Ana səhifə

L-ittra lill-efesin minn ruma fis-snin 61/63 wk


Yüklə 101 Kb.
tarix24.06.2016
ölçüsü101 Kb.


San Pawl kiteb

L-ITTRA

LILL-EFESIN
MINN RUMA
FIS-SNIN 61/63 WK




San Pawl jitkellem minn Ġesù Kristu fid-dimensjoni kosmika jew universali fl-ordni tal-ħolqien, u mill-misteru tas-Salvazzjoni. Hu jitkellem ukoll mill-Knisja bħala l-Ġisem mistiku ta’ Ġesù u mill-konsegwenzi ta’ dawn il-misteri għall-ħajja nisranija, speċjalment dik taż-żwieġ u l-familja, mudell u simbolu tal-Knisja bir-ras tagħha Ġesù Kristu.

1. Tislima
[Efes:1:1] Pawlu, appostlu ta' Kristu Ġesù skond ir-rieda ta' Alla, lill-qaddisin u lil dawk li jemmnu fi Kristu Ġesù: [Efes:1:2] grazzja lilkom u sliem mingħand Alla Missierna u mingħand Ġesù Kristu, il-Mulej.
Il-grazzja spiritwali ta' Kristu
[Efes:1:3] Mbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu,

li berikna b'kull xorta ta' barka spiritwali,

fis-smewwiet fi Kristu.

[Efes:1:4] Hekk hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja,

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa

quddiemu fl-imħabba.

[Efes:1:5] Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi permezz ta' Ġesù Kristu; hekk għoġob lir-rieda tajba tiegħu, [Efes:1:6] għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, li biha mliena fil-Maħbub tiegħu.

[Efes:1:7] Fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu, il-maħfra tad-dnubiet, skond l-għana tal-grazzja tiegħu. [Efes:1:8] Biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu.

[Efes:1:9] Hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu; il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel,

[Efes:1:10] u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet; jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu,

kull ma hu fis-sema u kull ma hu fl-art.



[Efes:1:11] Fih aħna wkoll konna magħżula, iddestinati minn qabel, skond il-pjan imfassal minn qabel minn min imexxi kollox skond il-fehma tar-rieda tiegħu, [Efes:1:12] sabiex inkunu għat-tifħir tal-glorja tiegħu, aħna, li, sa minn qabel, konna nittamaw fi Kristu.

