Ana səhifə

L-evanġelju ta’ sidna ġESÙ kristu skond san luqa dedika LIL Teofilu


Yüklə 0.61 Mb.
səhifə4/6
tarix25.06.2016
ölçüsü0.61 Mb.
1   2   3   4   5   6

[Lq:11:45] Qabeż wieħed mill-għorrief tal-Liġi u qallu: "Mgħallem, b'dan li qiegħed tgħid qiegħed tgħajjar lilna wkoll!" [Lq:11:46] Qallu Ġesù: "Ħażin għalikom ukoll intom l-għorrief tal-Liġi! Intom tgħabbu n-nies b'tagħbijiet li bilkemm wieħed jiflaħhom u li intom stess anqas b'saba' wieħed ma tmissuhom. [Lq:11:47] Ħażin għalikom! Intom tibnu l-oqbra tal-profeti li qatlu missirijietkom, [Lq:11:48] u b'hekk tagħtu xhieda ta' kull ma għamlu missirijietkom u turu li taqblu magħhom, għax huma qatluhom u intom tibnulhom l-oqbra. [Lq:11:49] Kien għalhekk li l-Għerf ta' Alla qal, 'Jien nibagħtilhom profeti u appostli, u huma joqtlu u jippersegwitaw lil xi wħud minnhom.' [Lq:11:50] U hekk dan in-nisel ikollu jagħti kont ta' demm il-profeti kollha li nxtered sa mill-ħolqien tad-dinja, [Lq:11:51] ibda mid-demm ta' Abel sad-demm ta' Żakkarija, li qerduh bejn l-altar u s-santwarju. Iva, ngħidilkom, dan in-nisel ikollu jagħti kont! [Lq:11:52] Ħażin għalikom intom l-għorrief tal-Liġi! Intom ħtaftu l-muftieħ ta' l-għerf, biex mbagħad intom stess ma dħaltux u żammejtu lura lil min ried jidħol!" [Lq:11:53] Meta Ġesù ħareġ minn hemm, il-kittieba u l-Fariżej bdew irossuh kemm jifilħu b'mistoqsijiet fuq ħafna ħwejjeġ [Lq:11:54] u jonsbuh biex jaraw jaqbdux xi ħaġa minn fommu.
12. Twissija fuq il-wiċċ b'ieħor
[Lq:12:1] Sadattant in-nies bdiet tinġabar bl-eluf, kulħadd jgħaffeġ fuq xulxin. U hu qabad jgħid l-ewwelnett lid-dixxipli tiegħu: "Ilqgħu rwieħkom mill-ħmira tal-Fariżej, jiġifieri mill-wiċċ b'ieħor tagħhom. [Lq:12:2] Xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. [Lq:12:3] Għalhekk, kull ma tkunu għedtu fid-dlam għad jinstama' fid-dawl, u kull ma tkunu tkellimtu fil-widnejn, fil-kmamar ta' ġewwa, għad jixxandar minn fuq il-bjut.
Minn min għandkom tibżgħu

(Mt 10, 28-31)


[Lq:12:4] "Dan ngħidilkom, ħbieb tiegħi, tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem u mbagħad ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn iżjed. [Lq:12:5] Ħa nurikom jien minn min għandkom tibżgħu; ibżgħu minn Dak li, wara li jkun qatlek, għandu s-setgħa jixħtek ġo l-infern. Iva, ngħidilkom, minn dan ibżgħu. [Lq:12:6] Ħames għasafar tal-bejt mhux żewġ soldi jinbiegħu? U anqas wieħed minnhom ma hu minsi quddiem Alla. [Lq:12:7] U intom, sa x-xagħar ta' raskom, kollu magħdud. Xejn la tibżgħu, għax intom aktar minn ħafna għasafar tal-bejt tiswew.
Id-dixxiplu jistqarr li hu ma' Ġesù

(Mt 10, 32-33; 12, 32)


