Ana səhifə

. Ma kienx ta’ nisel Lhudi (Kol 4: 10-14). Kien pagan li sar Nisrani meta sema’ bit-tagħlim ta’ Ġesù (ara Lq 1: 2)


Yüklə 244 Kb.
tarix25.06.2016
ölçüsü244 Kb.
L-EVANĠELJU SKOND SAN LUQA
X’nafu fuq San Luqa
Kien tabib (Kol 4:14). Ma kienx ta’ nisel Lhudi (Kol 4:10-14). Kien pagan li sar Nisrani meta sema’ bit-tagħlim ta’ Ġesù

(ara Lq 1:2). Tant sar iħobb lil Ġesù li xtaq li jsir jaf aktar fuqu, u ried iwassal it-tagħlim tiegħu lill-oħrajn. Għalhekk issieħeb ma’ San Pawl fil-vjaġġi missjunarji tiegħu (Atti 16:10-17;

20:5 – 21:17). Bejn is-sena 58 u s-sena 60 kien fl-Art Mqaddsa, u hemm tkellem ma’ ħafna Nsara li kienu raw u semgħu lil Ġesù nnifsu. Akkompanja lil San Pawl fil-vjaġġ tiegħu għal Ruma, u matul dak il-vjaġġ għadda Malta

(Atti 27:1 – 28:16). F’Ruma dam sentejn, sa ma San Pawl kien meħlus. F’dawk is-sentejn iltaqa’ ma’ San Pietru u ma’ San Mark. Meta San Pawl wasal biex jieħu l-martirju, madwar is-sena 67, San Luqa kien ħdejh (2 Tim 4:11). Kiteb l-Evanġelju u l-Atti fis-snin 80, fl-istess żmien meta kien qed jinkiteb l-Evanġelju skond San Mattew. Kiteb fil-Greċja, bl-ilsien Grieg.
Lil min iddedika l-Evanġelju
Iddedikah lil Teofilu (Lq 1:3). Dan l-isem Grieg ifisser ‘maħbub minn Alla’. Għalhekk ħafna kienu jaħsbu li b’dan l-isem San Luqa fehem jiddedika l-ktieb lill-Insara kollha, għax aħna lkoll maħbubin minn Alla. Imma llum l-istudjużi qegħdin jaħsbu li Teofilu seta’ kien Nisrani sinjur li ħallas għall-ispiża biex San Luqa seta’ jippubblika l-Evanġelju. Għalkemm b’rispett San Luqa ddedika l-ktieb lilu, it-tagħlim li fih hu għal kulħadd.
X’kien l-iskop ta’ San Luqa
San Luqa jsemmi l-iskop tiegħu fl-ewwel versi. Lil Teofilu jgħidlu: “biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa ta’ dak li int tgħallimt” (1:4). Minn dan il-kliem jidher li San Luqa ried iserraħ moħħ l-Insara tal-komunitajiet tiegħu, billi fosthom kien mar xi ħadd biex iħawwadhom. L-Insara tal-Greċja kienu ta’ nisel pagan, u kienu rċevew it-tagħlim Nisrani mingħand San Pawl. Jidher li kien mar xi ħadd fosthom u żera’ d-dubji. Kien qalilhom: “Kif tafu li t-tagħlim li għallimkom Pawlu hu l-istess tagħlim li kien xandar Ġesù, ladarba Pawlu ma kienx wieħed mit-Tnax? U kif tafu li Ġesù hu s-Salvatur tagħkom ukoll, ladarba intom m’intomx ta’ nisel Lhudi bħal ma kien Ġesù?” San Luqa jurihom kif it-tagħlim li kienu rċevew kien l-istess tagħlim ta’ Ġesù, u li Ġesù hu tassew is-Salvatur ta’ kulħadd. Fl-istess ħin San Luqa ried ifiehem lill-komunitajiet tiegħu kif għandu jgħix in-Nisrani. In-Nisrani jeħtieġ li jimxi wara Ġesù. Għalhekk San Luqa fittex li jikteb dwar dak li Ġesù “kien għamel u għallem” (Atti 1:1), ħalli n-Nisrani jimitah. Jekk ma nimitawx lil Ġesù u nġibu ruħna kif għallimna Hu, ma nkunux dixxipli tiegħu.
Minn fejn San Luqa ġabar it-tagħrif għall-Evanġelju
San Luqa qatt ma kien rah lil Ġesù; qatt ma kien semgħu ixandar it-tagħlim tiegħu. Mela minn fejn ġabar l-informazzjoni biex seta’ jikteb l-Evanġelju? Ġabarha minn dawn l-għejjun li se nsemmu:
(a) mit-tagħlim li sema’ mingħand l-Appostli u d-dixxipli
(b) mill-Evanġelju li kien kiteb San Mark
(ċ) minn kotba żgħar b’ġabriet ta’ mirakli u parabboli ta’ Ġesù,

li kienu nkitbu bħala għajnuna għall-katekisti


(d) minn ġabra ta’ diskorsi qosra ta’ Ġesù, ġabra li l-istudjużi

jsejħulha Q


(e) minn Insara li kienu semgħu lil Ġesù nnifsu, u li San Luqa

kien fittixhom biex ikollu aktar tagħrif dwar Ġesù.


Ir-ritratt li San Luqa jagħtina ta’ Ġesù
San Luqa jurina lil Ġesù bħala s-Salvatur ħanin tal-bnedmin kollha. Ma ninsewx li San Luqa kien tabib; kien iħenn għal kull marid li jara, u jipprova jgħinu. Għalhekk fehem li Ġesù hu t-tabib tagħna lkoll, it-tabib li jfejjaqna mill-pjagi tar-ruħ tagħna, u li jgħallimna kif għandna ngħixu fl-imħabba lejn Alla u lejn xulxin.
Kif iqassam l-Evanġelju
A. Daħla qasira (1:1-4)
B. “L-Evanġelju ta’ l-Infanzja” (1:5 - 2:52)
Ċ. Thejjija għall-ministeru ta’ Ġesù (3:1 - 4:13)
D. Il-ministeru ta’ Ġesù fil-Galilija (4:14 – 9:50)
E. Il-vjaġġ lejn Ġerusalemm (9:51 – 19:27)
F. Il-ministeru ta’ Ġesù f’Ġerusalemm (19:28 – 21:38)
Ġ. Il-Passjoni u l-Qawmien mill-imwiet (22:1 – 24:53)
. . . . . . . . . . . . . . .

A. ID-DAĦLA (1:1-4)
(1) F’din id-Daħla San Luqa jurina li qablu kien hemm oħrajn li kitbu dwar il-miġja ta’ Ġesù fostna (vers 1). Kif ġa għidna, San Mark kien ġa kiteb l-Evanġelju tiegħu. U kien hemm min kiteb ġabriet ta’ mirakli, ta’ parabboli, u ta’ diskorsi ta’ Ġesù. Luqa qed jirreferi għal dawn il-kitbiet. Minnhom ħa ħafna tagħrif għall-Evanġelju tiegħu.
(2) San Luqa jgħid li dawk li kitbu qablu kienu tkellmu fuq “il-ġrajjiet li seħħu fostna(vers 1). Il-kelma ‘seħħu’ hawnhekk ma tfissirx biss ‘ġraw’. Il-kelma Griega li kiteb Luqa tfisser ‘were fulfilled’. San Luqa qed jifhem li f’Ġesù kienu seħħew il-wegħdiet li Alla kien għamel lill-poplu tiegħu Israel. Alla kien wiegħed li jibagħtilna salvatur, u dak is-salvatur kien ġie. Kien Ġesù ta’ Nazaret.
(3) Luqa jistqarr li hu ma kienx rah lil Ġesù. Imma dak li tgħallem fuqu sar jafu mingħand xhieda ta’ min jemminhom, għax kienu ma’ Ġesù sa minn meta beda l-ħajja pubblika tiegħu (vers 2). Hawn San Luqa qed jgħid għall-Appostli u għad-dixxipli l-oħra li kienu jgħinuhom fix-xandir tal-messaġġ Nisrani.
(4) Luqa jkompli jsemmi b’liema reqqa fittex li jitgħallem kull ma kien possibbli dwar Ġesù (vers 3). Għax barra milli fittex dak li kien ġa nkiteb u dak li kienu jxandru l-Appostli u d-dixxipli l-oħra, Luqa tkellem ma’ ħafna Nsara oħra li lil Ġesù kienu rawh u semgħuh.
(5) Luqa jiddedika l-ktieb tiegħu lil Teofilu (vers 3). Lil dan il-bniedem Luqa jsejjaħlu b’kelma Griega “krátiste”, li bil-Malti jittraduċuha ‘għażiż’. Imma ‘krátiste’ proprjament tfisser ‘l-Eċċellenza tiegħek’, titlu li juri li Teofilu kien bniedem nobbli li kellu xi uffiċċju għoli f’dik il-belt fejn Luqa kiteb l-Evanġelju. Għandna naħsbu li dan is-sinjur għen lil Luqa biex ikun jista’ jippubblika l-Evanġelju tiegħu, u kien minħabba f’hekk li Luqa ddedika l-ktieb lilu.
(6) Luqa jsemmi għaliex kiteb l-Evanġelju. Kitbu “biex inti tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kull ma tgħallimt” (vers 4). Luqa, mela, kiteb biex l-Insara jneħħu kull dubju minn moħħhom, u biex b’tagħrif aktar profond tat-tagħlim Nisrani jaslu biex jikbru fil-fidi u fl-imħabba lejn Ġesù.
. . . . . . . . . . . . . . .


