif wasal qrib il-bieb tal-belt, kienu qegħdin iġorru wieħed mejjet li ommu, mara armla, ma kellhiex ħliefu; u magħha kien hemm għadd ġmielu ta' nies mill-belt. [Lq:7:13] Kif raha l-Mulej tħassarha. "Tibkix," qalilha. [Lq:7:14] Resaq, u mess it-tebut. Dawk li kienu qegħdin jerfgħuh waqfu. U hu qal: "Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!" [Lq:7:15] U l-mejjet qam bilqiegħda u beda jitkellem. U Ġesù tah lil ommu. [Lq:7:16] In-nies kollha tkexkxu bil-biża', u bdew jagħtu glorja lil Alla u jgħidu: "Profeta kbir qam fostna" u, "Alla żar il-poplu tiegħu." [Lq:7:17] U dan il-kliem li qalu xtered mal-Lhudija u dawk l-inħawi kollha.
Il-messaġġiera ta' Ġwanni l-Battista

(Mt 11, 2-19)


[Lq:7:18] Id-dixxipli ta' Ġwanni marru jwasslulu dan kollu. Hu sejjaħ tnejn minnhom maġenbu, [Lq:7:19] u bagħathom għand il-Mulej biex jistaqsuh: "Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?" [Lq:7:20] Kif dawk it-tnejn waslu ħdejh qalulu: "Ġwanni l-Battista bagħatna għandek biex nistaqsuk: Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?" [Lq:7:21] Dak il-ħin stess Ġesù fejjaq ħafna nies mill-mard, mit-tbatijiet u mill-ispirti ħżiena, u lil bosta għomja għoġbu jagħtihom id-dawl. [Lq:7:22] Mbagħad wieġeb u qalilhom: "Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta' dak li rajtu u smajtu; kif l-għomja qegħdin jerġgħu jaraw, z-zopop jimxu, l-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, u kif il-bxara t-tajba qiegħda tixxandar lill-fqar. [Lq:7:23] Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!"
[Lq:7:24] Xħin il-messaġġiera ta' Ġwanni telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: "Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? [Lq:7:25] Imma intom xi ħriġtu taraw? Raġel liebes l-ilbies fin? Dawk li jilbsu sabiħ, u jgħixu fit-tlellix, fil-palazzi tas-slaten issibhom! [Lq:7:26] Mela għalfejn ħriġtu? Biex taraw profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. [Lq:7:27] Dan hu li fuqu hemm miktub,
‘Ara, jien nibgħat qablek messaġġier

tiegħi biex iħejjilek it-triq quddiemek’.


[Lq:7:28] Ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ma hemm ħadd akbar minn Ġwanni. U b'danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna ta' Alla hu akbar minnu." [Lq:7:29] Meta semgħu dan, il-poplu kollu u sa l-istess pubblikani għarfu l-ġustizzja ta' Alla, billi tgħammdu bil-magħmudija ta' Ġwanni. [Lq:7:30] Imma l-Fariżej u l-għorrief tal-Liġi ġiebu fix-xejn il-pjan li Alla kien fassal għalihom, ladarba ma laqgħux il-magħmudija ta' Ġwanni.
[Lq:7:31] “Ma' min, mela, se nxebbahhom in-nies ta' dan iż-żmien? Lil min jixbhu? [Lq:7:32] Jixbhu lil qabda tfal bilqiegħda fil-pjazza, jgħajjtu lil xulxin u jgħidu,
'Daqqejnielkom il-flawt

u ma żfintux,

għannejnielkom għanja ta' niket

u ma ħabbattux fuq sidirkom!'