[Efes:1:13] U fih intom ukoll smajtu l-Kelma tal-Verità, l- Evanġelju tas-salvazzjoni tagħkom, u emmintu fiha. Kontu ssiġillati bl-Ispirtu s-Santu li kien imwiegħed; [Efes:1:14] li hu r-rahan tal-wirt tagħna sakemm għadna nistennew il-fidwa sħiħa tal-Poplu li Alla kiseb għalih, għat-tifħir tal-glorja tiegħu.
It-talba ta' Pawlu
[Efes:1:15] Għalhekk jien ukoll, li smajt bil-fidi tagħkom fil-Mulej Ġesù u bl-imħabba tagħkom lejn il-qaddisin kollha, [Efes:1:16] ma nixba' qatt niżżi ħajr minħabba fikom meta niftakar fikom fit-talb tiegħi. [Efes:1:17] Ħalli Alla ta' Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja, jagħtikom spirtu ta' għerf li jirrivelahielkom biex tagħrfuha sewwa; [Efes:1:18] u jdawwlilkom l-għajnejn ta' qalbkom biex tagħrfu x'inhi t-tama tas-sejħa tagħkom; x'inhu l-għana tal-glorja tal-wirt li takom taqsmu mal-qaddisin. [Efes:1:19] Tagħrfu x'inhu l-kobor bla qjies tas-setgħa tiegħu fina li emminna, skond il-ħila tal-qawwa kbira tiegħu, [Efes:1:20] li ħaddem fi Kristu, meta qajjmu mill-imwiet u qiegħdu fil-lemin tiegħu fis-smewwiet, [Efes:1:21] 'il fuq minn kull Saltna u Setgħa, minn kull Qawwa u Ħakma, 'il fuq minn kull isem li jissemma, mhux biss għaż-żmien ta' issa, imma wkoll għal li ġej. [Efes:1:22] Iva, qiegħed kollox taħt riġlejh, u għamlu Ras fuq il-Knisja kollha, [Efes:1:23] li hi Ġismu, il-milja ta' dak li jimla kollox f'kollox.
2. Mill-mewt għall-ħajja
[Efes:2:1] Intom li kontu mejtin bi dnubietkom u ħtijietkom, [Efes:2:2] li fihom darba mxejtu skond ix-xejra ta' din id-dinja, skond il-kap tas-saltna ta' l-ajru, ta' l-ispirtu li bħalissa qiegħed jaħdem fost dawk li ma jisimgħux... [Efes:2:3] Aħna wkoll għexna darba mgħarrqa fil-passjonijiet ta' ġisimna; konna nagħmlu l-opri tar-rieda tal-ġisem u fehmietna; konna minna nfusna wlied il-korla, bħall-bqija tal-bnedmin. [Efes:2:4] Imma Alla, għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa ta' l-imħabba kbira li biha ħabbna, [Efes:2:5] meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma' Kristu - bi grazzja intom salvi. [Efes:2:6] Qajjimna miegħu u qegħedna fis-smewwiet ma' Kristu Ġesù, [Efes:2:7] biex juri fiż-żminijiet li ġejjin l-għana bla qjies tal-grazzja tiegħu bit-tjieba li wera magħna fi Kristu Ġesù. [Efes:2:8] Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b'don ta' Alla; [Efes:2:9] mhux bl-opri , biex ħadd ma jiftaħar. [Efes:2:10] Aħna ħolqien tiegħu, maħluqa fi Kristu Ġesù biex nagħmlu l-opri tajba li Alla ħejjielna minn qabel li għandna nagħmlu.
Lhud u pagani ħaġa waħda fi Kristu
[Efes:2:11] Ftakru, mela, li intom bis-sinjal tal-pagani f'ġisimkom u li kontu msejjħin "bla ċirkonċiżjoni" minn dawk li kellhom iċ-ċirkonċiżjoni magħmula bl-idejn fil-ġisem, [Efes:2:12] ftakru li f'dak iż-żmien kontu mingħajr Kristu; kontu barra miċ-ċittadinanza ta' Iżrael, barranin għall-Patt tal-wegħda; kontu bla tama u bla Alla fid-dinja! [Efes:2:13] Imma issa, fi Kristu Ġesù, intom, li darba kontu 'l bogħod, issa tqarribtu bis-saħħa tad-demm ta' Kristu.
[Efes:2:14] Kristu hu s-sliem tagħna, hu, li minna t-tnejn għamel poplu wieħed, billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna - il-mibegħda ta' bejnietna - u ħassar bis-sagrifiċċju ta' ġismu [Efes:2:15] l-Liġi bil-kmandamenti u l-preċetti tagħha. Mit-tnejn, ried b'hekk joħloq bih innifsu bniedem wieħed, il-bniedem il-ġdid, billi jagħmilhom paċi t-tnejn bejniethom [Efes:2:16] u jħabbibhom it-tnejn ma' Alla f'ġisem wieħed permezz tas-salib li bih qered il-mibegħda ta' bejniethom. [Efes:2:17] Mbagħad ġie jħabbar is-sliem, sliem lilkom li kontu fil-bogħod, u sliem lil dawk li kienu fil-qrib. [Efes:2:18] Permezz tiegħu, it-tnejn li aħna għandna bi Spirtu wieħed id-dħul għal għand il-Missier. [Efes:2:19] Għalhekk ma għadkomx aktar barranin u frustieri, imma intom ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar ta' Alla, [Efes:2:20] mibnija lkoll fuq is-sisien ta' l-appostli u tal-profeti, fejn Kristu hu l-ġebla tax-xewka. [Efes:2:21] Fih il-bini kollu jintrabat sewwa, jitla' f'tempju qaddis fil-Mulej; [Efes:2:22] fih, intom ukoll fl-Ispirtu, tinbnew flimkien f'dar fejn jgħammar Alla.