B. “L-EVANĠELJU TA’ L-INFANZJA” (1:5 – 2:52)
(1) F’din it-taqsima meraviljuża San Luqa jagħtina seba’ xeni :
(a) it-tħabbira tat-twelid tal-Battista (1:5-25)

(b) it-tħabbira tat-twelid ta’ Ġesù (1:26-38)

(ċ) iż-żjara ta’ Marija lil Eliżabetta (1:39-56)

(d) it-twelid tal-Battista (1:57-80)

(e) it-twelid ta’ Ġesù (2:1-21)

(f) il-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju (2:22-40)

(g) Ġesù ta’ tnax-il sena (2:41-52).
(2) L-ewwel żewġ kapi ta’ San Mattew ukoll insejħulhom “L-Evanġelju ta’ l-Infanzja”. Imma x-xeni li jagħti Mattew huma differenti mix-xeni li jsemmi Luqa. Mattew ma jsemmi xejn mix-xeni ta’ Luqa, imma jsemmi l-anġlu tal-Mulej li jkellem lil San Ġużepp fil-ħolm, isemmi l-Maġi, il-ħarba fl-Eġittu, u l-qtil ta’ l-innoċenti. Mhux biss huma differenti dawn ix-xeni, imma fihom punti li ma nistgħux nirrikonċiljawhom flimkien. Dan jurina li hawn Alla jridna nfittxu dik li nsejħulha l-‘verità teoloġika’. U f’din Mattew u Luqa jaqblu perfettament. Jaqblu li Ġesù huwa l-Messija (Mt 1:16; Lq 2:11); li Ġesù hu tassew Persuna Divina li sar bniedem bħalna (Mt 1:23; Lq 1:35); li Ġesù tnissel fil-ġuf ta’ Marija, mhux bl-intervent ta’ żewġha Ġużeppi, imma b’miraklu ta’ Alla (Mt 1:20; Lq 1:35); li Ġesù huwa s- Salvatur li jeħlisna mill-jasar tad-dnub (Mt 1:21;

Lq 1:77); li l-isem Ġesù (=Jahweh isalva) intgħażel minn Alla nnifsu biex juri l-missjoni tiegħu (Mt 1:21; Lq 1:31); li Ġesù jidħol fil-familja ta’ David permezz tal-missier legali tiegħu Ġużeppi (Mt 1:1-16; Lq 1:27).
(3) F’dawn ix-xeni ta’ l-Infanzja, biex joħroġ aktar il-messaġġ tiegħu, Luqa xi drabi jagħmel allużjoni għal xi versi tat-Testment il-Qadim. Nagħtu eżempju. San Luqa ried juri li l-Madonna saret tassew l-omm ta’ persuna divina. X’għamel biex iwassal din il-verità? Wera lill-Madonna bħala l-Arka l-Ġdida, billi għamel tliet allużjonijiet għall-Arka tal-Patt. Għal-Lhud tat-Testment il-Qadim l-Arka tal-Patt kienet is-sinjal li Alla kien preżenti fosthom. Bl-allużjonijiet tiegħu Luqa juri li l-Madonna ġabitilna tassew lil Alla fostna; għal disa’ xhur kellha persuna divina fil-ġuf tagħha.

It-tliet allużjonijiet huma dawn:


(a) Meta Mosè lesta t-Tinda u daħħal fiha l-Arka bil- Kmandamenti, is-sħaba li kienet tmexxi l-Israelin fid-deżert “strieħet” fuq it-Tinda (Eż 40:35). San Luqa kien jaqra t-Testment il-Qadim fit-traduzzjoni Griega. F’dik t-traduzzjoni, minflok “strieħet” hemm “xeħtet id-dell tagħha”. San Luqa jurina lill-Anġlu jgħid lil Marija: “Il-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek” (1:35).
(b) Meta daħħal l-Arka fil-belt ta’ Ġerusalemm, David qabeż bil-ferħ quddiemha (2 Sam 6:14). San Luqa jsemmi lill-Battista jaqbeż bil-ferħ fil-ġuf ta’ ommu malli tasal Marija quddiemu (1:41).

(ċ) L-Arka damet tliet xhur għand Għobededom, u l–Mulej tefa’ fuqu barka kbira minħabba fiha (2 Sam 6:11-12). Marija tibqa’ għand Eliżabetta għal tliet xhur (1:56). Hi tassew l-Arka l-Ġdida li ġġib il-barka.


(4) Fl-Evanġelju ta’ l-Infanzja, Luqa jurina diversi persunaġġi jgħidu xi verità fuq Ġesù. Gabrijel isejjaħ lil Ġesù “Bin l-Għoli” (1:32) u “Bin Alla” (1:35). Żakkarija jsejjaħlu “Qawwa ta’ salvazzjoni”, jiġifieri ‘Sultan Salvatur’ (1:69). L-Anġlu li jkellem lir-rgħajja jsejjaħlu “Salvatur, il-Messija, il-Mulej” (2:11). Xmun isejjaħlu “Id-dawl tal-ġnus u l-glorja ta’ Israel” (2:32). Imma l-aħħar kelma jgħidha Ġesù nnifsu, li jistqarr li l-veru missier tiegħu huwa Alla (2:49).
(5) Fl-Evanġelju ta’ l-Infanzja Luqa jsemmi diversi temi li tant kienu għal qalbu. Bosta drabi jsemmi l-ferħ li jimla l-qlub ta’ tant nies twajba meta jasal il-Feddej. Isemmi l-faqar, bħal dak il-faqar li twieled fih Ġesù (2:7), u l-faqar ta’ Marija li, għall-purifikazzjoni tagħha, tagħmel l-offerta ta’ mara fqira (2:24). Imma aktar importanti minn dan il-faqar, hu l-faqar ta’ l-ispirtu, jiġifieri l-umiltà tal-qalb; dan il-faqar hu meħtieġ wisq biex nilqgħu l-grazzji li Alla jagħtina (1:50-53). Isemmi l-imħabba li Alla juri lejn iċ-ċkejknin u l-imwarrbin tas-soċjetà. Isemmi bl-akbar rispett tant nisa twajba u qaddisa, bħal Marija, Eliżabetta, u Anna bint Fanwel. Isemmi l-Ispirtu s-Santu li jqanqal lil Żakkarija u lil Xmun biex jinterpretaw il-missjoni ta’ Ġesù. Isemmi t-talb, billi jurina diversi nies qegħdin jitolbu, u jagħtina l-Kantiċi bħala mudelli ta’ talb. U jgħidilna wkoll li Ġesù kien se jkun “sinjal li jmeruh (2:34), ħalli jurina minn qabel li ħafna mil-Lhud kienu se jeħduha kontra tiegħu. B’dan il-mod San Luqa jhejjina għal dak li ried jgħidilna fil-kumplament ta’ l-Evanġelju.
. . . . . . . . . . . . . . .

Ċ. THEJJIJA GĦALL-MINISTERU (3:1 - 4:13)
Hawn Luqa jkellimna dwar:
(a) il-predikazzjoni ta’ Ġwanni l-Battista (3: 1–20)

(b) il-magħmudija ta’ Ġesù (3:21-22)

(ċ) il-ġenealoġija ta’ Ġesù (3:23-38)

(d) it-tiġrib ta’ Ġesù fid-deżert (4:1-13).


