Ana səhifə

L-evanġelju ta’ sidna ġESÙ kristu skond san luqa dedika LIL Teofilu


Yüklə 0.61 Mb.
səhifə6/6
tarix25.06.2016
ölçüsü0.61 Mb.
1   2   3   4   5   6

Il-qerda tat-Tempju u l-persekuzzjonijiet

(Mt 24, 1-14; Mk 13, 1-13)


[Lq:21:5] Kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b'ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom: [Lq:21:6] "Kull ma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx."
[Lq:21:7] U huma staqsewh u qalulu: "Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x'se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?" [Lq:21:8] Qalilhom: "Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f'ismi u jgħidu, 'Jien hu,' u, 'Iż-żmien wasal.' Tmorrux warajhom! [Lq:21:9] Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih." [Lq:21:10] Mbagħad qalilhom: "Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna, [Lq:21:11] l-art titheżheż bil-kbir, f'ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża' u sinjali ta' l-għaġeb. [Lq:21:12] Imma qabel dan kollu jixħtu idejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f'idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f'ismi. [Lq:21:13] Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. [Lq:21:14] U żommu sewwa f'moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, [Lq:21:15] għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista' jiqaflu jew imerih. [Lq:21:16] U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, [Lq:21:17] u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f'ismi. [Lq:21:18] Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. [Lq:21:19] Jekk tibqgħu sħaħ sa l-aħħar issalvaw ħajjitkom!
Ġesù jħabbar il-qerda ta' Ġerusalemm

(Mt 24, 15-22; Mk 13, 14-19)


[Lq:21:20] "Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-eżerċti, tkunu tafu li l-qerda tagħha tkun waslet. [Lq:21:21] Ħa jaħarbu mbagħad lejn il-muntanji dawk li jkunu fil-Lhudija u jitbiegħdu minnha dawk li jkunu ġo nofsha, u ma jerġgħux lura fiha dawk li jkunu fir-raba'; [Lq:21:22] għax dawk ikunu jiem il-kastig li fihom iseħħ kull ma hemm miktub. [Lq:21:23] Jaħasra għalihom in-nisa li f'dawk il-jiem ikunu tqal jew ireddgħu! Għax hemm kbir jaqa' fuq il-pajjiż, u korla fuq dan il-poplu. [Lq:21:24] In-nies jaqgħu taħt il-qilla tas-sejf, u jittieħdu lsiera fost il-pagani kollha; u Ġerusalemm tibqa' tintrifes taħt saqajn il-ġnus sa ma jkun għadda żmien il-ġnus.
Il-miġja ta' Bin il-bniedem

(Mt 24, 29-31; Mk 13, 24-27)


[Lq:21:25] "U jkun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b'qalbhom ittaqtaq, ma jafux x'jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u ta' l-imwieġ; [Lq:21:26] in-nies ruħhom ħierġa bil-biża' billi jobsru x'ikun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. [Lq:21:27] Mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b'qawwa u glorja kbira. [Lq:21:28] Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib."
Tagħlima mis-siġra tat-tin

(Mt 24, 32-35; Mk 13, 28-31)


[Lq:21:29] U qalilhom parabbola: "Ħarsu lejn is-siġra tat-tin u s-siġar l-oħra. [Lq:21:30] Malli tarawhom jarmu, intom stess tintebħu li s-sajf diġà fil-qrib. [Lq:21:31] Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li s-Saltna ta' Alla hi fil-qrib. [Lq:21:32] Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel sa ma jiġri dan kollu. [Lq:21:33] Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.
Ishru
[Lq:21:34] "Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewwtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal għarrieda. [Lq:21:35] Għax hu Jum li għad jaqa' bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. [Lq:21:36] Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kull ma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem."
[Lq:21:37] Matul il-jum Ġesù kien joqgħod jgħallem fit-tempju, iżda fil-għaxija kien joħroġ barra mill-belt lejn l-Għolja taż-Żebbuġ biex jgħaddi l-lejl hemmhekk. [Lq:21:38] Fil-għodu mbagħad il-poplu kollu kien imur kmieni fit-tempju biex jisimgħu.
22.Ftehim kontra Ġesù

(Mt 26, 1-5. 14-16; Mk 14, 1-2, 10-11; Ġw 11, 45-53)