[Lq:7:33] Għax tassew, ġie Ġwanni l-Battista, la jiekol ħobż u lanqas jixrob inbid, u intom tgħidu li 'għandu fih xitan'. [Lq:7:34] Ġie Bin il-bniedem, jiekol u jixrob, u tgħidu, 'Araw, xi bniedem wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin!' [Lq:7:35] Imma l-ulied ta' Alla kollha taw raġun lill-għerf tiegħu."
Ġesù għand Xmun il-Fariżew
[Lq:7:36] Wieħed mill-Fariżej stieden lil Ġesù biex jiekol miegħu; Ġesù daħal għand il-Fariżew u qagħad għall-ikel. [Lq:7:37] Issa fil-belt kien hemm midinba magħrufa. Din saret taf li kien qiegħed għall-ikel fid-dar tal-Fariżew; ġiebet vażett ta' l-alabastru biż-żejt ifuħ; [Lq:7:38] u marret qagħdet warajh ħdejn riġlejh, tibki u xxarrablu riġlejh bi dmugħha u tixxuttahomlu b'xuxitha; mbagħad bisitlu riġlejh u dilkithomlu biż-żejt ifuħ. [Lq:7:39] Kif ra hekk il-Fariżew li stiednu qal bejnu u bejn ruħu: "Dan, li kien profeta, kien ikun jaf min hi u x'mara hi din li qiegħda tmissu; kien ikun jaf, għax hi midinba!" [Lq:7:40] Imma Ġesù qabad u qallu: "Xmun, għandi ħaġa xi ngħidlek." "Għid, mgħallem," qallu dak. [Lq:7:41] "Tnejn min-nies kellhom id-dejn ma' wieħed li jislef il-flus; wieħed kellu jagħtih ħames mitt dinar u l-ieħor ħamsin. [Lq:7:42] Minn fejn iħallsu dejnhom ma kellhomx, u hu ħafrilhom it-tnejn. Min minnhom se jħobbu l-iżjed?" [Lq:7:43] Wieġeb Xmun u qal: "Jidhirli jien li dak li ħafirlu l-iżjed." "Ħsibtha tajjeb" qallu Ġesù. [Lq:7:44] Mbagħad dar lejn il-mara u qal lil Xmun: "Qiegħed taraha lil din il-mara? Dħalt għandek, u ilma għal riġlejja ma tajtnix, iżda hi riġlejja xarrbithomli bi dmugħha u xxuttathomli b'xuxitha. [Lq:7:45] Bewsa ma tajtnix, iżda hi minn xħin daħlet ma waqfitx tbusli riġlejja. [Lq:7:46] Rasi ma dlikthilix biż-żejt, imma hi dilkitli riġlejja b'żejt ifuħ. [Lq:7:47] Għalhekk ngħidlek li dnubietha, li kienu ħafna, nħafrulha, għax ħabbet ħafna; imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb." [Lq:7:48] Mbagħad qal lilha: "Dnubietek maħfura." [Lq:7:49] Dawk li kienu fuq il-mejda miegħu bdew jgħidu fihom infushom: "Dan min hu biex jaħfer id-dnubiet ukoll?" [Lq:7:50] Iżda hu qal lill-mara: "Il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliem."
8. In-nisa twajba li marru wara Ġesù
[Lq:8:1] Wara dan huwa qagħad idur l-ibliet u r-rħula, jippriedka u jxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta' Alla. Kellu miegħu t-Tnax [Lq:8:2] u xi nisa li kien fejjaqhom mill-ispirti ħżiena u mill-mard: Marija, li kienu jgħidulha ta' Magdala, li minnha kienu ħarġu seba' xjaten, [Lq:8:3] Ġwanna, mart Ħuża, prokuratur ta' Erodi, Susanna, u ħafna oħrajn, li kienu jaqduhom minn ġidhom.
Il-parabbola taż-żerriegħ
[Lq:8:4] Nġemgħet kotra kbira ta' nies li kienu ġejjin lejh minn kull belt, u hu qalilhom din il-parabbola: [Lq:8:5] "Wieħed bidwi ħareġ jiżra' ż-żerriegħa li kellu. Huwa u jiżra', xi żerrigħat waqgħulu mal-mogħdija u ntrifsu, u l-għasafar ta' l-ajru naqqruhom kollha. [Lq:8:6] Oħrajn waqgħu fuq il-blat, u nibtu u nixfu, għax tira ma kellhomx. [Lq:8:7] Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. [Lq:8:8] Oħrajn waqgħu f'art tajba, u nibtu u għamlu l-frott kull waħda mija." Kif qal dan, rafa' leħnu u qal: "Min għandu widnejn biex jisma', ħa jisma'!"
L-iskop tal-parabboli

(Mt 13, 10-17; Mk 4, 10-12)


[Lq:8:9] Id-dixxipli tiegħu staqsewh x'kienet dik il-parabbola. [Lq:8:10] U hu qalilhom: "Lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna ta' Alla, iżda lill-bqija bil-parabboli, biex iħarsu u ma jarawx, u jisimgħu u ma jifhmux.
Ġesù jfisser il-parabbola taż-żerriegħ

(Mt 13, 18-23; Mk 4, 13-20)


[Lq:8:11] "Il-parabbola, mela, hija din; iż-żerriegħa hi l-kelma ta' Alla. [Lq:8:12] Dawk ta' matul il-mogħdija huma dawk li jisimgħu, mbagħad jiġi x-Xitan u jaħtfilhom il-kelma minn qalbhom, li ma jmorrux jemmnu u jsalvaw. [Lq:8:13] Dawk ta' fuq il-blat huma dawk li, meta jisimgħu l-kelma, jilqgħuha bil-ferħ, iżda billi ma jkollhomx għeruq jemmnu għal ftit taż-żmien, u meta jiġi fuqhom it-tiġrib jitilqu. [Lq:8:14] Dawk li jaqgħu qalb ix-xewk huma dawk li jisimgħu, iżda aktar 'il quddiem l-inkwiet żejjed u l-għana u l-pjaċiri tal-ħajja joħonquhom u l-frott tagħhom ma jsirx. [Lq:8:15] Imma dawk li jaqgħu f'art tajba huma dawk li jisimgħu l-kelma b'qalb tajba u sinċiera, jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.
Il-parabbola tal-musbieħ

(Mk 4, 21-22)


[Lq:8:16] "Ħadd ma jixgħel musbieħ u jgħattih b'għatu jew iqiegħdu taħt sodda, imma jqiegħdu fuq l-imnara, biex kull min jidħol ġewwa jara d-dawl. [Lq:8:17] Għax ma hemm xejn moħbi li ma għadx jidher, u xejn ma hemm mistur li ma għadx jingħaraf u jinġieb għad-dawl. [Lq:8:18] Mela oqogħdu attenti kif tisimgħu! Għax min għandu, jingħatalu; u min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li jaħseb li għandu."
Omm Ġesù u ħutu

(Mt 12, 46-50; Mk 3, 31-35)


[Lq:8:19] Ġew għalih ommu u ħutu, iżda ma setgħux jersqu lejh minħabba l-folla. [Lq:8:20] Xi ħadd qallu: "Ommok u ħutek qegħdin hawn barra u jridu jarawk." [Lq:8:21] Iżda hu weġibhom: "Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta' Alla u jagħmlu li jgħid Hu."
1   2   3   4   5   6


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©atelim.com 2016
rəhbərliyinə müraciət