(1) It-thejjija għall-ministeru ta’ Ġesù bdiet bil-predikazzjoni ta’ Ġwanni l-Battista. Luqa jgħidilna f’liema żmien dan il-profeta beda l-missjoni li tah Alla. Bdieha “fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari” (3:1), jiġifieri madwar is-sena 27 W.K. Dan kien iż-żmien magħżul minn Alla biex il-Battista jibda jhejji lill-Israelin biex jilqgħu lil Ġesù.
Ġwanni jkun imnebbaħ minn Alla biex imur ħdejn ix-xmara Ġordan u jibda jxandar li l-Messija kien wasal. Lis-semmiegħa tiegħu Ġwanni kien jgħidilhom li lkoll kellhom jagħmlu ħilithom biex jilqgħu lil dan is-Salvatur. Ma kienx biżżejjed għalihom li kienu Lhud, imnisslin minn Abraham. Kien jeħtiġilhom lkoll li lil Alla jitolbuh maħfra ta’ dnubiethom u jagħtuh kelma li riedu jibdlu ħajjithom. U biex juru li tassew kienu nidmu, kellhom jinżlu fix-xmara ħalli jgħammidhom.
Ġwanni jkompli juri li s-salvazzjoni Alla kien qed joffriha lil kulħadd. Lil dawk kollha li marru jisimgħuh, saħansitra lill-pubblikani u lis-suldati, Ġwanni laqagħhom u qalilhom x’kellhom jagħmlu biex jogħġbu lil Alla. Fl-istess ħin uriehom li quddiem is-sejħa ta’ Alla ma setgħux jibqgħu newtrali. Alla jistenna li aħna nilqgħu l-istedina tiegħu. Ħażin għalina jekk ma nilqgħuhiex!
(2) Ġesù nnifsu ħejja ruħu għall-ministeru tiegħu billi resaq quddiem Ġwanni biex jitgħammed. Ġesù ried juri s-solidarjetà tiegħu magħna. Hu li ma kellu l-ebda dnub niżel fix-xmara u deher quddiem kulħadd bħala midneb, għax kienet ir-rieda tal-Missier li Hu jerfa’ fuqu d-dnubiet tagħna. Mal-magħmudija ta’ Ġesù, ikompli jgħid l-Evanġelju, “is-smewwiet infetħu, u niżel l-Ispirtu s-Santu fuqu, u mis-sema ġie leħen jgħid: ‘Int Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi.’ ” Dan ifisser li fil-magħmudija ta’ Ġesù għandna naraw ukoll l-investitura tiegħu bħala Messija u l-inawgurazzjoni tal-missjoni tiegħu.
(3) Wara r-rakkont tal-magħmudija, Luqa jagħtina l-ġenealoġija ta’ Ġesù, ġenealoġija li hi differenti minn dik li jagħtina Mattew. Għax Mattew ried jinsisti li Ġesù hu “bin David, bin Abraham” ; huwa dak li fih seħħew il-wegħdiet li Alla kien għamel lill-poplu ta’ Israel. Imma Luqa jinsisti li Ġesù hu “bin Adam, bin Alla”. Adam kien l-ewwel bniedem maħluq minn Alla; kien il-missier tagħna lkoll. Mela Ġesù hu dak li ġie biex ikun is-salvatur ta’ wlied Adam kollha kemm huma. Alla kien żejjen lil Adam bil-grazzja tiegħu. Imma Adam tilef din il-grazzja, kemm għalih u kemm għalina. Ġesù ġie biex jagħtina mill-ġdid dik il-grazzja, u hekk ireġġagħna lura lejn Alla. Permezz ta’ Ġesù iseħħ il-pjan li l-Missier għamel għas-salvazzjoni tagħna.
(4) Wara l-magħmudija tiegħu, Ġesù jmur jgħaddi erbgħin jum fid-deżert. Għal-Lhud “erbgħin jum” kienu jfissru ‘żmien biżżejjed ta’ tħejjija’. Ġesù, mela, ikompli jhejji ruħu. Ix-Xitan jersaq biex iġarrbu, fi kliem ieħor, jipprova jħajru biex ma jwettaqx il-missjoni li rċieva mingħand il-Missier. Imma Ġesù juri kemm tassew iħobb lil Missieru billi ma jċedix. Ix-Xitan iwarrab “sa ma jasal il-waqt” (4:13), il-waqt meta jqanqal lil Ġuda biex jagħti lil Ġesù f’idejn l-għedewwa (22:3). Imma hemm ukoll Ġesù jerġa’ joħroġ rebbieħ, għax bl-istess tbatijiet tiegħu, li jaċċettahom bħala r-rieda tal-Missier, jiksbilna s-salvazzjoni.
. . . . . . . . . . . . . . .

D. IL-MINISTERU TA’ ĠESÙ FIL-GALILIJA (4:14 – 9:50)
Din it-taqsima nistgħu nqassmuha hekk:
(1) Ġesù u n-nies ta’ Nazaret (4:14-30)
Ġesù jibda l-ministeru tiegħu fil-Galilija: jgħallem, ikeċċi x-xjaten, ifejjaq il-morda. Wara xi żmien imur Nazaret, ir-raħal fejn kien trabba. Fis-sinagoga jaqra silta mill-ktieb ta’ Isaija u jagħti t-tifsira tagħha. In-nies jeħduha kontra tiegħu u jkunu jridu joqtluh.
Luqa jibda b’dan l-episodju biex mill-ewwel jurina l-ħniena u l-imħabba ta’ Ġesù, u r-reazzjoni li kien se jsib min-naħa tal-poplu Lhudi. Ġesù kien ġie fostna biex jagħtina l-veru ħelsien, il-ħelsien mill-jasar tad-dnub, ħelsien li ried joffrih lil kull bniedem. Is-silta li kien qara mill-Ktieb ta’ Isaija kienet turi li l-missjoni tiegħu kienet dik li “jagħti l-ħelsien lill-imjassrin, li jwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u li jxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej” (Is 61:1-2). Imma bħalma fl-imgħoddi l-poplu Lhudi ma kienx laqa’ lill-profeti, issa dan l-istess poplu ma kienx se jilqa’ lill-Messija.
(2) Ġesù jkeċċċi x-xjaten, ifejjaq u jgħallem (4:31 - 5:16)
Luqa jurina lil Ġesù jkeċċi x-xjaten mill-invażati, ifejjaq il-morda, ixandar il-kelma ta’ Alla. Dan kien sinjal li kienet waslet is-Saltna ta’ Alla (4:43), saltna fejn il-bnedmin, meħlusin mid-dnub, jgħixu ħajja ġdida, il-ħajja tal-grazzja. Biex din is-Saltna tinfirex ma’ kullimkien, Ġesù sejjaħ għal warajh l-ewwel dixxipli. Lil dawn jgħidilhom li riedhom ikunu “sajjieda tal-bnedmin” (5:10), Fi kliem ieħor, Ġesù ried li d-dixxipli tiegħu, bix-xandir ta’ l-Evanġelju, jiġbdu l-bnedmin l-oħra għall-ħajja l-ġdida tas-Saltna ta’ Alla.
(3) Il-Fariżej u l-Għorrief tal-Liġi (5:17 – 6:11)
Ġesù ma jagħmilx ħlief ġid. Ifejjaq lebbruż, ifejjaq mifluġ, ifejjaq kull xorta ta’ mard. Imma l-Għorrief tal-Liġi, dawk li kienu l-għalliema tal-poplu, jikkritikawh. Jikkritikawh talli kien qal lill-mifluġ “Dnubietek maħfura”, talli aċċetta li jiekol mal-pubblikani, talli jfejjaq nhar ta’ Sibt. Kull darba Ġesù jurihom kemm kellu raġun iġib ruħu hekk, imma l-Għorrief tal-Liġi jibqgħu iwebbsu rashom, anzi jibdew jiddiskutu bejniethom x’se jagħmlu bih (6:11). L-għira u s-suppervja kienu għamewhom!
(4) Ġesù jagħżel it-Tnax u jxandar il-Liġi l-Ġdida (6:12-49)
Kif għadna kemm rajna, l-Għorrief tal-Liġi ma redux jafu

b’Ġesù, u minħabba fihom ħafna mil-Lhud ma emmnux li Ġesù kien il-Messija. Dak il-poplu li Alla kien għażel għalih ma laqax is-Salvatur li Alla tah. Għalhekk Ġesù fittex li jifforma Poplu Ġdid jew Israel Ġdid, mibni wkoll fuq tnax, jiġifieri fuq l-Appostli, bħalma Israel il-qadim kien żviluppa mit-tnax-il tifel ta’ Ġakobb.


Wara l-għażla tat-Tnax, Ġesù jibda jgħidilna x’jistenna mill-membri tal-poplu l-ġdid tiegħu. Jistenna li ma jkollniex qalbna marbuta mal-ġid ta’ din l-art. Jistenna li nħobbu saħansitra lill-għedewwa tagħna. Jistenna li nuru ħniena lejn kulħadd. Jistenna li nikkoreġu lilna nfusna fejn naraw li qegħdin niżbaljaw.
(5) Iċ-Ċenturjun, l-armla ta’ Najm, u Ġwanni l-Battista

(7:1-23)
Ġesù jfejjaq qaddej ta’ ċenturjun pagan, iwaqqaf funeral, imiss it-tebut, u jqajjem il-mejjet. Issa l-Lhud kienu jqisu l-pagani bħala “mniġġsin”, u kienu jżommu li min imiss tebut “jitniġġes”. Ġesù, mela, għaliex kien għamel hekk? U għaliex ma kienx qabeż għal Ġwanni l-Battista meta dan kien ġie mixħut il-ħabs minn Erodi Antipa? Għaliex kien qed iġib ruħu b’mod differenti minn kif stennew xi wħud? It-tweġiba li ta Ġesù kienet din: “Hieni min ma jitfixkilx minħabba fija!”