[Lq:22:1] Kienet riesqa l-festa ta' l-Ażżmi, jiġifieri l-Għid. [Lq:22:2] Il-qassisin il-kbar u l-kittieba, billi kienu jibżgħu mill-poplu, bdew ifittxu l-mod kif joqtlu lil Ġesù. [Lq:22:3] Imma x-Xitan daħal f'Ġuda, jgħidulu l-Iskarjota, li kien wieħed mit-Tnax, [Lq:22:4] u dan mar jiftiehem mal-qassisin il-kbar u l-uffiċjali tat-tempju dwar il-mod kif jagħtihom lil Ġesù f'idejhom. [Lq:22:5] Huma ferħu ħafna, u ftiehmu miegħu li jagħtuh xi flus. [Lq:22:6] U hu tahom kelmtu, u beda jara jsibx okkażjoni tajba biex jagħtihom lil Ġesù f'idejhom bil-moħbi tal-poplu.
Ġesù jħejji għall-ikla ta' l-Għid

(Mt 26, 17-25; Mk 14, 12-21)


[Lq:22:7] U wasal jum l-Ażżmi, il-jum li fih kien ikollhom jissagrifikaw l-ħaruf ta' l-Għid. [Lq:22:8] Ġesù bagħat lil Pietru u 'l Ġwanni u qalilhom: "Morru ħejjulna l-ikla ta' l-Għid ħalli nieklu l-ħaruf." [Lq:22:9] "Fejn tridna nħejju?" staqsewh. [Lq:22:10] "Araw," qalilhom: "Intom u deħlin il-belt jiltaqa' magħkom raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh sa ġod-dar fejn jidħol, [Lq:22:11] u għidu lil sid dik id-dar: 'Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra ta' l-ikel li fiha nista' niekol l-ikla ta' l-Għid mad-dixxipli tiegħi?' [Lq:22:12] U dak jurikom kamra kbira fuq, mgħammra b'kollox. Ħejju hemmhekk." [Lq:22:13] Marru, u sabu kollox kif kien qalilhom; u ħejjew l-ikla ta' l-Għid.
It-twaqqif ta' l-Ewkaristija

(Mt 26, 26-30; Mk 14, 22-26; 1 Kor 11, 23-25)


[Lq:22:14] Meta sar il-ħin, qagħad fuq il-mejda flimkien ma' l-appostli. [Lq:22:15] U Ġesù qalilhom: "Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla ta' l-Għid magħkom qabel ma nbati! [Lq:22:16] Għaliex, ngħidilkom, din l-ikla m'iniex se nagħmilha iżjed sa ma tkun seħħet għalkollox fis-Saltna ta' Alla." [Lq:22:17] U qabad kalċi, radd il-ħajr u qal: "Ħudu dan il-kalċi u aqsmuh bejnietkom. [Lq:22:18] Għaliex, ngħidilkom, minn issa 'l quddiem ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa ma tiġi s-Saltna ta' Alla." [Lq:22:19] Mbagħad ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasmu, newwilhulhom u qal: "Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b'tifkira tiegħi." [Lq:22:20] Hekk ukoll wara l-ikla ħa l-kalċi u qal: "Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b'demmi, id-demm li jixxerred għalikom. [Lq:22:21] Imma, araw, id dak li se jittradini qiegħda miegħi fuq il-mejda. [Lq:22:22] Għax tassew li Bin il-bniedem imur, kif hemm maqtugħ, imma ħażin għalih dak il-bniedem li jittradih!" [Lq:22:23] Huma għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin min minnhom kien se jagħmel dan.
Min hu l-akbar fis-Saltna ta' Alla
[Lq:22:24] Nqalgħet ukoll kwistjoni bejniethom dwar min minnhom kellu jinżamm bħala l-akbar wieħed. [Lq:22:25] Imma hu qalilhom: "Fost il-pagani s-slaten jaħkmu fuq in-nies, u dawk li jħaddmu s-setgħa fuqhom isejjħulhom benefatturi. [Lq:22:26] Intom mhux hekk, imma l-akbar fostkom għandu jġib ruħu ta' l-iżgħar wieħed, u min hu fuq l-oħrajn iġib ruħu ta' qaddej. [Lq:22:27] Għax min hu l-akbar, dak li jkun fuq il-mejda, jew dak li jkun qiegħed jaqdi? M'hux dak li jkun fuq il-mejda? Imma jien qiegħed fostkom nagħmilha ta' qaddej. [Lq:22:28] Intom, mbagħad, intom dawk li żammejtu sħiħ miegħi fit-tiġrib kollu li ġie fuqi; [Lq:22:29] u bħalma Missieri ħejja saltna għalija, hekk ukoll jiena nħejji għalikom, [Lq:22:30] biex tieklu u tixorbu fuq il-mejda miegħi f'saltnati, u toqogħdu fuq tronijiet biex tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta' Iżrael.
It-taħbira taċ-ċaħda ta' Pietru