[Lq:12:8] "U ngħidilkom li kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li huwa miegħi, Bin il-bniedem ukoll jistqarr li huwa miegħu quddiem l-anġli ta' Alla. [Lq:12:9] Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien niċħad lilu quddiem l-anġli ta' Alla. [Lq:12:10] U kull min jgħid xi ħaġa kontra Bin il-bniedem tinħafirlu; iżda min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jinħafirlux. [Lq:12:11] Meta jeħdukom quddiem is-sinagogi u l-kapijiet u s-setgħat, toqogħdux tħabblu raskom kif sejrin twieġbu jew x'sejrin tgħidu, [Lq:12:12] għax l-Ispirtu s-Santu jgħallimkom dak il-ħin stess x'għandkom tgħidu."
Il-parabbola ta' l-għani iblah
[Lq:12:13] Xi ħadd mill-folla qallu: "Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi." [Lq:12:14] "Ħabib," wieġbu Ġesù, "min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?" [Lq:12:15] Mbagħad qal lin-nies: "Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu." [Lq:12:16] U qalilhom parabbola: "Wieħed raġel għani ġabar kotra ta' frott mir-raba' tiegħu. [Lq:12:17] U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu, 'X'se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu! [Lq:12:18] Ara x'nagħmel,' qal, 'inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. [Lq:12:19] Mbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta' ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!" [Lq:12:20] Iżda qallu Alla, 'Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta' min ikunu?' [Lq:12:21] Hekk jiġrilu min jiġma' l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla."
L-inkwiet u t-tħassib

(Mt 6, 25-34)


[Lq:12:22] Mbagħad Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: "Għalhekk ngħidilkom, tinkwetawx ruħkom għall-ħajja, x'se tieklu, anqas għall-ġisem, x'se tilbsu. [Lq:12:23] Għax il-ħajja aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies. [Lq:12:24] Ħarsu lejn iċ-ċawl; la jiżra' u lanqas jaħsad, la għandu mħażen u lanqas kmamar fejn jerfa', u madankollu Alla jitimgħu. Wisq aktar mit-tajr tiswew intom! [Lq:12:25] U min minnkom, bl-inkwiet tiegħu kollu se jseħħlu jtawwal għomru mqar b'jum wieħed? [Lq:12:26] Jekk mela anqas ħaġa tassew ċkejkna ma għandkom ħila tagħmlu, għaliex tinkwetaw ruħkom mill-bqija? [Lq:12:27] Araw il-ġilji kif jikbru: u la jitħabtu u lanqas jinsġu. Ngħidilkom li anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom. [Lq:12:28] Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies ta' fidi ċkejkna? [Lq:12:29] Hekk ukoll intom, toqogħdux tfittxu x'se tieklu u x'se tixorbu, u xejn titħassbu; [Lq:12:30] dawn kollha ħwejjeġ li jfittxuhom in-nies tad-dinja, u Missierkom jaf li teħtiġuhom. [Lq:12:31] Fittxu mela s-Saltna tiegħu, u magħha mbagħad iżidilkom dawn ukoll.
Teżori fis-sema

(Mt 6, 19-20)


[Lq:12:32] "Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna! [Lq:12:33] Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar. [Lq:12:34] Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll."
Il-qaddejja li jishru
[Lq:12:35] "Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; [Lq:12:36] kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih. [Lq:12:37] Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom. [Lq:12:38] U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma! [Lq:12:39] Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta' daru. [Lq:12:40] Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem."
Il-qaddej il-fidil u l-qaddej il-ħażin

(Mt 24, 45-51)


[Lq:12:41] "Mulej," qallu Pietru, "din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?" [Lq:12:42] Wieġbu l-Mulej: "Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f'ħin l-ikel? [Lq:12:43] Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan. [Lq:12:44] Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f'idejh. [Lq:12:45] Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f'qalbu, 'Sidi jiddawwar ma jiġi,' u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, rġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor; [Lq:12:46] sid dak il-qaddej jasal f'jum meta ma jkunx jistennieh, f'siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li m'humiex fidili. [Lq:12:47] U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla'. [Lq:12:48] Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f'idejh, iżjed jippretendu mingħandu.
Firda minħabba Ġesù

(Mt 10, 34-36)


[Lq:12:49] "Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad! [Lq:12:50] Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x'diqa għandi sa ma dan iseħħ! [Lq:12:51] Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda; [Lq:12:52] għax mil-lum 'il quddiem ħamsa minn nies f'dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta; [Lq:12:53] jinfirdu l-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha."
Iż-żmien jgħallem