(7:23). Kemm ikun hawn nies li, jekk Ġesù ma jagħtihomx dak li jixtiequ huma, jitilquh! Hemm bżonn nifhmu li mhuwiex Ġesù li għandu jġib ruħu kif irriduh aħna. Hu aħna li għandna nġibu ruħna kif jixtieq Hu.
(6) Il-pjan ta’ Alla l-Missier (7:24-35)
Ġesù jfaħħar lil Ġwanni l-Battista, li kien tassew qeda dmiru biex ihejji l-poplu Lhudi ħalli jilqa’ lill-Messija. Kien hemm diversi midinbin li emmnuh, u għalhekk issa laqgħu lil Ġesù wkoll. Imma l-Għorrief tal-Liġi la laqgħu lil Ġwanni u lanqas lil Ġesù. Alla l-Missier kien għamel pjan; l-ewwel bagħat lil Ġwanni, imbagħad bagħat lil Ġesù, biex jiġbed lil kulħadd lejh, ħalli lkoll ikollna s-salvazzjoni. Fil-każ ta’ dawk li s-salvazzjoni ma laqgħuhiex, il-ħtija ma kenitx ta’ Alla; il-ħtija kienet tagħhom, għax ma redux jikkooperaw mal-grazzja.
(7) Ġesù u n-nisa li saru dixxipli tiegħu (7:36 - 8:3)
Mara midinba tikkonverti, u waqt li Ġesù jkun qed jiekol għand wieħed Fariżew, tmur ixxarrablu riġlejh bid-dmugħ tagħha u tixxottahomlu b’xagħarha. Ġesù ma jkeċċihiex minn ħdejh, anzi jserrħilha rasha li dnubietha kienu nħafrulha. Kien hemm għadd ta’ nisa li Ġesù kien fejjaqhom, u dawn bdew imorru miegħu kull fejn imur. L-ebda mgħallem Lhudi ma kien iħalli mara midinba tersaq lejh. L-ebda mgħallem Lhudi ma kien iħalli nisa jakkompanjawh. Għaliex, mela, Ġesù ġab ruħu hekk? Ġesù ried juri li l-mara wkoll hija msejħa għas-salvazzjoni. Xejn inqas mill-irġiel, in-nisa huma ħolqien ta’ Alla; huma wkoll huma msejħa biex ikunu dixxipli ta’ Ġesù.

(8) Il-parabbola taż-żerriegħa u l-parabbola tal-musbieħ

(8:4-21)
Bil-parabbola taż-żerriegħa Ġesù jurina li mhuwiex biżżejjed li nisimgħu l-kelma tiegħu. Jeħtieġ li dik il-kelma ngħożżuha u ngħixuha, u mhux għal ftit ġranet, imma għal għomorna. Anzi dik il-kelma, kif juri Ġesù fil-parabbola tal-musbieħ, għandna nwassluha lill-oħrajn. Jekk nagħmlu hekk, insiru “ħutu”, għax il-familja ta’ Ġesù hi magħmula minn “dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmlu li jgħid Hu” (8:21),
(9) Il-kobor tas-setgħa ta’ Ġesù (8:22-56)
Luqa jurina kemm hi kbira s-setgħa li għandu Ġesù: isikket tempesta, ikeċċi x-xjaten, ifejjaq mara li l-ebda tabib ma seta’ jfejjaqha, iqajjem tifla mill-mewt. Meta naraw din is-setgħa kollha, għaliex għandna naqtgħu qalbna waqt il-prova? Jekk inħallu l-biża’ jagħmel bina, Ġesù jkollu jgħidilna dak li qal lill-Appostli meta twerwru minħabba t-tempesta: “Fejn hija l-fidi tagħkom? (8:25). Ġesù ried li jkollna fidi fih, bħal dik il-fidi li wera l-imxajtan meta mar jiġri jinxteħet f’riġlejn Ġesù, bħal dik il-fidi li wera Ġajru meta mar jitolbu biex ifejjaqlu lil bintu, u bħal dik il-fidi tal-mara li emmnet li biex tfiq kien biżżejjed għaliha li tmiss il-mantar ta’ Ġesù.
(10) Xi ħlas kienu se jieħdu l-Appostli fuq din l-art (9:1-17)
Hawn Luqa jagħtina żewġ rakkonti: ir-rakkont dwar il-ħidma li Ġesù ried li l-Appostli jwettqu fil-Galilija, u r-rakkont tal-miraklu tat-tkattir tal-ħobż. Bejn dawn iż-żewġ rakkonti Luqa jsemmi li Erodi Antipa kien qatel lil Ġwanni l-Battista.
B’dan il-mod Luqa ried jurina min-naħa l-waħda l-missjoni li Ġesù ried jagħti lill-Appostli tiegħu, u min-naħa l-oħra l-Appostli x’kellhom jistennew min-nies tad-dinja. Bħal Ġesù l-Appostli kien se jkollhom il-missjoni li jxandru l-kelma ta’ Alla, li jkeċċu x-xjaten, li jfejqu l-morda. Aktar ’il quddiem Ġesù kien se jagħtihom ukoll is-setgħa li jagħtuna

l-Ewkaristija. X’missjoni qaddisa kien se jkollhom! Imma x’kellhom jistennew fuq din l-art? Li jsibu min jikkundannahom għall-mewt, bħal ma kien ġie kkundannat għall-mewt il-Battista minn ħakem li ma riedx jaf b’konverżjoni.


(11) L-istqarrija ta’ Pietru u l-ewwel tħabbira tal-Passjoni

(9:18-27)
Ġesù jistaqsi lill-Appostli: “Min tgħidu li jien?” Pietru jwieġeb: “Inti l-Messija.” Pietru wieġeb tajjeb, imma sa dak il-ħin kien għadu ma jafx it-tifsira sħiħa tal-kelma “Messija”. Il-Lhud kienu jistennew li l-Messija jkun sultan li jeħlishom mill-ħakma tal-barranin, u li jġib id-dinja kollha taħt idejh. Ħadd minnhom ma kien jobsor li l-Messija kien se jbati u jmut għall-fidwa tagħna. Għalhekk meta stqarr li Ġesù kien il-Messija, Pietru fehem jistqarr biss is-setgħa u l-glorja ta’ Ġesù. Min-naħa tiegħu, biex juri l-verità kollha, Ġesù beda jitkellem dwar it-tbatijiet li kien se jġarrab. Ġesù wkoll, mela, bħal Ġwanni l-Battista, kien se jsib min jikkundannah għall-mewt. U bħalma Hu kien lest li jbati u jmut għalina, Ġesù jistenna minna li aħna wkoll inkunu lesti li nbatu għalih, u dan mhux darba, imma “ kuljum” (9:23).
(12) It-Trasfigurazzjoni u t-tieni tħabbira tal-Passjoni

(9:28-50)
Luqa jgħidilna li, waqt it-trasfigurazzjoni ta’ Ġesù, Mosè u Elija dehru ħdejh jitkellmu dwar il-passjoni u l-mewt tiegħu (9:31). Mosè u Elija jirrappreżentaw ‘il-Liġi u l-Profeti’, jiġifieri l-Kotba tat-Testment il-Qadim. F’dawk il-Kotba, mela, Alla l-Missier kien ġa ħabbar li l-Messija kien se jbati (ara Is 53). Issa Alla l-Missier ikompli jgħid: “Dan hu Ibni; isimgħu lilu” (9:35).Mela Alla l-Missier qed jgħidilna biex nisimgħu t-tagħlim li tana Ibnu dwar it-tbatija li għandna nkunu lesti li nġarrbu għalih. In-nies kienu jistagħġbu bil-qawwa li kienet tidher fil-mirakli ta’ Ġesù (9:43). Imma kemm aktar għandna nistagħġbu bl-imħabba li wriena Ġesù meta miet għalina fuq is-salib (9:44). U għalhekk kemm għandna nkunu lesti li għall-imħabba tiegħu nagħmlu kull sagrifiċċju, anke nagħtu ħajjitna. Imma dan it-tagħlim sa l-Appostli sabuh tqil, u damu biex fehmuh (9:45). Kien biss wara li Ġesù qam mil-mewt, u wara li rċevew l-Ispirtu s-Santu, li l-Appostli fehmu u bdew juru kemm kienu tassew lesti li jagħmlu kull sagrifiċċju għall-imħabba tal-Feddej.
. . . . . . . . . . . . . . .

E. IL-VJAĠĠ LEJN ĠERUSALEMM (9:51 – 19:27)
Luqa jibda din it-taqsima b’mod solenni għall-aħħar. Jgħidilna: “Meta qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, Ġesù b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm” (9:51). Kliem bħal dan jurina d-determinazzjoni li biha Ġesù telaq lejn Ġerusalemm biex iwettaq ir-rieda tal-Missier u jagħti ħajtu għall-fidwa tagħna. Matul il-vjaġġ Ġesù, bi kliemu u għemilu, juri t-triq li minnha għandhom jimxu d-dixxipli tiegħu biex jogħġbu lil Alla. Fil-ktieb l-ieħor li kitbilna, jiġifieri fl-Atti ta’ l-Appostli, Luqa jgħidilna ċar li r-reliġjon nisranija fl-ewwel snin tal-Knisja kienet tissejjaħ “It-Triq tal-Mulej (Atti 9:2; 18:26; 24:22).
Billi din it-taqsima hija twila ħafna, ma jistax ikun li nsemmu d-dettalji kollha. Se nagħżlu biss xi siltiet.
(1) Is-Samaritani ma jilqgħux lil Ġesù (9:52-55)
Fi triqtu lejn Ġerusalemm Ġesù għadda minn raħal tas-Samaritani, u xtaq li n-nies ta’ dak ir-raħal joffrulu kamra fejn jgħaddi l-lejl. Imma dawk is-Samaritani ma redux. Talbuh biex jibqa’ sejjer. L-Appostli Ġwanni u Ġakbu tant irrabjaw għalihom li xtaqu jitolbu ’l Alla biex jeqridhom. Imma dak li xtaqu Ġwanni u Ġakbu ma kienx jaqbel mat-tagħlim ta’ Ġesù. Ġesù kien ġa qalilhom li kellhom iħobbu lill-għedewwa tagħhom u jagħmlu l-ġid lil min jobgħodhom (6:27). U għalhekk Ġesù lil dawn iż-żewġ Appostli ċanfarhom. Għax Ġesù ma jridx li aħna npattu azzjoni ħażina b’oħra bħalha jew agħar minnha.
(2) Il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb (10:25-37)
B’din il-parabbola Ġesù jgħallimna kif għandha tkun l-imħabba tagħna lejn il-proxxmu. Għandha tkun imħabba li tħaddan lil kulħadd. Il-Lhud kien jidhrilhom li l-proxxmu tagħhom kienu biss ħuthom il-Lhud. Imma Ġesù fil-parabbola jgħidilna biex nagħmlu bħalma għamel is-Samaritan, li għalkemm kien ġie mgħallem biex jobgħod il-Lhud, kien lest li jieqaf u jagħti l-għajnuna lil wieħed mill-għedewwa tiegħu. Barra minn dan, Ġesù jgħallimna wkoll li dak li nagħmlu ma’ l-oħrajn ma għandniex nagħmluh bl-iskop li darb’oħra jpattulna huma