3. Il-missjoni ta' Pawlu fost il-pagani
[Efes:3:1] Għalhekk jiena, Pawlu, jien, il-priġunier ta' Kristu Ġesù minħabba fikom il-pagani... [Efes:3:2] jekk, kif tassew ġara, intom smajtu bil-pjan tal-grazzja li Alla tani għall-ġid tagħkom, [Efes:3:3] jiġifieri, li permezz ta' rivelazzjoni għarrafni l-misteru, bħalma ġa ktibtilkom fil-qosor. [Efes:3:4] Minn dak li qrajtu tistgħu tifhmu sewwa kemm jiena dħalt fil-qalb tal-misteru ta' Kristu. [Efes:3:5] Dan hu l-misteru li fil-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija ma kienx mgħarraf lill-bnedmin bħalma issa ġie rrivelat lill-appostli qaddisa tiegħu u lill-profeti fl-Ispirtu, [Efes:3:6] jiġifieri, li l-pagani huma msejjħa biex ikollhom sehem mill-istess wirt, ikunu membri ta' l-istess ġisem, ikollhom sehem mill-istess wegħda, fi Kristu Ġesù permezz ta' l-Evanġelju. [Efes:3:7] Ta' dan l-Evanġelju jiena sirt ministru skond id-don tal-grazzja li Alla tani, skond is-setgħa tal-qawwa tiegħu. [Efes:3:8] Lili, l-iżgħar fost il-qaddisin kollha, ngħatatli din il-grazzja li nxandar fost il-pagani l-Evanġelju ta' l-għana ta' Kristu, għana li ebda moħħ ma jista' jifhmu, [Efes:3:9] u li noħroġ għad-dawl quddiem kulħadd kif Alla temm il-pjan tal-misteru, li kien moħbi sa minn dejjem f'Alla li ħalaq kollox. [Efes:3:10] B'hekk l-għerf ta' Alla, għerf ta' kull xorta ta' mezzi, ikun issa mgħarraf permezz tal-Knisja lill-Prinċpijiet u lis-Setgħat tas-sema, [Efes:3:11] skond il-pjan li hu kien fassal sa minn dejjem fi Kristu Ġesù Sidna. [Efes:3:12] Bih aħna għandna l-ħila nersqu permezz tal-fidi tagħna fih. [Efes:3:13] Għalhekk nitlobkom: tħallux it-tbatijiet li jien għaddej minnhom minħabba fikom jaqtgħulkom qalbkom; dawn huma l-glorja tagħkom!
L-imħabba ta' Kristu għalina
[Efes:3:14] Jiena ninżel għarkubbtejja quddiem il-Missier [Efes:3:15] li minnu tieħu isimha kull familja fis-sema u fl-art, [Efes:3:16] biex skond l-għana tal-glorja tiegħu, jagħtikom li bil-qawwa tiegħu permezz ta' l-Ispirtu tiegħu, tissaħħu fil-bniedem ta' ġewwa, [Efes:3:17] u li Kristu jgħammar f'qalbkom permezz tal-fidi, biex tniżżlu l-għeruq tagħkom fl-imħabba u fuqha tibnu ħajjitkom. [Efes:3:18] B'hekk tkunu tistgħu tifhmu, flimkien mal-qaddisin kollha, x'inhu l-wisa' u t-tul, l-għoli u l-fond ta' l-imħabba ta' Kristu; [Efes:3:19] tagħrfu kemm din l-imħabba ta' Kristu tisboq kull għerf, biex timtlew bil-milja kollha ta' Alla.
[Efes:3:20] Lil dak Alla li, bis-setgħa tiegħu li taħdem fina, għandu l-qawwa li jagħmel kollox bil-wisq iżjed milli aħna nistgħu nitolbu jew naħsbu, [Efes:3:21] lilu l-glorja fil-Knisja u permezz ta' Kristu Ġesù, għal kemm itulu ż-żminijiet, għal dejjem ta' dejjem. Amen.
4. Ir-rabta ta' dan il-ġisem
[Efes:4:1] Nħeġġiġkom jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skond is-sejħa li biha kontu msejjħin; [Efes:4:2] billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu 'l xulxin. [Efes:4:3] Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; [Efes:4:4] ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejjħa għal tama waħda; [Efes:4:5] Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda; [Efes:4:6] Alla wieħed u Missier ta' kulħadd, li hu fuq kulħadd, b'kulħadd u f'kulħadd.
[Efes:4:7] Lil kull wieħed minna Alla tana l-grazzja skond il-qjies tad-don ta' Kristu. [Efes:4:8] Hu għalhekk li tgħid l-Iskrittura:
“Tela’ fil-għoli, jassar l-ilsiera,