(Mt 16, 2-3)


[Lq:12:54] Lin-nies qalilhom ukoll: "Meta taraw sħaba tielgħa mill-punent, malajr tgħidu li tkun ġejja x-xita; u hekk jiġri. [Lq:12:55] U meta jonfoħ ir-riħ isfel, tgħidu li sħana se tagħmel; u tagħmel tassew. [Lq:12:56] Uċuħ b'oħra, tafu taqraw wiċċ is-sema, u wiċċ l-art ukoll; mela ż-żmien ta' issa kif ma tafux tfissruh?"
Irranġa ma' min jixlik

(Mt 5, 25-26)


[Lq:12:57] "U għala ma tiġġudikawx intom stess x'inhu s-sewwa? [Lq:12:58] Jekk xi ħadd ikun se jtellgħek il-qorti, int u sejjer miegħu quddiem il-maġistrat, ħabrek biex tirranġa miegħu kif tkunu għadkom fit-triq, li ma jmurx ikaxkrek quddiem l-imħallef, u l-imħallef jagħtik f'idejn l-esekutur tas-sentenza, u dan imbagħad jitfgħek il-ħabs; [Lq:12:59] għax kif ngħidlek jien, ma toħroġx minn hemm ġew qabel ma tkun ħallast sa l-inqas ħabba."
13. Jekk ma tindmux, tintilfu
[Lq:13:1] Dak il-ħin stess ġew xi wħud u qalulu b'dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom. [Lq:13:2] U Ġesù qabad u qalilhom: "Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu? [Lq:13:3] Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom. [Lq:13:4] Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa' t-torri ta' Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta' Ġerusalemm ? [Lq:13:5] Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda."
Is-siġra tat-tin bla frott
[Lq:13:6] U qalilhom din il-parabbola: "Wieħed kellu siġra tat-tin imħawwla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx. [Lq:13:7] Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa, 'Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f'din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha, għax għalfejn se tibqa' tkidd l-art? [Lq:13:8] Iżda dak wieġbu, 'Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. [Lq:13:9] Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha.' "
Il-mara mifluġa mfejjqa f'jum is-Sibt
[Lq:13:10] Darba s-Sibt kien qiegħed jgħallem f'waħda mis-sinagogi. [Lq:13:11] U kien hemm mara li kienet ilha tmintax-il sena bi spirtu li kien imarradha; kienet milwija ħafna, u ma kinitx tista' tieqaf dritta għalkollox. [Lq:13:12] Kif raha Ġesù sejjħilha u qalilha: "Mara, inti meħlusa mill-mard tiegħek." [Lq:13:13] U qegħdilha idejh fuqha, u minnufih waqfet dritta u bdiet tfaħħar lil Alla. [Lq:13:14] Qabeż il-kap tas-sinagoga, b'saħna fuqu għax Ġesù fejjaq f'jum is-Sibt, u qal lin-nies: "Hemm sitt ijiem li fihom wieħed għandu jaħdem; mela fihom ejjew biex titfejjqu, u mhux is-Sibt!" [Lq:13:15] "Uċuħ b'oħra!" wieġbu l-Mulej, "Mhux kull wieħed minnkom f'jum is-Sibt iħoll il-barri jew il-ħmar tiegħu mill-maxtura u jieħdu biex jisqih? [Lq:13:16] U mela għax illum is-Sibt, din il-mara, bint Abraham, ma kellhiex tinħall mill-irbit li fih ix-Xitan ilu jżommha għal tmintax-il sena sħaħ?" [Lq:13:17] Kif qal hekk, kull min kien kontra tiegħu regħex bil-mistħija; iżda n-nies ilkoll ferħu għal dawk l-għeġubijiet kollha li kien qiegħed jagħmel.
Il-parabbola tal-mustarda u tal-ħmira

(Mt 13, 31-33; Mk 4, 30-32)