b’xi pjaċir min-naħa tagħhom. Is-Samaritan tal-parabbola ma stenna l-ebda ħlas mingħand il-Lhudi, anzi wasslu sa lukanda u ħallaslu l-ispejjeż kollha hu.


(3) Ġesù għand Marta u Marija (10:38-42)
Marta u Marija kienu żewġt aħwa. It-tnejn kienu jħobbuh lil Ġesù. Meta Ġesù għadda mir-raħal tagħhom, stednuh jidħol jiekol għandhom flimkien ma’ l-Appostli. Marta tħabtet kemm felħet biex tlestilhom ikla tajba, imma oħtha Marija qagħdet ħdejn Ġesù biex toqgħod tisma’ t-tagħlim tiegħu. Min minnhom għamel l-aħjar? Ġesù jgħid li kienet Marija li “għażlet l-aħjar sehem” (10:42).
X’tagħlima qed jagħtina Ġesù? Ġesù jrid, iva, li d-dixxipli tiegħu jagħmlu opri tajba mal-proxxmu, bħalma għamlet Marta miegħu u ma’ l-Appostli. Imma dak mhuwiex biżżejjed. Ġesù jrid li qabel kollox id-dixxipli tiegħu jkollhom imħabba lejn il-kelma tiegħu. L-opri tajba li nagħmlu mal-proxxmu jridu jkunu l-frott li joħroġ minn dik l-imħabba.
(4) It-talb (11:1-13)
Ġesù jgħallimna t-talba tal-“Missierna” (11:2-4), dik li tissejjaħ ukoll ‘It-talba tal-Mulej ’. Biha Ġesù jurina x’għandna nitolbu, u l-atteġġjament li għandu jkollna lejn Alla. L-ewwelnett lil Alla għandna nfittxu li nfaħħruh u nroddulu ħajr. Għalhekk Ġesù qalilna biex ngħidulu: “Jitqaddes ismek.” Għandu jkollna x-xewqa li lil Alla kulħadd ikun iħobbu; għalhekk għandna ngħidulu “Tiġi saltnatek.” Quddiem Alla għandna nersqu bl-akbar umiltà; għandna nifhmu kemm għandna bżonn l-għajnuna tiegħu f’kollox. Weħidna m’aħniex kapaċi naqilgħu l-għajxien tagħna. Weħidna m’aħniex kapaċi nirbħu t-tentazzjonijiet tax-Xitan. Tant aħna dgħajfin li lkoll għandna ħafna difetti. Għalhekk Ġesù għallimna biex lil Alla nitolbuh: “Agħtina l-ħobż tagħna; aħfrilna dnubietna; la ddaħħalniex fit-tiġrib.”
Ġesù jkompli jurina li t-talb tagħna għandu jsir bil-perseveranza (11:5-10). Ma għandniex naqtgħu qalbna jekk ma naqilgħux mill-ewwel. Alla jismagħna, iżda mhux kif irridu u nifhmu aħna. Għax Alla jagħtina biss dak li hu ta’ ġid għalina. U għalhekk it-talb tagħna għandu jsir ukoll bil-fiduċja (11:11-13), għax Alla jħobbna wisq aktar milli qatt ħabbewna l-ġenituri tagħna.


(5) Il-parabbola tal-għani iblah (12:13-21)
Ġesù jgħid parabbola dwar raġel għani li ħażen bosta ġid biex mingħalih ikun jista’ jgħaddi ħajja twila jgħix fl-akbar lussu. Xejn ma ħaseb f’ruħu. Xejn ma ġab quddiem għajnejh li l-mewt setgħet tiġi għal għarrieda, u dak il-ġid li kien ħażen ikollu jħallih warajh. Ġesù jgħidilna li lil dan il-bniedem Alla sejjaħlu “iblah” (12:20). Il-bniedem għaqli għandu jistaqsi lilu nnifsu għalfejn qiegħed fid-dinja. Qegħdin hawn biex niksbu ħafna flus? Ikollna kemm ikollna miljuni, il-mewt ma nistgħux inbegħduha minna. Kemm ikun aħjar għalina li nkunu għonja quddiem Alla, billi nħobbuh u nobduh, ħalli meta nidhru quddiemu ma jgħidilniex: “Kemm kontu boloh!”
(6) Il-parabbola tat-tina bla frott (13:6-9)
Ikun hemm siġra tat-tin li għal tliet snin ma għamlitx frott. Is-sid jordna lill-qaddej biex jaqlagħha. Imma l-qaddej jitolbu biex iħalliha sena oħra, forsi tagħmel il-frott. Jekk, imbagħad, terġa’ ma tagħmilx, jaqlagħha.
B’din il-parabbola Ġesù qed jurina min-naħa l-waħda kemm hi kbira l-ħniena ta’ Alla, u min-naħa l-oħra kemm għandna nikkooperaw mal-grazzja. Alla jagħdirna, iva, u jieħu ħafna paċenzja bina biex ikollna aktar żmien għall-indiema. Imma jekk inwebbsu rasna u nibqgħu ma nikkonvertux, nintilfu. Alla ma jistax jeħodna l-Ġenna jekk nibqgħu sa l-aħħar ngħidulu “le”.

(7) Il-parabbola ta’ l-iben il-ħali (15:11-32)
Aktarx li din hi l-isbaħ parabbola li qatt ħarġet mill-fomm ta’ Ġesù. Alla hu dejjem lest li jaħfer lill-midinbin meta juru ndiema, bħalma l-missier tal-parabbola kien lest li jaħfer lil ibnu ż-żgħir meta dan reġa’ lura għandu. Mhux biss ħafirlu, imma għamillu festa kbira. It-tifel il-kbir ħa għalih, u ma riedx jidħol għall-festa. Il-missier, bil-ħlewwa kollha, qagħad ifiehmu li kellu jkompli miegħu u jifraħ hu wkoll, għax “ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab” (15:32).
X’qed jgħidilna Ġesù? Ġesù qed jgħallimna li ma għandniex ngħiru meta naraw xi midneb jikkonverti fl-aħħar ta’ ħajtu. Anzi għandna nifirħu li Alla hu ta’ ħniena infinita. Kull wieħed minna gawda minn din il-ħniena.
(8) “Aħna qaddejja; għamilna biss dak li kellna nagħmlu”

(17:7-10)
Il-ħaddiem mikri, għax-xogħol li jagħmel, għandu d-dritt għall-ħlas. Imma meta aħna nagħmlu r-rieda ta’ Alla, nistgħu ngħidu li b’daqshekk għandna xi dritt li Alla jħallasna? Ġesù jgħallimna li ma għandniex ngħidu hekk. Aħna tant obbligati lejn Alla. Lil Alla għandna naqduh bil-qalb, bla ma nippretendu l-ebda ħlas. Aħna ma aħniex impjegati miegħu; aħna qaddejja tiegħu, bħal dak il-qaddej jew ilsir li kien jaħdem għal sidu

bla ma jistenna ħlas. Dan ma jfissirx li Alla se jħallina b’xejn. Alla għad jagħtina l-Ġenna, aktar bħala rigal milli għax għandna xi dritt.