(Mt 26,31-35; Mk 14, 27-31; Ġw 13, 36-38)


[Lq:22:31] "Xmun! Xmun! Ara, ix-Xitan riedkom f'idejh biex jgħaddikom mill-għarbiel bħall-qamħ; [Lq:22:32] imma jiena tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa. Inti mbagħad, meta terġa' lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek." [Lq:22:33] Qallu Xmun: "Mulej, jiena lest li miegħek niġi saħansitra l-ħabs, lest li nieħu l-mewt ukoll." [Lq:22:34] Imma Ġesù qallu: "Ngħidlek, Pietru, li llum, qabel ma jidden is-serduk, tkun ċħadt għal tliet darbiet li inti tafni!"
Twissija ta' Ġesù
[Lq:22:35] Mbagħad qalilhom: "Naqsitkom xi ħaġa meta bgħattkom bla borża u bla ħorġa u bla qorq!" "Ma naqasna xejn," weġbuh. [Lq:22:36] "Imma issa," qalilhom, "min għandu borża jqis li jeħodha miegħu, u min għandu ħorġa wkoll; u min ma għandux sejf, ibigħ il-libsa ta' fuqu u jixtri wieħed. [Lq:22:37] Għaliex ngħidilkom, jeħtieġ li jseħħ fija dak li hemm miktub, jiġifieri, 'li kien magħdud mal-ħżiena'. Tabilħaqq, dak li hemm miktub fuqi jseħħ." [Lq:22:38] "Mulej," qalulu, "ara, hawn żewġt isjuf hawnhekk." "Biżżejjed!" qalilhom.
Ġesù jitlob fuq l-Għolja taż-Żebbuġ

(Mt 26, 36-46; Mk 14, 32-42)


[Lq:22:39] Mbagħad ħareġ u mar bħas-soltu fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, u d-dixxipli wkoll marru miegħu. [Lq:22:40] Kif wasal hemmhekk qalilhom: "Itolbu li ma tidħlux fit-tiġrib." [Lq:22:41] Mbagħad tbiegħed minnhom daqs tefgħa ta' ġebla, u nxteħet għarkubbtejh jitlob [Lq:22:42] u jgħid: "Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi." [Lq:22:43] Deherlu anġlu mis-sema biex jagħmillu l-qalb, [Lq:22:44] imma hu ħass dwejjaq tal-mewt fuqu u beda jitlob b'ħerqa akbar. L-għaraq sarlu bħal qtar tad-demm iċarċar sa l-art. [Lq:22:45] Mbagħad qam mit-talb, mar ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin minħabba s-swied ta' qalb. [Lq:22:46] "Kif!" qalilhom "Irqadtu? Qumu u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib!"
Ġesù ttradut u arrestat

(Mt 26, 47-56; Mk 14, 43-50; Ġw 18, 3-11)


[Lq:22:47] Kif kien għadu jitkellem, waslet ġemgħa nies. Quddiem kien hemm dak li jismu Ġuda, wieħed mit-Tnax, u dan resaq lejn Ġesù biex ibusu. [Lq:22:48] Imma Ġesù qallu: "Bewsa għażilt, Ġuda, biex tittradih lil Bin il-bniedem?" [Lq:22:49] Dawk ta' madwaru, meta raw x'kien ġej, qalulu: "Mulej, tridx nagħtu bis-sejf?" [Lq:22:50] U wieħed minnhom ta daqqa ta' sejf lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu barra widintu l-leminija. [Lq:22:51] Imma Ġesù qal: "Ieqfu! Biżżejjed!" U messlu widintu u fejjqu. [Lq:22:52] Mbagħad Ġesù qal lill-qassisin il-kbar, lill-uffiċjali tat-tempju u lix-xjuħ li ġew għalih: "Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten! [Lq:22:53] Meta kont inkun magħkom kuljum fit-tempju, ma meddejtux idejkom fuqi. Imma din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet!"
Pietru jiċħad lil Ġesù