[Lq:13:18] Mela qal: "Lil xiex tixbah is-Saltna ta' Alla, u ma' xiex se nxebbhuha? [Lq:13:19] Tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel qabad u żeragħha fil-ġnien tiegħu, u mbagħad kibret u saret siġra, u l-għasafar ta' l-ajru marru jbejjtu fil-friegħi tagħha."
[Lq:13:20] U reġa' qalilhom: "Ma' xiex se nxebbahha s-Saltna ta' Alla? [Lq:13:21] Tixbah lil ftit ħmira li waħda mara qabdet u ħalltet ma' tliet sigħan dqiq sakemm għoliet l-għaġna kollha."
Il-bieb id-dejjaq

(Mt 7, 13-14, 21-23)


[Lq:13:22] Huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, għadda jgħallem f'xi bliet u rħula. [Lq:13:23] U kien hemm wieħed qallu: "Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?" U huwa weġibhom: [Lq:13:24] "Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx. [Lq:13:25] Għax meta sid id-dar ikun qam jagħlaq il-bieb, intom tibqgħu barra, u tibdew tħabbtu l-bieb u tgħidu, 'Mulej, iftħilna.' Iżda hu jweġibkom u jgħid, 'Ma nafx mnejn intom.' [Lq:13:26] Mbagħad taqbdu tgħidulu, 'Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna.' [Lq:13:27] Hu jwieġeb u jgħidilkom, 'Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li m'hux sewwa!' [Lq:13:28] Hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien, meta taraw lil Abraham u lil Iżakk u lil Ġakobb u l-profeti kollha fis-Saltna ta' Alla, u intom imkeċċija 'l barra. [Lq:13:29] U jiġu nies mil-lvant u mill-punent, mit-tramuntana u min-nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta' Alla. [Lq:13:30] U araw, hawn min hu ta' l-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu ta' l-ewwel u għad ikun l-aħħar."
Ġesù jitħassar lil Ġerusalemm

(Mt 23, 37-39; Lq 19, 41-44)


[Lq:13:31] Dak il-ħin stess resqu fuqu xi Fariżej u qalulu: "Mur, itlaq minn hawn, għax Erodi jrid joqtlok." [Lq:13:32] U hu qalilhom: "Morru għidulu lil dak il-volpi, 'Ara, jiena nkeċċi x-xjaten u nfejjaq il-mard illum u għada, u fit-tielet jum nasal fit-tmiem tiegħi. [Lq:13:33] Madankollu llum u għada u pitgħada jeħtieġli nissokta t-triq tiegħi, għax ma għandux ikun li profeta jinqered barra minn Ġerusalemm. [Lq:13:34] Ġerusalemm! Ġerusalemm! Int li toqtol il-profeti u tħaġġar il-messaġġiera li jibgħatlek Alla; kemm ridt niġbor lil uliedek bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles tagħha taħt ġwenħajha, u int ma ridtx! [Lq:13:35] Ara, darkom għad iħalluhielkom ħerba! U ngħidilkom, li m'intomx se terġgħu tarawni sa dakinhar li tgħidu, 'Mbierek min ġej f'isem il-Mulej!' "
14. Ġesù jfejjaq raġel marid
[Lq:14:1] Darba, kien is-Sibt, daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih. [Lq:14:2] U resaq quddiemu wieħed marid bl-ilma. [Lq:14:3] Ġesù qabad jistaqsi lill-għorrief tal-Liġi u lill-Fariżej; qalilhom: "Jiswa jew le li wieħed ifejjaq f'jum is-Sibt?" [Lq:14:4] Huma ma tkellmu xejn iżda hu qabad lir-raġel, fejjqu u bagħtu. [Lq:14:5] Mbagħad qalilhom: "Min minnkom se jaqagħlu ibnu jew barri f'ġiebja u għax ikun is-Sibt ma jmurx malajr itellgħu minn hemm?" [Lq:14:6] U ma kellhomx il-ħila jwiġbuh għal dan.
Kif iġġib ruħek meta jistidnuk jew tistieden
[Lq:14:7] Billi ra b'għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta' quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: [Lq:14:8] "Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta' tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta' quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, [Lq:14:9] u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek, 'Agħti l-post lil dan', u int imbagħad, b'regħxa ta' mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post ta' l-aħħar. [Lq:14:10] Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post ta' l-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek, 'Ħabib, itla’ f'post aktar 'il fuq.' U dan ikun ta' ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek. [Lq:14:11] Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar." [Lq:14:12] Mbagħad qal ukoll lil dak li kien stiednu: "Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. [Lq:14:13] Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, [Lq:14:14] u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja!"
Il-parabbola tal-pranzu