(9) Il-parabbola ta’ l-imħallef u l-armla (18:1-8)
Ġesù jġibilna quddiem għajnejna armla li, wara l-mewt ta’ żewġha, kien hemm xi ħadd li serqilha ġidha. L-armla fittxet imħallef biex jaqbeż għaliha, imma dan inzerta bla kuxjenza u bla ġieh, u ma riedx jagħti kas tagħha. Imma dik l-armla ma qatgħetx qalbha, u baqgħet tiffittah. U fl-aħħar għamlilha ħaqq u taha dak li kien tagħha.
Ġesù ried jgħallimna kemm ma għandniex naqtgħu qalbna fil-persekuzzjonijiet li l-ħżiena jagħmlulna. Jekk imħallef ħażin wasal biex jagħmel ħaqq, kemm aktar Alla hu lest li jgħin lill-magħżulin tiegħu! (18:7). U jekk għal xi żmien l-għajnuna ta’ Alla ma tantx tkun tidher, xorta waħda ma għandniex naqtgħu qalbna. Anzi dak ikun il-mument fejn inkunu nistgħu nuru kemm hi sħiħa l-fidi tagħna (18:8).
(10) L-agħma ta’ Ġeriko (18:35-43)
Ġesù jasal Ġeriko, l-aħħar waqfa fit-triq lejn Ġerusalemm. Ikun hemm raġel agħma li b’fidi kbira jibda jitolbu biex jagħtih id-dawl. Ġesù jilqa’ t-talba tiegħu, u dak ir-raġel isir dixxiplu ta’ Ġesù. Fuq dan l-episodju nistgħu nagħmlu diversi riflessjonijiet. Imma nikkonċentraw fuq waħda: id-differenza bejn l-imġiba ta’ Ġesù u l-imġiba tan-nies lejn dan ir-raġel. Meta dan l-agħma beda jgħajjat lil Ġesù, in-nies “bdew iċanfruh u jsikktuh”. Imma Ġesù ma għamilx hekk. Ġesù ordnalhom biex iressquhulu quddiemu, kellmu bil-ħlewwa, u tah il-fejqan. Ġesù tana tagħlima dwar kif għandna nġibu ruħna ma’ dawk li jkunu jbatu minn xi diżabilità. Mhux ngħajtu magħhom għandna, imma ngħinuhom bil-ħlewwa kollha.
(11) Żakkew (19:1-10)
Żakkew kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani. In-nies kienu jżommuh bħala midneb, u gemgmu kemm felħu meta Ġesù daħal għandu. Imma Żakkew tant feraħ biż-żjara ta’ Ġesù li wasal biex qallu: “Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b’xi ħadd u sraqtu, irroddulu għal erba’ darbiet iżjed.” Żakkew kien obbligat irodd dak li seraq, imma ma kellu l-ebda obbligu li jqassam nofs ġidu lill-foqra. Għaliex, mela, ried jagħmel hekk? Għax fehem kemm Ġesù kien ġeneruż miegħu meta offrielu l-maħfra, u għalhekk ried b’xi mod ipatti għal dik il-ġenerożità billi jkun ġeneruż hu wkoll. X’eżempju sabiħ tana!
(12) Il-parabbola tal-għaxar miniet (19:11-27)
Ġesù jurina sultan li jagħti somma flus lil għadd ta’ qaddejja u jgħidilhom biex iħaddmuhom. Wara xi żmien jitlob rendikont mingħand kull wieħed minnhom. Dawk li jkunu ħaddmu l-flus li fdalhom ikunu ppremjati, imma min ma jkunx ħaddimhom ikun ikkastigat.
X’tagħlima nistgħu nieħdu minn din il-parabbola li biha Luqa jagħlaq ir-rakkont tal-vjaġġ ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm? Ġesù wriena t-triq li jridna ngħaddu minnha. Jekk nisimgħu minnu, se nkunu ppremjati, bħal dawk il-qaddejja li ħaddmu l-flus ta’ sidhom. Imma jekk infittxu triq oħra, se nkunu kkundannati, bħal ma safa kkundannat dak il-qaddej li ma ħaddimx il-flus li fdalu sidu.

. . . . . . . . . . . . . . .



F. IL-MINISTERU TA’ ĠESÙ F’ĠERUSALEMM (19:28 – 21:38)
Din it-taqsima nistgħu nqassmuha fi tlieta:
(a) Id-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm (19:28-48)
(b) L-avversarji ta’ Ġesù (20:1 – 21:4)
(ċ) Ġesù jħabbar il-qerda ta’ Ġerusalemm (21:5-38).
(1) Id-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm (19:28-48)
Ġesù daħal Ġerusalemm riekeb fuq felu, ħalli jfakkar lill-folol f’dak il-vers li jinsab fil-Ktieb tal-profeta Żakkarija: “Għajjat bil-ferħ, Ġerusalemm! Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek, ġust u rebbieħ, umli u riekeb fuq ħmar, fuq felu ta’ ħmara” (Żak 9:9). Il-folol ferħu bih, u firxulu l-imnatar tagħhom bħala tapiti fl-art. Imma nistaqsu: Kienu qegħdin jifhmu l-messaġġ li ried iwasslilhom Ġesù, jiġifieri li hu kien is-Sultan li ried jagħmilhom paċi ma’ Missieru u li għalhekk kien qed jistenna minnhom il-konverżjoni? Ikollna ngħidu li ħafna minnhom dan ma fehmuhx. Luqa jgħidilna li Ġesù beda jibki meta ra li ħafna ma redux jafu bi ndiema.
Ġesù baqa’ dieħel fit-Tempju u keċċa l-bejjiegħa ’l barra. Minn dak in-nhar sa ma ħa l-Passjoni, kien joqgħod kuljum jgħallem fit-Tempju (19:47).
(2) L-avversarji ta’ Ġesù (20:1 – 21:4)
Il-mexxejja tal-Lhud, jiġifieri l-qassisin, il-kittieba, is-Sadduċej, u l-kbarat jingħaqdu flimkien biex jikkumbattu lil Ġesù. Jippruvaw jonsbuh b’ċerti mistoqsijiet tqal bit-tama li jfixkluh u jkollhom fuqiex jixluh. Jistaqsuh b’liema setgħa kien qed joqgħod kuljum jgħallem fit-Tempju (20:1-2). Jistaqsuh dwar il-ħlas tat-taxxa lill-Imperatur ta’ Ruma (20:22). Jistaqsuh dwar il-qawmien mill-imwiet (20:27-33). Ġesù jkollu tweġiba għal kull diffikultà. Luqa jgħidilna: “Xejn iżjed ma kellhom il-wiċċ jistaqsuh” (20:40). Imma minflok nidmu, aktar ħraxu kontra Ġesù.
Għalhekk Ġesù jgħid parabbola li biha juri kif il-mexxejja tal-poplu l-magħżul kienu ġabu ruħhom ma’ Alla matul l-istorja. Din hija l-parabbola tal-bdiewa qattiela (20:9-19). Qabel il-miġja ta’ Ġesù, il-Lhud kienu ħaduha kontra l-profeti li Alla kien bagħtilhom. Issa Alla kien bagħtilhom lil Ibnu, u lil dan kienu se joqtluh. Imma b’daqshekk ma kenux se joħorġu rebbieħa fuqu. Għax Hu kien “dik il-ġebla li l-bennejja warrbuha, imma li mbagħad saret il-ġebla tax-xewka” (20:17). Wara li jmut, Ġesù kien se jqum, bħala l-Fundatur tal-Knisja u s-Salvatur ta’ dawk li jemmnu fih (ara Atti 4:11-12).


(3) Ġesù jħabbar il-qerda ta’ Ġerusalemm (21:5-38)
Madwar 600 sena qabel il-miġja ta’ Ġesù fid-dinja, il-profeta Ġeremija kien ħabbar il-qerda ta’ Ġerusalemm minħabba li l-poplu l-magħżul ma riedx jikkonverti. U dak li ħabbar seħħ tassew, fis-sena 587 Q.K. L-istorja kienet se tirrepeti ruħha. Ġesù jħabbar il-qerda tat-Tempju u ta’ Ġerusalemm kollha kemm hi, “talli ma għarfitx iż-żmien taż-żjara li Alla għamlilha” (19:44), jiġifieri talli n-nies tagħha ma laqgħux il-Messija. Il-qerda li ħabbar Ġesù seħħet fis-sena 70, jiġifieri erbgħin sena wara li Ġesù għamel dik il-profezija. Mela Ġesù lil-Lhud kien tahom 40 sena oħra li fihom setgħu jaraw l-iżball tagħhom u jindmu minn dnubiethom. Imma ħafna baqgħu ma nidmux.
Ġesù jixtieq li dak li ġara lil-Lhud ma jiġrix lilna wkoll. Jixtieq Ġesù li meta jasal il-waqt tar-rendikont, ma nkunux fl-istat tad-dnub. Għalhekk Ġesù jħeġġiġna biex inkunu dejjem lesti għal meta jsejħilna minn din id-dinja (21:34-36).
. . . . . . . . . . . . . . .