ta’ doni lill-bnedmin.”


[Efes:4:9] "Tela',": xi jfisser dan għajr li hu niżel ukoll fl-inħawi l-aktar t'isfel ta' l-art? [Efes:4:10] Dak li niżel huwa dak li tela' fuq is-smewwiet kollha, biex jimla kollox. [Efes:4:11] U huwa dak li ta lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud rgħajja u mgħallmin: [Efes:4:12] Hekk jitrawwmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-Ġisem ta' Kristu, [Efes:4:13] sakemm aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien ta' l-Iben ta' Alla; nsiru raġel magħmul, fl-aħjar ta' żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta' Kristu, [Efes:4:14] u ma nkunux aktar trabi mitfugħin 'l hawn u 'l hemm, u mkaxkra minn kull riħ ta' tagħlim bil-qerq tal-bnedmin u bl-ingann tagħhom biex iwasslu lil ħaddieħor fl-iżball. [Efes:4:15] Imma waqt li nagħmlu s-sewwa fl-imħabba nikbru f'kollox fih, f'dak li hu r-Ras, Kristu. [Efes:4:16] Fih il-ġisem kollu jsib ir-rabta u l-għaqda tiegħu permezz ta' l-għekiesi kollha li jservuh skond il-ħidma ta' kull waħda minnhom, biex jikber fih innifsu u jinbena fl-imħabba.
Il-ħajja l-ġdida u l-qadima
[Efes:4:17] Jiena dan ngħidilkom u nwissikom quddiem il-Mulej: li ma ġġibux iżjed ruħkom skond ma jġibu ruħhom il-pagani bil-bluha ta' moħħhom. [Efes:4:18] Il-fehma tagħhom hi mdallma, maqtugħa mill-ħajja ta' Alla minħabba l-injoranza li għandhom u l-ebusija ta' qalbhom. [Efes:4:19] Huma tilfu kull sentiment u ntelqu għal ħajja bla rażan, għal kull xorta ta' żína bla xaba'. [Efes:4:20] Imma intom mhux hekk tgħallimtu 'l Kristu - [Efes:4:21] jekk intom smajtuh u tgħallimtuh skond il-verità li hi f'Ġesù - [Efes:4:22] jiġifieri, li għandkom twarrbu l-ħajja tagħkom ta' qabel u tinżgħu l-bniedem il-qadim, mħassar bix-xewqat tal-pjaċiri qarrieqa, [Efes:4:23] u li għandkom tiġġeddu b'tibdila spiritwali tal-fehma tagħkom [Efes:4:24] u tilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew.
Ir-regola għall-ħajja ġdida
[Efes:4:25] Warrbu minnkom il-gideb u għidu l-verità wieħed lill-ieħor, għax aħna membri ta' xulxin. [Efes:4:26] Tinkurlaw? Imma tidinbux; tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom, [Efes:4:27] u tagħtux il-wisa' lix-Xitan. [Efes:4:28] Iqis il-ħalliel li ma jisraqx aktar; imma jaħdem bl-onestà b'idejh biex ikun jista' jgħin lil min ikun fil-bżonn. [Efes:4:29] Ebda kelma mhux xierqa m'għandha toħroġ minn fommkom, imma kliem sewwa li jedifika skond il-ħtieġa, kliem li jagħmel il-ġid lil min jisimgħu. [Efes:4:30] U tnikktux l-Ispirtu s-Santu ta' Alla, li fih intom issiġillati għal jum il-fidwa. [Efes:4:31] Mrar, saħna, korla, tagħjir, għajat, dan kollu warrbuh minnkom, u wkoll kull ħażen ieħor. [Efes:4:32] Kunu twajba ma' xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu.
5. [Efes:5:1] Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba, [Efes:5:2] u imxu fl-imħabba, bħalma Kristu wkoll ħabb lilna u ta lilu nnifsu għalina, offerta u sagrifiċċju jfuħu quddiem Alla. [Efes:5:3] Żína u kull xorta ta' faħx jew regħba, ebda waħda minnhom ma għandha biss tissemma fostkom, kif jixraq lill-qaddisin. [Efes:5:4] U anqas kliem baxx u kliem iblah, jew ċajt mhux sewwa, kollha ħwejjeġ li ma jixirqux; imma aktar għandu jkun hemm fostkom radd il-ħajr. [Efes:5:5] Għax dan kunu afu: li ebda żieni jew faħxi jew rgħib - li hu idolatra - ma jkollu wirt fis-Saltna ta' Kristu u ta' Alla.
Imxu ta' wlied id-dawl
[Efes:5:6] Tħallu lil ħadd iqarraq bikom bi kliem fieragħ, għaliex minħabba f'hekk tinżel il-korla ta' Alla fuq dawk li ma jisimgħux. [Efes:5:7] Mela tissieħbu qatt magħhom! [Efes:5:8] Intom kontu darba dlam, imma issa intom dawl fil-Mulej; għixu ta' wlied id-dawl li intom; [Efes:5:9] frott id-dawl jinsab f'kull ma hu tjieba, f'kull ma hu ġustizzja, f'kull ma hu verità. [Efes:5:10] Fittxu li tagħrfu dak li jogħġob lill-Mulej, [Efes:5:11] u tisseħbux fl-għemejjel tad-dlam bla frott, imma ikxfuhom fil-beraħ. [Efes:5:12] Għax dak li qegħdin jagħmlu huma fil-moħbi, tistħi mqar jekk issemmih; [Efes:5:13] imma meta wieħed joħroġhom fil-beraħ, id-dawl juri kollox, [Efes:5:14] għax kull ma jidher hu dawl; għalhekk jingħad:
"Stenbaħ int, li int rieqed,