(Mt 22, 1-10)


[Lq:14:15] Wieħed minn dawk li kienu miegħu għall-mejda, meta semgħu jgħid dan, qallu: "Hieni min jiekol il-ħobż fis-Saltna ta' Alla!" [Lq:14:16] Iżda hu wieġeb: "Wieħed raġel għamel pranzu kbir u stieden ħafna nies. [Lq:14:17] Meta sar il-ħin għall-ikel, bagħat lill-qaddej tiegħu għand il-mistednin biex jgħidilhom, 'Ejjew, għax ġa lest kollox.' [Lq:14:18] Imma lkoll xorta waħda bdew isibu xi skuża. L-ewwel wieħed qallu, 'Xtrajt għalqa, u jeħtieġli mmur naraha; nitolbok tagħdirni.' [Lq:14:19] Ieħor qallu, 'Xtrajt ħames żwieġ barrin, u sejjer nara x'jagħtu; nitolbok tagħdirni.' [Lq:14:20] Ieħor qallu, 'Iżżewwiġt, għalhekk ma nistax niġi.' [Lq:14:21] Il-qaddej raġa' lura għand sidu u qallu kollox. Is-sinjur, b'korla fuqu, qal lill-qaddej tiegħu, 'Ħaffef, oħroġ fil-pjazez u t-triqat tal-belt, u daħħal hawn il-foqra u l-magħtuba u l-għomja uz-zopop.' [Lq:14:22] Il-qaddej imbagħad qallu, 'Sar kif ordnajt int, sinjur, u għad hemm il-wisa'. [Lq:14:23] 'Oħroġ fil-mogħdijiet u fl-għelieqi,' qal is-sid lill-qaddej, 'u ġiegħel in-nies tidħol, ħalli dari timtela. [Lq:14:24] Għax kif ngħidilkom jien, ebda wieħed minn dawk li kienu mistiedna ma jduq l-ikel tiegħi.' "
X'jeħtieġ biex tkun dixxiplu

(Mt 10, 37-38)


[Lq:14:25] Kotra kbira ta' nies kienet miexja miegħu; hu dar lejhom u qalilhom: [Lq:14:26] "Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u 'l ommu u lil martu u lil uliedu, 'l ħutu subjien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu. [Lq:14:27] Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.
[Lq:14:28] "Għax min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwelnett iqis in-nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sa l-aħħar? [Lq:14:29] Għax jekk jiġrilu li jqiegħed is-sisien biex imbagħad ma jkunx jista' jtemm il-bini, kull min jarah jibda jwaqqgħu għaċ-ċajt [Lq:14:30] u jgħid, 'Dan il-bniedem beda jibni u ma kellux il-ħila jkompli sa l-aħħar.' [Lq:14:31] Jew liema sultan, li jkun sejjer jagħmel gwerra kontra sultan ieħor, ma joqgħodx l-ewwel bilqiegħda biex jara jekk jistax b'għaxart elef raġel iħabbatha ma' min ġej għalih b'għoxrin elf ruħ? [Lq:14:32] Għax inkella, meta l-ieħor ikun għadu 'l bogħod, ikollu jibgħatlu ambaxxata biex jitolbu l-ftehim għall-paċi. [Lq:14:33] Hekk ukoll ħadd ma jista' jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu.
[Lq:14:34] "Tajjeb, iva, il-melħ, imma jekk il-melħ jaqta', biex jerġa' jieħu t-togħma tiegħu? [Lq:14:35] U la għall-art ma jkun jiswa, u lanqas għad-demel; jarmuh barra. Min għandu widnejn biex jisma', ħa jisma'!"
15. Il-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa

(Mt 18, 12-14)