G. IL-PASSJONI U L-QAWMIEN MILL-IMWIET (22:1 – 24:53)
Din hi l-aħħar taqsima ta’ l-Evanġelju. Se nqassmuha hekk:
(a) Il-Passjoni u l-mewt ta’ Ġesù (Kapi 22 u 23)
(b) Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet (24:1-49)
(ċ) It-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema (24:50-53).
(1) Il-Passjoni u l-mewt ta’ Ġesù (Kapi 22 u 23)
Hu u jikteb dan ir-rakkont, San Luqa kellu quddiemu kopja ta’ l-Evanġelju ta’ San Mark. Nagħmlu tajjeb jekk inqabblu r-rakkont ta’ Luqa mar-rakkont ta’ Marku biex naraw Luqa x’qalilna iżjed, x’ħalla barra, u x’biddel, ħalli b’hekk naraw aħjar il-messaġġ li ried iwassal.
X’qalilna iżjed
Fost id-dettalji li tana San Luqa u li ma nsibuhomx f’Marku, nistgħu insemmu dawn:
(a) li Ġesù fejjaq lil dak l-uffiċjal li Pietru qatagħlu widintu

(22:51)
(b) li Ġesù “dar u ħares lejn Pietru” meta dan ċaħdu (22:61)
(ċ) li Ġesù talab għal dawk li sallbuh u qal: “Missier, aħfrilhom”

(23:24)
(d) li Ġesù ħafer lil wieħed minn dawk il-kriminali li kienu

msallbin ħdejh u qallu: “Illum tkun fil-Ġenna miegħi”



(23:43).
X’ifissru dawn id-dettalji? Bihom San Luqa ried ikompli juri kemm hi kbira l-ħniena ta’ Ġesù. Ġesù jibqa’ jħenn u jaħfer sa l-aħħar.
X’ħalla barra
Fost id-dettalji li ħalla barra, naraw li Luqa ma jsemmix:
(a) li Ġesù mar tliet darbiet ħdejn l-Appostli fil-Ġetsemani, u

kull darba sabhom reqdin (ara Mk 14:37-41)


(b) li l-Appostli ħarbu mill-Ġetsemani (ara Mk 14:50)
(ċ) li xi wħud mill-membri tas-Sinedriju beżqu fuq Ġesù

(ara Mk 14:65)
(d) li Pietru, meta ċaħad lil Ġesù, qabad jisħet u jaħlef

(ara Mk 14:71)
(e) li s-suldati ta’ Pilatu qiegħdu kuruna tax-xewk fuq ras

Ġesù (ara Mk 15:16-20).


Għaliex Luqa għażel li dawn id-dettalji jħallihom barra? Għax ried ikun jixbah lil Ġesù fil-ħniena. Luqa ħenn għal dawk li weġġgħu lil Ġesù u pprova jaħbi l-ħtijiet tagħhom.
X’biddel
(a) Mill-Evanġelju ta’ San Mark nistgħu nieħdu l-impressjoni li kwazi kulħadd kien kontra Ġesù. In-nies li nġabru quddiem Pilatu ħallew lill-kbarat ixewxuhom biex jitolbu li Ġesù jkun ikkundannat għall-mewt tas-salib (Mk 15:11-14). Meta Ġesù kien qed imut fuq is-salib, in-nies li għaddew minn ħdejn il-Kalvarju bdew jgħajruh (Mk 15:29). Imqar dawk li kienu msallbin ħdejn Ġesù, dawn ukoll bdew imaqdruh (Mk15:32).
Imma Luqa jurina li kien hemm ħafna li ġiethom ħniena minn Ġesù u ddispjaċihom għal dak li għamlulu l-kbarat tagħhom. Waqt li Ġesù kien tiela’ l-Kalvarju, “kien hemm kotra ta’ nies miexja warajh”, jgħidilna Luqa, “u fosthom kien hemm xi nisa iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh” (23:27). Meta Ġesù kien fuq is-salib u l-kbarat bdew jiddieħku bih, il-poplu ma kompliex magħhom; “il-poplu waqaf hemm, iħares” (23:35). U malli Ġesù miet, “in-nies kollha li kienu nġabru hemm”, jgħidilna Luqa, “reġgħu lura jħabbtu fuq sidirhom” (23:48).
(b) San Mark jurina lil Ġesù fuq is-salib jgħajjat it-talba tal-ġust li jkun qed ibati: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (15:34). Imma San Luqa jagħmel aktar enfasi fuq il-kalma u r-rassenjazzjoni li biha Ġesù jaċċetta l-mewt: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (23:46).
(ċ) San Luqa jibdel il-kliem li Ġesù jgħid lill-kbarat tas-Sinedriju. F’San Mark insibu li Ġesù jgħidilhom: “Għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta’ Alla” (14:62). San Luqa jneħħi l-kelma “taraw” u lil Ġesù jġibu jgħid: “Minn issa ’l quddiem Bin il-bniedem ikun bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta’ Alla” (22:69). Luqa jifhem li huma biss dawk li jħobbu lil Ġesù, bħal Stiefnu, li għad jaraw lil Ġesù fuq in-naħa tal-lemin tal-Missier (ara Atti 7:55-56).

(2) Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet (24:1-49)
Fit-tielet jum wara l-mewt tiegħu, Ġesù qam mill-imwiet. Ħadd ma rah iqum, imma huwa fatt li l-qabar tiegħu instab vojt, u li kien hemm bosta nies li Ġesù dehrilhom, wriehom il-pjagi tiegħu, u ħalliehom imissuh, biex hekk jagħmilhom xhieda tal-qawmien tiegħu mill-mewt. Dwar dan Luqa jagħtina tliet rakkonti: ir-rakkont dwar id-dixxipli nisa li marru ħdejn il-qabar u sabuh vojt, u li dehrulhom żewġ anġli li qalulhom li Ġesù kien qam; ir-rakkont dwar id-dehra li Ġesù għamel lid-dixxipli ta’ Għemmaws; u r-rakkont tad-dehra li Ġesù għamel lill-Appostli.
Meta nqabblu dawn ir-rakkonti flimkien, naraw kemm Luqa xtaq ifissrilna għaliex Ġesù kien bata. It-tbatijiet tiegħu ma għandhomx ifixkluna u ma jħalluniex nemmnu li Ġesù kien il-Messija. Ġesù kien bata mhux għax kien xi kriminal, jew għaliex ma kellux is-setgħa li jeħles mill-għedewwa tiegħu. Ġesù kien bata għax aċċetta li jagħmel ir-rieda tal-Missier, dik ir-rieda li l-Missier kien ġa ħabbarha fil-Kotba tat-Testment il-Qadim. Lil dawk in-nisa li marru ħdejn il-qabar l-anġli jgħidulhom: “Ftakru x’kien qalilkom... meta qal li jeħtieġ li

Bin il-bniedem jingħata f’idejn il-midinbin, ikun imsallab, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet” (24:6-7). Lid-dixxipli ta’ Għemmaws Ġesù jgħidilhom: “Ma kellux il-Messija jbati dan kollu, u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” (24:26). U lill-Appostli Ġesù jgħidilhom: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet” (24:46).



(3) It-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema (24:50-53)
San Luqa jagħlaq l-Evanġelju tiegħu b’din ix-xena tant sabiħa. Jgħidilna: “Ġesù ħa lill-Appostli sa ħdejn Betanja, u refa’ jdejh u berikhom. U ġara li, huwa u jberikhom, infired minnhom u kien meħud fis-sema. Huma nxteħtu fl-art jadurawh, u mimlijin bil-ferħ reġgħu lura Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jroddu ħajr lil Alla.”
Nirriflettu ftit fuq ċerti dettalji:
a) Ġesù refa’ idejh u berikhom.

Il-Qassis il-Kbir tal-Lhud kien ibierek il-poplu fi tmiem il-liturġija li kienet issir fit-Tempju (ara Sir 50:20-21). Ġesù, il-Qassis il-Kbir tagħna, jagħlaq il-liturġija tal-ħajja tiegħu fuq din l-art bil-barka li jagħti lid-dixxipli tiegħu.

(b) Kien meħud fis-sema.

Il-mixja li Ġesù kien għamel lejn Ġerusalemm biex jieħu l-Passjoni tintemm bit-tlugħ tiegħu fis-sema, jiġifieri bid-daħla tiegħu fil-glorja tal-Missier.

(ċ) Inxteħtu fl-art jadurawh.

Sa fl-aħħar l-Appostli jagħrfu min kien tassew Ġesù, u jagħtuh il-qima li tixraqlu ta’ Alla li hu.

(d) Iroddu ħajr lil Alla.

Bħall-Appostli, aħna wkoll għandna nroddu ħajr lil Alla għal dak kollu li għoġbu jagħmel magħna permezz ta’ Ġesù, l-Iben tiegħu.



. . . . . . . . . . . . . . .