u qum mill-imwiet,



ħa jiddi fuqek Kristu."
[Efes:5:15] Qisu sewwa kif iġġibu ruħkom, mhux bħal nies bla dehen, iżda bħal nies għorrief, [Efes:5:16] li jgħożżu ż-żmien, għaliex ħżiena huma l-jiem. [Efes:5:17] Għalhekk tkunux bla għaqal, imma fittxu x'inhi r-rieda tal-Mulej. [Efes:5:18] U tiskrux bl-inbid, li fih hemm ħajja bla lġiem, iżda mtlew bl-Ispirtu. [Efes:5:19] Kantaw flimkien salmi, innijiet u għana spiritwali; kantaw u għannu minn qalbkom lill-Mulej. [Efes:5:20] Roddu dejjem ħajr għal kollox lil Alla u l-Missier, f'isem Sidna Ġesù Kristu.
Kristu u l-Knisja mudell għall-miżżewwġin
[Efes:5:21] Oqogħdu għal xulxin fil-biża' ta' Kristu. [Efes:5:22] Intom in-nisa oqogħdu għal żwieġkom bħallikieku għall-Mulej, [Efes:5:23] għax ir-raġel hu ras il-mara, bħalma Kristu hu ras il-Knisja, is-salvatur tal-Ġisem tiegħu. [Efes:5:24] Għalhekk, bħalma l-Knisja toqgħod għal Kristu, hekk ukoll in-nisa għandhom joqogħdu għal żwieġhom f'kollox.
[Efes:5:25] Intom, l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha. [Efes:5:26] U dan għamlu biex iqaddisha u jnaddafha bil-ħasil ta' l-ilma u l-kelma [Efes:5:27] u biex iressaqha quddiemu, din il-Knisja, sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, u b'xejn minn dan, imma qaddisa u bla tmaqdir minn ħadd.
[Efes:5:28] Hekk għandhom ukoll l-irġiel iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess. Min iħobb 'il martu jkun iħobb lilu nnifsu. [Efes:5:29] Qatt ħadd ma bagħad 'il ġismu stess, iżda jmantnih u jieħu ħsiebu, bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja, [Efes:5:30] għax aħna lkoll membri tal-Ġisem tiegħu. [Efes:5:31] Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u 'l ommu u jingħaqad ma' martu, u jsiru t-tnejn ġisem wieħed. [Efes:5:32] Dan il-misteru - qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja - huwa kbir! [Efes:5:33] Għalhekk intom ukoll, kull wieħed minnkom, għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu, u l-mara għandha ġġib rispett lil żewġha.

