Ana səhifə

Stqarrija għall-Istampa


Yüklə 80 Kb.
tarix24.06.2016
ölçüsü80 Kb.



Stqarrija għall-Istampa

L-Assemblea tal-UE tar-Rappreżentanti Reġjonali u Lokali



COR/10/79

Brussell, 23 ta’ Novembru 2010



Il-President Bresso tal-KtR twissi lill-Ministri biex ma jiffriżawx il-fondi tal-UE għall-pajjiżi li jiksru r-regoli baġitarji

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni Mercedes Bresso llum tenniet it-twissija kontra l-iffriżar tal-fondi tal-UE għall-pajjiżi li jiksru r-regoli tal-iżbilanċ baġitarju. Hija u tkellem lill-Ministri tal-Istati Membri inkarigati mill-politika reġjonali f’Liège, is-Sinjura Bresso ħeġġet l-appoġġ tagħhom u saħqet li l-proposti tal-Kummissjoni biex jinħolqu dawn it-tip ta’ rabtiet għandhom “jinbidlu kompletament”.

Il-Presidenza Belġjana kienet stiednet lill-ministri tal-Istati Membri, il-Kummissarji Johannes Hahn u László Andor, Danuta Hübner, il-President tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew u l-President tal-Kumitat tar-Reġjuni Mercedes Bresso għal taħdidiet dwar il-ġejjieni tal-politika reġjonali tal-UE. Id-dibattiti ffokaw fuq il-proposti reċenti tal-Kummissjoni biex il-programmazzjoni reġjonali tiġi allinjata iktar mal-għanijiet tal-‘Ewropa 2020’, ir-regoli tagħha jsiru iktar stretti u tintrabat iktar mal-politika u l-prestazzjoni baġitarja.

Fost il-kummenti tagħha dwar dawn il-pjani, il-President Bresso tal-KtR qalet: “Aħna nopponu għalkollox il-‘kondizzjonalità makroekonomika’ proposta. U meta ngħid ‘aħna’, qed nirreferi għall- awtoritjiet lokali u reġjonali kollha, billi fl-aħħar ġranet saru stqarrijiet ċari dwar din il-kwistjoni. Mhuwiex aċċettabbli li nippenalizzaw lir-reġjuni billi nżommulhom il-flus tal-fondi strutturali, meta huma l-gvernijiet nazzjonali li ma jirrispettawx il-patt ta’ stabbiltà u tkabbir.” Wara l-ewwel diskussjonijiet mal-Ministri nazzjonali, hija żiedet tgħid: “Ħadt gost meta rajt li bosta Stati Membri esprimew l-istess tħassib. Dan huwa sinjal li l-Kummissjoni għandha tirrevedi fil-fond il-proposta tagħha. U dan mhux biss biex iżżomm lir-reġjuni bħala msieħba u alleati, iżda wkoll biex l-istrateġija Ewropa 2020 taqbad it-triq it-tajba.”

Waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li ddiskutew il-Ministri kienet kif il-politika tal-koeżjoni u l-għanijiet tal-Ewropa 2020 għandhom jintrabtu fil-futur. Fuq talba tal-Presidenza Belġjana, il-KtR kien esplora l-kwistjoni f’opinjoni reċenti, li tħejjiet mis-Sur Michael Schneider (DE/PPE). Biex tiġbor il-pożizzjoni tal-KtR fi ftit kliem, il-President Bresso qalet: “Aħna naqblu li l-għajnuna reġjonali għandha tikkontribwixxi għal tkabbir iktar intelliġenti, iktar ekoloġiku u iktar inklużiv, sakemm tkun ikkunsidrata n-natura partikolari ta’ kull reġjun. Dan ifisser li għandu jkun hemm il-possibbiltà li l-politika ta’ koeżjoni tintuża biex jinħatfu l-opportunitajiet għall-iżvilupp barra mill-qafas tal-Ewropa 2020 u l-possibbiltà li jintgħażlu biss ċerti prijoritajiet. Aktar minn kwistjoni ta’ sussidjarjetà, il-flessibbiltà li tingħata lir-reġjuni hija kwistjoni ta’ effikaċja.”

Il-laqgħa tal-lum kienet l-ewwel opportunità fejn il-Ministri tal-Istati Membri setgħu jiddiskutu l-proposti għar-riforma li tressqu fil-Ħames rapport dwar il-koeżjoni tal-Kummissjoni, li ħareġ fl-10 ta’ Novembru. Il-Kumitat tar-Reġjuni kien diġà laqqa’ flimkien il-politiċi reġjonali u lokali minn madwar l-UE l-ġimgħa l-oħra biex jiddiskutu r-reazzjonijiet inizjali tagħhom.

Ir-reazzjoni uffiċjali tal-KtR dwar il-pjani tal-Kummissjoni ser titħejja fix-xhur li ġejjin minn Michel Delebarre (FR/PSE), Sindku ta’ Dunkirk. Wara l-konsultazzjoni pubblika u l-Forum dwar il-Koeżjoni li se jsiru fil-31 ta’ Jannar u l-1 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni hija mistennija tippubblika l-ewwel proposti leġislattivi dwar il-fondi strutturali futuri qabel is-sajf tal-2011.



Files awdjoviżi relatati:

Video: il-President tal-KtR, Mercedes Bresso dwar il-Ħames rapport dwar il-koezjoni

Video: il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali tal-UE Johannes Hahn dwar il-Ħames rapport tal-koeżjoni

Diskors: il-President tal-KtR Mercedes Bresso waqt il-laqgħa informali tal-Ministri għall-politika tal-koeżjoni, Liège, 22 ta’ Novembru 2010

Il-videos mil-laqgħa ministerjali f’Liège, li jistgħu jintużaw għax-xandir, dalwaqt ikunu disponibbli, jekk jogħġbok ikkuntattja lil photocor@cor.europa.eu.

Żur is-sit tal-KtR: www.cor.europa.eu



Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa l-Assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Il-missjoni tat-344 membru tiegħu minn kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE hija li jinvolvu lill-awtoritajiet u lill-komunitajiet reġjonali u lokali li jirrappreżentaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u li jinfurmawhom dwar il-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma obbligati li jikkonsultaw lill-Kumitat fl-oqsma ta’ politika li jaffetwaw lir-reġjuni u l-bliet. Jekk jinkisru drittijietu jew jekk jemmen li liġi tal-UE tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà jew tonqos li tirrispetta s-setgħat reġjonali u lokali, il-Kumitat jista’ jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.



Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil:

Michael Alfons

Tel.: +32 2 546 8559

michael.alfons@cor.europa.eu

Biex taqra l-istqarrijiet għall-istampa preċedenti, agħfas hawn


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©atelim.com 2016
rəhbərliyinə müraciət