(Mt 26, 57-58, 69-75; Mk 14, 53-54, 66-72; Ġw 18, 12-18, 25-27)


[Lq:22:54] Mbagħad qabdu lil Ġesù u ħaduh magħhom, u daħħluh fil-palazz tal-qassis il-kbir. Pietru baqa' miexi warajhom mill-bogħod. [Lq:22:55] Meta mbagħad qabbdu n-nar f'nofs il-bitħa u nxteħtu bilqiegħda madwaru, Pietru mar qagħad bilqiegħda f'nofshom. [Lq:22:56] Imma kif kien hemm bilqiegħda maġenb in-nar, ratu waħda qaddejja, waħħlet għajnejha fuqu u qalet: "Dan ukoll kien miegħu!" [Lq:22:57] Iżda hu ċaħad u qalilha: "Mara, anqas biss nafu!" [Lq:22:58] Wara ftit rah xi ħaddieħor, u qallu: "Int ukoll wieħed minnhom." Imma Pietru wieġbu: "Le, sieħeb, m'iniex!" [Lq:22:59] Għaddiet xi siegħa u raġa' kien hemm ieħor li beda jisħaq u jgħid: "Iva, tassew, dan ukoll kien miegħu, għax dan ukoll mill-Galilija." [Lq:22:60] Iżda Pietru qallu: "Ma nafx x'inti tgħid, sieħeb." U minnufih, kif kien għadu jitkellem, is-serduk idden. [Lq:22:61] U l-Mulej dar u ħares lejn Pietru; u Pietru ftakar fil-kelma li l-Mulej kien qallu, 'Illum, qabel ma jidden is-serduk, inti tkun ġa ċħadtni tliet darbiet.' [Lq:22:62] U ħareġ 'il barra jibki b'qalbu maqsuma.
Ġesù mżeblaħ u msawwat

(Mt 26, 67-68; Mk 14, 65)


[Lq:22:63] L-irġiel li kienu qegħdin iżommu lil Ġesù bdew jgħadduh biż-żufjett u jsawwtuh, [Lq:22:64] u għattewlu wiċċu u bdew jistaqsuh u jgħidulu: "Aqta' min tahielek din id-daqqa!" [Lq:22:65] U qagħdu jgħajjruh b'ħafna kliem ieħor.
Ġesù quddiem is-Sinedriju

(Mt 26, 59-66; 27, 2; Mk 14, 55-64; 15, 1; Ġw 18, 19-24)


[Lq:22:66] Meta sebaħ, ltaqgħet il-ġemgħa tax-xjuħ tal-poplu, il-qassisin il-kbar u l-kittieba, u ħadu lil Ġesù quddiem is-Sinedriju tagħhom. [Lq:22:67] U qalulu: "Jekk inti l-Messija, għidilna." Iżda hu weġibhom: "Jekk ngħidilkom, ma temmnux; [Lq:22:68] jekk nistaqsikom, ma tweġbux. [Lq:22:69] Imma minn issa 'l quddiem Bin il-bniedem ikun bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta' Alla li jista' kollox." [Lq:22:70] U lkoll qalulu: "Inti mela l-Iben ta' Alla?" "Intom stess qegħdin tgħiduh," qalilhom, "Iva, jien." [Lq:22:71] "Xi ħtieġa għandna iżjed ta' xhieda?" qalu huma,"Għax smajnieha aħna minn fommu stess!"
23. Ġesù quddiem Pilatu

(Mt 27, 1-2, 11-14; Mk 15, 1-5; Ġw 18, 28-38)