TITLI LI JINGĦATAW LILL-EVANĠELJU TA’ SAN LUQA
F’dan l-Evanġelju nsibu diversi episodji u dettalji li ma nsibuhomx fl-Evanġelji l-oħra. Għandna naħsbu li Luqa daħħalhom għax ried jagħmel enfasi fuq ċertu tagħlim. Għalhekk l-istudjużi taw xi titli lil dan l-Evanġelju biex juru s-suġġetti li fuqhom ried jisħaq San Luqa. Hawn se nsemmu xi wħud minn dawn it-titli, u nuru l-episodji li wassluna għalihom.
(1) L-Evanġelju tal-Ħniena u tal-Maħfra
(a) Ġesù jħenn għall-batut: l-armla ta’ Najm (7:11); il-mara milwija (13:10); l-għaxar imġiddma (17:11); fejqan tal-qaddej tal-Qassis il-Kbir fil-Ġetsemani (22:51).
(b) Ġesù jħenn għall-midinbin: il-midinba anonima li marret tibki f’riġlejn Ġesù (7:36); Żakkew (19:1); “Il-Mulej dar u ħares lejn Pietru” (22:61); “Missier, aħfrilhom” (23:34); “Illum tkun fil-Ġenna miegħi” (23:43).
(ċ) Parabboli dwar il-ħniena ta’ Alla: is-siġra bla frott (13:6); id-drakma mitlufa (15:8); l-iben il-ħali (15:11).
(d) Ġesù jrid li aħna nuru ħniena: “Mur, u agħmel hekk int ukoll” (10:37).
(e) L-eżempju ta’ Luqa fir-rakkont tal-Passjoni, billi ma jsemmix ċerti dettalji, e.g. ma jsemmix li Pietru ħalef, li l-kbarat tas-Sinedriju beżqu fuq Ġesù, li s-suldati għamlu kuruna tax-xewk.
(2) L-Evanġelju tas-Salvazzjoni Universali
(a) Luqa jurina li Ġesù ġie fid-dinja biex isalva mhux lil-Lhud biss, imma lill-ġnus kollha:
(i) Xmun jistqarr li Ġesù hu s-Salvatur li Alla ħejja “għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus” (2:31-32).
(ii) Il-Battista jiddikjara li kull bniedem jista’ jsir “bin Abraham” (3:8).
(iii) Fil-ġenealoġija ta’ Ġesù, Luqa jibqa’ sejjer sa Adam, missier il-bnedmin kollha (3:38).
(iv) Wara li jqum mill-imwiet, Ġesù jgħid lil-Appostli biex ixandru f’ismu l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet lill-ġnus kollha (24:47).
(b) Luqa jieħu gost isemmi kemm Alla joffri s-salvazzjoni lill-imwarrbin tas-soċjetà:
(i) Ir-rgħajja kienu mistmella mill-kbarat ta’ Ġerusalemm. Imma jkunu r-rgħajja li jiġu mistiedna biex imorru jaraw lil Ġesù fil-maxtura (2:8-20).
(ii) Il-pubblikani u s-suldati kienu mistmella mill-Fariżej u mill-qassisin, u kienu meqjusa minnhom bħala midinbin, għax kienu jaħdmu għas-saltna ta’ Ruma. Imma Ġwanni l-Battista jurihom li huma wkoll setgħu isalvaw (3:12-14).
(iii) Min kien jimrad b’xi marda tal-ġilda kien ikollu jitlaq minn daru u jmur jgħix kif jista’ ’l barra mill-ibliet u mill-irħula. Malli jara lil xi ħadd riesaq fil-qrib, il-marid kellu jibda jgħajjat li hu “imniġġes”. Min imissu kien jitqies ukoll bħala “mniġġes”. Imma lil dawn il-morda Ġesù kien iħallihom jersqu quddiemu, kien imisshom u jagħtihom il-fejqan. Għax Hu kien is-Salvatur tagħhom ukoll (5:12-13).
(3) L-Evanġelju tat-Talb
(a) Luqa jurina lil Ġesù qed jitlob ħafna aktar milli juruhulna l-Evanġelisti l-oħra. Ġesù jitlob wara l-magħmudija (3:21); qabel ma jagħżel l-Appostli (6:12); qabel it-trasfigurazzjoni (9:28); qabel ma jgħallem it-talba tal-“Missierna” (11:1-4); jitlob għal Pietru (22:32); jitlob qabel imut (23:46).
(b) Ġesù Jħeġġiġna biex nitolbu: il-parabbola dwar il-ħabib li jiġi f’nofs ta’ lejl (11:5-13); il-parabbola dwar l-armla li baqgħet tieħu ras l-imħallef sakemm semagħha (18:1-8).
(ċ) Luqa jurina diversi nies jitolbu: in-nies fit-tempju waqt ir-rit ta’ l-inċens (1:10); il-Madonna (1:46); Żakkarija (1:67); ix-xwejjaħ Xmun (2:28); Anna bint Fanwel (2:37); l-Appostli wara li jaraw lil Ġesù tiela’ s-sema (24:53).
(d) Luqa jagħtina tliet kantiċi mill-isbaħ bħala mudelli ta’ talb: il-“Magnificat”, jiġifieri l-Kantiku ta’ Marija (1:46-55);

il-“Benedictus”, jew il-Kantiku ta’ Żakkarija (1:68-79); u l-Kantiku tax-xwejjaħ Xmun, “Nunc dimittis” (2:29-32).


(4) L-Evanġelju tal-Faqar
(a) Ġesù jagħżel li jkun fqir: jitwieled fil-faqar (2:7); jagħżel bħala ommu mara fqira (2:24); fil-ħajja pubblika tiegħu jiddependi mill-offerti ta’ l-oħrajn għall-ikel (8:3); jistqarr li ma kellux fejn imidd rasu (9:58).
(b) Ġesù juri kemm ir-rikkezzi jistgħu jkunu ta’ tfixkil għas-salvazzjoni: iż-żerriegħa li taqa’ qalb ix-xewk (8:14); il-parabbola tal-għani iblah (12:15); il-parabbola tal-għani u Lazzru (16:19); iż-żagħżugħ għani (18:18-30).
(ċ) Ġesù jisħaq li d-dixxipli tiegħu ma għandhomx jorbtu qalbhom mal-ġid tad-dinja: “Ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu” (14:33); “Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus” (16:13).
(d) Minn dawk li huma fqar u ma jistgħux itejbu l-kondizzjoni tagħhom, Ġesù jitlob li jaċċettaw il-faqar tagħhom minn idejh u li jkunu ġenerużi mill-ftit li jkollhom: “Min irid jiġi warajja għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja” (9:23); Ġesù jfaħħar lil dik l-armla li “fil-faqar tagħha tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix” (21:1-4).
(e) Luqa jkellimna wkoll dwar dak li nsejħulu “l-faqar ta’ l-ispirtu”, jiġifieri dwar l-atteġġjament ta’ umiltà ta’ dawk li jagħrfu kemm għandhom bżonn ta’ Alla u kemm bil-ħila tagħhom ma jistgħu jagħmlu xejn:
(i) Marija tagħraf li hija l-fqajra tal-Mulej (1:48)
(ii) Il-Bxara t-Tajba titħabbar lill-fqajrin (4:18)
(iii) Fil-parabbola tal-Fariżew u l-pubblikan (18:9-14), ikun il-pubblikan li jaqla’ l-maħfra, għax ikun hu li jagħraf kemm kellu bżonn tal-ħniena ta’ Alla.
(5) L-Evanġelju tal-Ferħ
(a) “L-Evanġelju ta’ l-Infanzja” hu mimli bil-ferħ li ġġib magħha l-miġja tal-Messija:
(i) Jifirħu Żakkarija (1:68), martu Eliżabetta u binhom Ġwanni l-Battista (1:41-45)
(ii) tifraħ Marija u tinfexx f’għanja ta’ radd il-ħajr (1:47)
(iii) jifirħu r-rgħajja ta’ Betlehem li l-anġlu jwasslilhom aħbar ta’ ferħ kbir (2:10)
(iv) jifraħ Xmun, raġel ġust li kien jistenna l-faraġ ta’ Israel (2:28), u tifraħ ukoll Anna bint Fanwel (2:38).
(b) Ġesù nnifsu jitqanqal bil-ferħ u jfaħħar lil Missieru li kien qed jagħti l-grazzja tiegħu liċ-ċkejknin (10:21).
(ċ) Il-folol jifirħu meta jaraw il-mirakli ta’ Ġesù (13:17), u meta jaraw lil Ġesù dieħel Ġerusalemm (19:37).
(d) Ġesù jirrakkonta tliet parabboli li fihom juri l-ferħ li jkun hemm fis-sema meta midneb jikkonverti: il-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa, il-parabbola tad-drakma l-mitlufa, u l-parabbola ta’ l-iben il-ħali (kap 15).
(e) Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu biex jifirħu għall-premju li Alla lestielhom fis-sema: “Ifirħu, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet” (6:22-23); “Ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet” (10:20).
(f) L-Appostli jifirħu meta jidhrilhom Ġesù wara li jqum mill-imwiet (24:41), u meta jarawh tiela’ s-sema (24:50-53).
(6) L-Evanġelju ta’ l-Ispirtu s-Santu
(a) Marija tnissel lil Ġesù fil-ġuf tagħha bil-qawwa ta’ l-Ispirtu

s-Santu (1:35).


(b) Eliżabetta (1:41), Żakkarija (1:67), u x-xwejjaħ Xmun (2:27)

jagħrfu li l-Messija kien wasal, bid-dawl li jagħtihom l-Ispirtu s-Santu.


(ċ) Meta Ġesù tgħammed fil-Ġordan, l-Ispirtu s-Santu wera li kien il-Messija billi deher fuqu fis-sura ta’ ħamiema (3:22).
(d) Il-ġlieda tiegħu kontra x-Xitan, Ġesù jagħmilha mimli bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu (4:1).
(e) Fil-ħidma kollha li wettaq għas-salvazzjoni tagħna, Ġesù kellu dejjem miegħu lill-Ispirtu s-Santu. Ġesù nnifsu jistqarr: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi” (4:18).
(f) Lill-Appostli Ġesù jgħidilhom li huma wkoll kien se jkollhom id-dawl u l-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu (24:49).
(g) Fil-persekuzzjonijiet li jkollha l-Knisja, l-Insara mhumiex se jitħallew weħidhom; se jkollhom l-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu (12:11-12).

Dun Karm Attard





Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©atelim.com 2016
rəhbərliyinə müraciət