Ana səhifə

Stqarrija għall-Istampa


Yüklə 78.5 Kb.
tarix24.06.2016
ölçüsü78.5 Kb.



Stqarrija għall-Istampa

L-Assemblea tal-UE tar-Rappreżentanti Reġjonali u Lokali





COR/11/3

Brussell, 27 ta’ Jannar 2011



Il-Kumitat tar-Reġjun jgħid lill-Kummissarju Cioloş: is-sistemi tal-ikel lokali jistgħu jsaħħu l-iżvilupp rurali u jtejbu l-PAK

L-impenn tal-Ewropa għall-iżvilupp rurali – wieħed mill-pilastri tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) – jibbenefika ħafna minn appoġġ ikbar għall-ħolqien ta’ sistemi tal-ikel lokali − dan kien il-messaġġ li l-Ħamis li għadda l-Kumitat tar-Reġjuni ta lill-Kumissarju tal-UE għall-Agrikoltura, is-Sur Dacian Cioloş. Waqt li ppreżentat l-opinjoni tagħha ta’ prospettiva matul is-sessjoni plenarja tal-KtR fi Brussell, ir-relatur Lenie Dwarshuis-van de Beek (NL/ALDE) ħeġġet lill-Kummissarju sabiex b’segwitu għat-talba tiegħu għal kontribut mill-Kumitat, jadotta s-suġġerimenti tagħha għat-titjib tal-aċċess għas-suq lokali għall-bdiewa u l-produtturi tal-ikel.

“Fis-settur tal-agrikoltura u dak tal-ikel jeżisti żbilanċ ta’ poter li qed ipoġġi f’riskju s-sopravivenza tal-agrikoltura. Madwar 80 % tal-produzzjoni dinjija tal-ikel tinbiegħ lokalment, iżda fid-dinja tal-Punent iċ-ċifra hija biss ta’ 20 %, minħabba l-enfasi fuq produzzjoni tal-ikel industrijalizzata fuq skala kbira. L-isfidi ġodda li qed niffaċċjaw, bħall-ħtieġa li nipprevenu skarsità globali tal-ikel, l-għalf tal-bhejjem u l-enerġija, u li nnaqqsu l-ħsara ambjentali tal-produzzjoni tal-ikel, isaħħu l-argument għal analiżi mill-ġdid tal-produzzjoni lokali tal-ikel bħala parti mill-Politika Agrikola Komuni,” iddikjarat is-Sinjura Dwarshuis.

L-opinjoni ta’ prospettiva, li ntalbet mill-Kummissarju Cioloş meta pparteċipa fis-sessjoni plenarja tal-KtR f’Ġunju 2010 bħala parti mill-konsultazzjoni wiesgħa tiegħu dwar il-futur tal-PAK, tenfasizza l-ħafna benefiċċji tas-sistemi tal-ikel lokali fuq l-iżvilupp rurali. Dawn is-sistemi ma joffrux biss benefiċċji ekonomiċi b’saħħithom – il-katini qosra bejn il-produttur u l-konsumatur jippromovu l-impjiegi lokali u jgħinu lin-negozjanti lokali jiksbu suq akbar – iżda joffru wkoll vantaġġi soċjali, peress li l-kanali qosra ta’ distribuzzjoni jiggarantixxu interazzjoni akbar bejn il-bdiewa u l-konsumaturi u għalhekk il-produtturi tal-ikel jistgħu jirreaġixxu b’mod aktar effettiv għat-talbiet ta’ metodi ta’ produzzjoni sostenibbli. U t-tnaqqis tal-“food miles” ifisser inqas emissjonijiet, u b’hekk l-Ewropa tiġi megħjuna wkoll tilħaq l-ambizzjonijiet tagħha tat-tibdil fil-klima.

M’hemmx definizzjoni ċara ta’ x’inhi eżattament sistema tal-ikel lokali, u s-Sinjura Dwarshuis talbet lill-Kummissarju Cioloş biex jappoġġja t-talbiet tagħha għall-ħolqien ta’ sett ta’ linji gwida għall-Ewropa kollha li għandu jgħin lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jintegraw b’mod effettiv is-sistemi tal-ikel lokali fi ħdan il-programmi tagħhom għall-iżvilupp reġjonali. Ipproponiet ukoll it-twaqqif ta’ pjan ta’ monitoraġġ fil-livell reġjonali, li jagħti lill-aworitajiet lokali u reġjonali r-responsabbiltà li jirreġistraw u jivvalutaw il-prodotti tal-ikel lokali u jagħtuhom logo ta’ prodott lokali.

“Kulħadd jaqbel li l-aħjar opportunità għall-agrikoltura Ewropea biex tikkompeti fil-livell globali huwa li jsir enfasi fuq il-kwalità, u s-sistemi tal-ikel lokali jistgħu jgħinu jinkoraġġixxu l-produzzjoni ta’ ikel ta’ kwalità għolja bl-użu ta’ metodi partikulari ta’ produzzjoni. Iżda għad hemm ħafna xi jsir biex jiżdiedu l-professjonaliżmu u l-valur miżjud tas-sistemi tal-ikel lokali, u għalhekk nixtieq nara l-Kummissarju jilqa’ din l-isfida bħala parti mir-riforma tal-PAK,” ikkonkludiet is-Sinjura Dwarshuis.

Noti lill-edituri

Il-Kummissarju Cioloş ta’ spiss ipparteċipa fis-sessjoni plenarja tal-KtR matul is-sena li għaddiet, u dan jikkonferma għalhekk l-impenn tiegħu li jinvolvi lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess ta’ riforma tal-PAK. Iż-żjara ta’ Jannar 2011 kienet it-tielet waħda f’din l-aħħar sena, filwaqt li matul iż-żjara tiegħu ta’ Ġunju, il-Kumitat adotta l-ewwel pożizzjoni tar-riforma tal-PAKopinjoni fuq inizjattiva proprja mir-relatur René Souchon (FR/PSE), President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Auvergne u eks Ministru Franċiż għall-Agrikoltura.

Apparti l-opinjoni ta’ Dwarshuis, matul is-sessjoni plenarja ta’ Jannar ġiet adottata opinjoni oħra relatata mal-PAK – dwar id-distribuzzjoni tal-għajnuna tal-ikel – mir-relatur Ossi Martikainen (FI/ALDE), President tal-Kunsill Muniċipali ta’ Lapinlahti.

Il-Kumitat ħatar ukoll lil Louis Durnwalder (IT/PPE), President tal-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano, bħala relatur għall-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għar-riforma tal-PAK. L-ewwel diskussjoni ta’ dik l-opinjoni ser issir matul il-laqgħa tal-10-11 ta’ Marzu tal-Kummissjoni NAT tal-KtR fi Clermont-Ferrand, Franza.



Żur is-sit tal-KtR: www.cor.europa.eu

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa l-Assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Il-missjoni tat-344 membru tiegħu minn kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE hija li jinvolvu lill-awtoritajiet u lill-komunitajiet reġjonali u lokali li jirrappreżentaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u li jinfurmawhom dwar il-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma obbligati li jikkonsultaw lill-Kumitat fl-oqsma ta’ politika li jaffettwaw lir-reġjuni u l-bliet. Jekk jinkisru drittijietu jew jekk jemmen li liġi tal-UE tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà jew tonqos li tirrispetta s-setgħat reġjonali u lokali, il-Kumitat jista’ jappella quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.



Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil:

Chris Jones

Tel. +32 2546 8751

christopher.jones@cor.europa.eu

Biex taqra l-istqarrijiet għall-istampa preċedenti, agħfas hawn.


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©atelim.com 2016
rəhbərliyinə müraciət