[Lq:23:1] Mbagħad qamet il-ġemgħa kollha u ħaduh għand Pilatu. [Lq:23:2] U bdew jakkużawh u jgħidu: "Aħna sibna li dan il-bniedem qiegħed ixewwex lill-ġens tagħna, li m'huwiex iħalli lil min iħallas it-taxxa lil Ċesari, u li qiegħed jgħid li hu l-Messija Sultan." [Lq:23:3] Pilatu staqsieh u qallu: "Inti s-sultan tal-Lhud?" U hu wieġbu: "Inti qiegħed tgħidu." [Lq:23:4] Pilatu qal lill-qassisin il-kbar u lill-kotra tan-nies: "Ebda ħtija ma nsib f'dan il-bniedem." [Lq:23:5] Iżda huma baqgħu jinsistu u jgħidu: "Qiegħed ixewwex lill-poplu, u jgħallem fil-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija sa hawnhekk stess."
Ġesù quddiem Erodi
[Lq:23:6] Kif sama' dan, Pilatu staqsa jekk dak ir-raġel kienx mill-Galilija, [Lq:23:7] u meta sar jaf li hu kien min-naħa li kien jagħmel minnha Erodi, bagħtu quddiemu, għax f'dawk il-jiem Erodi wkoll kien Ġerusalemm. [Lq:23:8] Erodi feraħ ħafna meta ra lil Ġesù, għax minn dak li kien sama' fuqu kien ilu żmien jixtieq jarah, bit-tama li jara li jagħmel xi sinjal. [Lq:23:9] U għamillu bosta mistoqsijiet, imma Ġesù ma wieġbu xejn. [Lq:23:10] Il-qassisin il-kbar u l-kittieba, b'saħna kbira fuqhom, qagħdu jakkużawh. [Lq:23:11] Imma Erodi, flimkien mas-suldati tiegħu, beda jżebilħu u jgħaddih biż-żufjett, libbsu libsa ta' kulur ilellex u raġa' bagħtu quddiem Pilatu. [Lq:23:12] Issa Erodi u Pilatu fl-imgħoddi kellhom għal xulxin, imma dak in-nhar saru ħbieb.
Ġesù kkundannat għall-mewt

(Mt 27, 15-26; Mk 15, 6-15; Ġw 18, 39-19,6)


[Lq:23:13] Pilatu sejjaħ flimkien il-qassisin il-kbar, il-kapijiet, u l-poplu. [Lq:23:14] u qalilhom: "Ġibtuli quddiemi lil dan il-bniedem bħala wieħed li qiegħed ixewwex lill-poplu. Ara, jiena stħarriġtu quddiemkom fuq l-akkużi li qegħdin iġġibu kontra tiegħu, u ma sibt ebda ħtija fih. [Lq:23:15] U anqas Erodi ma sab, għax raġa' bagħtu quddiemna. Qegħdin taraw, mela, li ma għamel xejn li ħaqqu l-mewt.
[Lq:23:16] Għalhekk nagħtih is-swat u nitilqu." [Lq:23:18] Iżda huma qabdu jgħajjtu lkoll f'daqqa: "Agħtih il-mewt lil dan! Itilqilna 'l Barabba!" [Lq:23:19] Dan Barabba kienu tefgħuh il-ħabs minħabba rewwixta li kienet qamet fil-belt għax kien qatel. [Lq:23:20] Pilatu, billi ried jitlaq lil Ġesù, għolla leħnu u raġa' kellimhom; [Lq:23:21] iżda huma qabdu jgħajjtu aktar minnu u jgħidu: "Sallbu! Sallbu!" [Lq:23:22] Għat-tielet darba qalilhom: "Imma dan x'għamel ħażin? Ma sibt fih ebda ħtija li ħaqqha l-mewt. Mela nagħtih is-swat u nitilqu." [Lq:23:23] Iżda huma b'ħafna għajat baqgħu jinsistu u jitolbu li jkun imsallab, sakemm fl-aħħar għaddiet tagħhom. [Lq:23:24] Għalhekk Pilatu qatagħha li jsir kif talbu huma. [Lq:23:25] Telqilhom lil min talbu, jiġifieri lil dak li kien mitfugħ il-ħabs minħabba rewwixta u qtil, u lil Ġesù tahulhom bħalma xtaqu.
Ġesù msallab

(Mt 27, 32-44; Mk 15, 21-32; Ġw 19, 17-27)