6. L-ulied u l-ġenituri
[Efes:6:1] Intom it-tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom fil-Mulej, għax dan hu s-sewwa. [Efes:6:2] "Weġġaħ 'il missierek u 'l ommok": dan hu l-ewwel kmandament b'wegħda [Efes:6:3] "sabiex ikollok ir-riżq u jtul għomrok fuq l-art." [Efes:6:4] U intom il-missirijiet, iġġarrbuhomx iżżejjed lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.
L-ilsiera u s-sidien
[Efes:6:5] Intom l-ilsiera, isimgħu mis-sidien tagħkom ta' din l-art bil-biża' u r-rispett, bis-safa ta' qalbkom bħallikieku lil Kristu; [Efes:6:6] mhux taqduhom għal wiċċhom, bħal min irid jogħġob lill-bnedmin, iżda bħala lsiera ta' Kristu, li jagħmlu r-rieda ta' Alla minn qalbhom, [Efes:6:7] aqduhom bil-qalb it-tajba, qiskom lill-Mulej u mhux lill-bnedmin. [Efes:6:8] Għaliex tafu li kull wieħed, skond it-tajjeb li jkun għamel, jitħallas tiegħu mill-Mulej, sew jekk ilsir u sew jekk ħieles. [Efes:6:9] U intom, is-sidien, agħmlu l-istess magħhom; ħallukom mit-tehdid, għax tafu li s-Sid fis-smewwiet hu tagħhom bħalma hu tagħkom, u hu ma jħares lejn wiċċ ħadd.
Il-ġlieda kontra l-ħażen
[Efes:6:10] Mill-bqija, twettqu fil-Mulej u ssaħħu bil-qawwa tiegħu. [Efes:6:11] Ilbsu l-armatura ta' Alla biex tkunu tifilħu tieqfu għat-tnassis tax-Xitan. [Efes:6:12] Għax il-ġlieda tagħna m'hijiex kontra d-demm u l-laħam, imma kontra s-Setgħat, kontra l-Qawwiet, kontra l-Prinċpijiet ta' din id-dinja ta' dlamijiet, kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisa' tas-smewwiet. [Efes:6:13] Għalhekk ħudu fuqkom l-armatura ta' Alla, ħalli tkunu tistgħu tieqfu fi żmien il-ħażen, u, wara li tkunu għamiltu ħilitkom kollha, żżommu weqfin. [Efes:6:14] Żommu sħiħ, mela, ħażżmu ġenbejkom bil-verità, ilbsu l-kurazza tal-ġustizzja, [Efes:6:15] u xiddu riġlejkom bil-ħeġġa ta' l-Evanġelju tas-sliem; [Efes:6:16] ħudu f'idejkom it-tarka tal-fidi; li biha tistgħu titfu l-vleġeġ kollha tan-nar tal-Ħażin; [Efes:6:17] ilbsu l-elmu tas-salvazzjoni u aqbdu x-xabla ta' l-Ispirtu li hi l-kelma ta' Alla. [Efes:6:18] Itolbu dejjem fl-Ispirtu, b'kull xorta ta' talb u f'kull ħtieġa, ishru fih bla ma tieqfu, u itolbu għall-ħtiġiet tal-qaddisin kollha. [Efes:6:19] Itolbu għalija wkoll, biex meta niftaħ fommi tingħatali l-kelma, ħalli b'wiċċi minn quddiem inxandar il-misteru ta' l-Evanġelju, [Efes:6:20] li tiegħu jiena l-ambaxxatur fil-ktajjen. Jalla jien u nxandar nkun nista' nitkellem b'wiċċi minn quddiem kif għandi nagħmel.
L-aħħar tislijiet
[Efes:6:21] Biex intom ukoll tkunu tafu fejn ninsab u x'qiegħed nagħmel, jgħarrafkom b'kollox Tikikus, ħija l-għażiż u l-qaddej fidil fil-Mulej. [Efes:6:22] Lilu bgħattilkom b'dan il-ħsieb, jiġifieri li tkunu tafu b'aħbarna u jfarrġilkom qlubkom.
[Efes:6:23] Is-sliem lil ħutna u l-imħabba flimkien mal-fidi minn Alla l-Missier u l-Mulej Ġesù Kristu. [Efes:6:24] Il-grazzja magħkom ilkoll li tħobbu lil Sidna Kristu Ġesù b'imħabba li ma tmut qatt.




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©atelim.com 2016
rəhbərliyinə müraciət