[Lq:15:1] Il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom biex jisimgħuh. [Lq:15:2] U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: "Nies midinba jilqa' għandu dan u jiekol magħhom!" [Lq:15:3] U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: [Lq:15:4] "Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha? [Lq:15:5] U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh, [Lq:15:6] imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom, 'Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli.' [Lq:15:7] Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta' ndiema.
Il-parabbola tad-drakma l-mitlufa
[Lq:15:8] "Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa' tfittex bil-għaqal sa ma ssibha! [Lq:15:9] U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom, 'Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet intilfitli.' [Lq:15:10] Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta' Alla għal midneb wieħed li jindem."
Il-parabbola ta' l-iben il-ħali
[Lq:15:11] Qalilhom ukoll: "Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. [Lq:15:12] Iż-żgħir qal lil missieru, 'Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.' U dak qassmilhom il-ġid. [Lq:15:13] Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f'ħajja mtajjra. [Lq:15:14] Meta ħela kull ma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa' ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. [Lq:15:15] U mar daħal ma' wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba' tiegħu jirgħa l-ħnieżer. [Lq:15:16] Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih. [Lq:15:17] Mbagħad daħal fih innifsu u qal, 'Kemm lavranti ma' missieri għandhom ħobż bix-xaba' , u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! [Lq:15:18] Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, 'Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; [Lq:15:19] ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b'wieħed mil-lavranti tiegħek.' [Lq:15:20] Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b'ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. [Lq:15:21] 'Missier,' qallu ibnu, 'dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.' [Lq:15:22] Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu, 'Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f'sebgħu u s-sandli f'riġlejh! [Lq:15:23] Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, [Lq:15:24] għax dan ibni kien mejjet u raġa' qam, kien mitluf u nstab!' U għamlu festa.
[Lq:15:25] "Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa' lura, kif wasal qrib id-dar sama' daqq u żfin. [Lq:15:26] Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x'kien. [Lq:15:27] 'Hawn ħuk,' qallu dak, 'u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa' kisbu qawwi u sħiħ.' [Lq:15:28] Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. [Lq:15:29] 'Ara,' qal lil missieru, 'ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma' ħbiebi! [Lq:15:30] Mbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!' [Lq:15:31] 'Ibni,' qallu missieru, 'inti dejjem miegħi, u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek. [Lq:15:32] Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa' qam, kien mitluf u nstab.' "
16. L-amministratur moħħu jilħaqlu
[Lq:16:1] Qal ukoll lid-dixxipli tiegħu: "Kien hemm raġel għani li kellu amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qiegħed iberbaqlu ġidu. [Lq:16:2] Għalhekk is-sid sejjaħlu u qallu, 'Dan x'inhu li qiegħed nisma' fuqek? Agħtini kont ta' l-amministrazzjoni tiegħek, għax ma tistax tibqa' iżjed amministratur tiegħi.' [Lq:16:3] L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal, 'Issa x'sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi. [Lq:16:4] Naf x'nagħmel, ħalli meta nitwarrab minn fuq din l-amministrazzjoni, nsib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu.' [Lq:16:5] U wieħed wieħed bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu. 'Kemm għandek tagħtih lil sidi?' staqsa lill-ewwel wieħed. [Lq:16:6] 'Mitt barmil żejt,' wieġbu dak. 'Oħroġ il-karti tiegħek,' qallu l-amministratur, 'oqgħod bilqiegħda malajr u ikteb ħamsin.' [Lq:16:7] Lil ieħor staqsieh, 'U int, kemm għandek tagħti?' 'Mitt xkora qamħ,' wieġbu. Qallu, 'Oħroġ il-karti tiegħek u ikteb tmenin.' [Lq:16:8] U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b'rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma' min hu tal-qatgħa tagħhom. [Lq:16:9] U jiena ngħidilkom, agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta' qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta' dejjem. [Lq:16:10] Min hu fidil f'ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f'ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna. [Lq:16:11] Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru? [Lq:16:12] U jekk ma wrejtux ruħkom fidili f'dak li hu ta' ħaddieħor, min se jagħtikom dak li hu tagħkom? [Lq:16:13] Ebda qaddej ma jista' jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma' wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus."
1   2   3   4   5   6


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©atelim.com 2016
rəhbərliyinə müraciət