[Lq:23:26] Huma u sejrin bih, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba', u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesù. [Lq:23:27] Kotra kbira ta' nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. [Lq:23:28] Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: "Nisa ta' Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom. [Lq:23:29] Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu, 'Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider li qatt ma redda'!” [Lq:23:30] Mbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji, 'Aqgħu fuqna!', u lill-għoljiet, 'Ordmuna!' [Lq:23:31] Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?"
[Lq:23:32] Kien hemm ukoll tnejn oħra, żewġt irġiel ħatja, li ħaduhom għall-mewt miegħu. [Lq:23:33] Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug. [Lq:23:34] U Ġesù qal: "Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x'inhuma jagħmlu." Mbagħad tellgħu x-xorti u qassmu ħwejġu bejniethom. [Lq:23:35] Il-poplu waqaf hemm, iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b'Ġesù u jgħidu: "Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta' Alla!" [Lq:23:36] Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newwlulu nbid qares [Lq:23:37] u qalulu: "Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek!" [Lq:23:38] Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid, 'Dan huwa s-sultan tal-Lhud.'
[Lq:23:39] Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajjru u jgħidlu: "Int m'intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna." [Lq:23:40] Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: "Anqas minn Alla int ma tibża', int li qiegħed taħt l-istess kundanna? [Lq:23:41] Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta' kull ma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin." [Lq:23:42] Mbagħad qal: "Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek." [Lq:23:43] U Ġesù wieġbu: "Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi."
Il-mewt ta' Ġesù

(Mt 27, 45-56; Mk 15, 33-41; Ġw 19, 28-30)


[Lq:23:44] Għall-ħabta tas-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa' siegħa, [Lq:23:45] għax ix-xemx iddallmet. Il-velu tas-santwarju ċċarrat min-nofs. [Lq:23:46] Mbagħad Ġesù għajjat għajta kbira u qal: "Missier, f'idejk jien nerħi ruħi." U kif qal hekk, ħarġet ruħu. [Lq:23:47] Iċ-ċenturjun, meta ra x'ġara, beda jfaħħar lil Alla u jgħid: "Tassew li dan bniedem ġust!" [Lq:23:48] U n-nies kollha li kienu nġabru hemm biex jaraw, meta raw dawn il-ġrajja, reġgħu lura jħabbtu fuq sidirhom. [Lq:23:49] Dawk kollha li kienu jafuh qagħdu jaraw kollox mill-bogħod; hekk ukoll xi nisa li kienu ġew warajh sa minn meta kien għadu fil-Galilija.
Id-difna ta' Ġesù

(Mt 27, 57-61; Mk 15, 42-47; Ġw 19, 38-42)


[Lq:23:50] U kien hemm wieħed jismu Ġużeppi, membru tal-Kunsill, imma raġel tajjeb u ġust, [Lq:23:51] li ma kienx qabel mal-membri l-oħra f'dak li riedu u f'dak li għamlu. Kien minn Arimatija, belt tal-Lhudija, u kien jistenna s-Saltna ta' Alla. [Lq:23:52] Dan mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta' Ġesù; [Lq:23:53] niżżlu mis-salib, keffnu f'liżar, u qiegħdu f'qabar maqtugħ fil-blat, li fih kien għadu ma tqiegħed ħadd. [Lq:23:54] Dak in-nhar kien Jum it-Tħejjija, u s-Sibt kien għoddu beda. [Lq:23:55] In-nisa, li kienu ġew mill-Galilija ma' Ġesù marru wara Ġużeppi u raw il-qabar u kif kienu qiegħdu l-katavru; [Lq:23:56] mbagħad reġgħu lura u ħejjew il-fwejjaħ u l-mirra. Is-Sibt għaddewh fil-mistrieħ, skond il-preċett tal-Liġi.
24. Il-qawmien ta' Ġesù mill-imwiet

(Mt 28, 1-10; Mk 16, 1-8; Ġw 20, 1-10)


[Lq:24:1] Kmieni mas-sebħ ta' l-ewwel jum tal-ġimgħa marru ħdejn il-qabar u ħadu magħhom il-fwejjaħ li kienu ħejjew. [Lq:24:2] Huma sabu l-ġebla mgerba minn quddiem il-qabar, [Lq:24:3] imma meta daħlu fih, il-katavru tal-Mulej Ġesù ma sabuhx hemm. [Lq:24:4] U kif kienu mħassbin fuq dan, f'daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żewġt irġiel libsin ilbies jiddi. [Lq:24:5] In-nisa, mimlijin bil-biża', baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom: "L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj? [Lq:24:6] M'huwiex hawn, imma qam. Ftakru x'kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija, [Lq:24:7] meta qal li jeħtieġ li Bin il-bniedem jingħata f'idejn il-midinbin, ikun mislub, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet." [Lq:24:8] U huma ftakru kliemu. [Lq:24:9] Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta' dan kollu lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha. [Lq:24:10] Kienu Marija ta' Magdala u Ġwanna u Marija ta' Ġakbu u n-nisa l-oħra li kellhom magħhom; huma kienu li qalu b'dan lill-appostli. [Lq:24:11] Imma d-diskors tagħhom l-appostli stħajjluh thewdin, u ma emmnuhomx. [Lq:24:12] Madankollu Pietru qam u mar b'ġirja lejn il-qabar; tbaxxa biex iħares, imma ma rax ħlief faxex, u raġa' lura d-dar mgħaġġeb b'li kien ġara.
Fit-triq ta' Għemmaws

(Mk 16, 12-13)


[Lq:24:13] Dak in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, [Lq:24:14] jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara. [Lq:24:15] Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa' miexi magħhom. [Lq:24:16] Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. [Lq:24:17] U hu qalilhom: "X'intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?" U huma waqfu, b'ħarsa ta' niket fuq wiċċhom. [Lq:24:18] Mbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: "Inti waħdek il-barrani f'Ġerusalemm li ma tafx x'ġara hemmhekk f'dawn il-jiem?" [Lq:24:19] "X'ġara?" staqsiehom Ġesù. Qalulu: "Dak li ġara lil Ġesù ta' Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, [Lq:24:20] kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f'idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. [Lq:24:21] Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja! [Lq:24:22] Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar [Lq:24:23] u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. [Lq:24:24] Mbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!" [Lq:24:25] Qalilhom Ġesù: "Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti! [Lq:24:26] U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?" [Lq:24:27] U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.
[Lq:24:28] Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta' birruħu li hu kien se jibqa' sejjer aktar 'il bogħod. [Lq:24:29] Iżda huma ġegħluh jibqa' magħhom u qalulu: "Ibqa' magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm." Mbagħad daħal biex joqgħod magħhom. [Lq:24:30] U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. [Lq:24:31] Mbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. [Lq:24:32] U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: "Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?" [Lq:24:33] Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, [Lq:24:34] u dawn qalulhom: "Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!" [Lq:24:35] U huma wkoll tarrfulhom x'kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.
Ġesù jidher lid-dixxipli tiegħu

(Mt 28, 16-20; Mk 16, 14-18; Ġw 20, 19-23; Atti1, 6-8)


[Lq:24:36] Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f'nofshom u qalilhom: "Is-sliem għalikom!" [Lq:24:37] Huma twerwru bil-biża' għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma. [Lq:24:38] Iżda hu qalilhom: "Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f'qalbkom? [Lq:24:39] Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien." [Lq:24:40] Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh. [Lq:24:41] Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom: "Għandkom xi ħaġa ta' l-ikel hawn?" [Lq:24:42] Huma ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija, [Lq:24:43] u hu ħadha u kielha quddiemhom.
[Lq:24:44] Mbagħad qalilhom: "Meta kont għadni magħkom għedtilkom dawn il-kelmiet, 'Jeħtieġ li jseħħ kull ma nkiteb fuqi fil-Liġi ta' Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi.' "
[Lq:24:45] Mbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura. [Lq:24:46] U qalilhom: "Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, [Lq:24:47] u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f'ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. [Lq:24:48] Intom xhud ta' dan. [Lq:24:49] U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu."
It-tlugħ ta' Ġesù fis-sema

(Mk 16, 19; Atti 1, 9-11)


[Lq:24:50] Mbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa' idejh u berikhom. [Lq:24:51] U ġara li, huwa u jberikhom, nfired minnhom u kien meħud fis-sema. [Lq:24:52] Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b'ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm, [Lq:24:53] u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.




1   2   3   4   5   6


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©atelim.com 2016
rəhbərliyinə müraciət