Ana səhifə

MessaġĠ tal-qdusija tiegħu l-papa franġisku għall-jum dinji tal-missjoni 2014


Yüklə 48.5 Kb.
tarix25.06.2016
ölçüsü48.5 Kb.
MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU
GĦALL-JUM DINJI TAL-MISSJONI 2014

 

Għeżież ħuti,

Illum għad hawn ħafna bnedmin li ma jafux lil Ġesù Kristu. Għalhekk il-missjoni “ad gentes” li fiha huma msejħin jieħdu sehem il-membri kollha tal-Knisja għadha urġenza kbira, għax il-Knisja min-natura tagħha hija missjunarja: il-Knisja twieldet “biex toħroġ”. Il-Jum Missjunarju Dinji hu waqt privileġġjat li fih il-fidili tal-kontinenti varji jimpenjaw ruħhom bit-talb u b’ġesti konkreti biex juru solidarjetà mal-Knejjes li qed jitwieldu fit-territorji missjunarji. Din hija ċelebrazjzoni ta’ grazzja u ta’ ferħ. Ta’ grazzja, għax l-Ispirtu s-Santu mibgħut mill-Missier, joffri l-għerf u l-qawwa lil min hu doċli għall-ħidma tiegħU. Ta’ ferħ għax Ġesù Kristu, Iben il-Missier, mibgħut biex jevanġeliżża lid-dinja, isostni u jakkumpanja l-ħidma missjunarja tagħna. Propju dwar il-ferħ ta’ Ġesù u tad-dixxipli missjunarji nixtieq noffri ikona Biblika li nsibu fl-Evanġelju ta’ Luqa (10,21-23).

1. L-Evanġelista jirrakkonta li l-Mulej bagħat lit-72 dixxipli tnejn, tnejn, fl-ibliet u fl-irħula, biex iħabbru li s-Saltna t’Alla kienet qrib u biex iħejju lin-nies għal-laqgħa ma’ Ġesù. Wara li temmew din il-missjoni ta’ tħabbir, id-dixxipli reġgħu lura mimlijin ferħ: il-ferħ hu tema dominanti ta’ din l-ewwel esperjenza missjunarju li ma tintesiex. L-Imgħallem Divin qalilhom: «Tifirħux għax ix-xjaten jobdukom, ifirħu iżda għax isimkom miktub fis-sema. F’dak il-ħin Ġesù mtela’ bil-ferħ bl-Ispirtu s-Santu u qal: “Inroddlok ħajr, Missier”. (….). U, filwaqt li dar lejn id-dixxipli ġibidhom fil-ġenb u qalilhom: “Imberkin l-għajnejn li jaraw dak li qed taraw intom”» (Luqa 10,20-21.23).


Dawn huma t-tliet xeni li jippreżenta Luqa. Qabel kollox Ġesù kellem lid-dixxipli, imbagħad dar lejn il-Missier u mill-ġdid reġa’ beda jkellem lilhom. Ġesù ried li d-dixxipli jaqsmu miegħu il-ferħ li kien differenti u superjuri għall-ferħ li kienu ġarrbu huma.

2. Id-dixxipli kienu mimlijin ferħ, entużjasti minħabba s-setgħa li jeħilsu n-nies mid-demonji. Madankollu Ġesù jwissihom biex ma jifirħux minħabba s-setgħa li nagħatw imma għall-imħabba li rċevew: «għax isimkom miktub fis-sema» (Luqa 10,20). Infatti lilhom kienet ingħatatilhom l-esperjenza tal-imħabba t’Alla u anki l-esperejnza li din jqasmuha miegħU. U din l-esperjenza li kellhom id-dixxipli hija r-raġuni ta’ gratitudni mimlija ferħ għall-qalb ta’ Ġesù. Luqa jara dan il-ferħ kbir f’perspettiva ta’ komunjoni Trinitarja: «Ġesù feraħ fl-Ispirtu s-Santu» meta dar lejn il-Missier u radd ħajr lilU. Dan il-waqt ta’ hena intima inixxi mill-imħabba profonda ta’ Ġesù bħala Iben lejn Missieru, Sid tas-sema u l-art, li ħeba dawn il-ħwejjeġ lill-għorrief u wriehom lil min hu ċkejken (Luqa 10,21). Alla ħeba u żvela u f’din it-talba ta’ tifħir, l-aktar ħaġa li tispikka hija dak li ġie rivelat. X’wera u x’ħeba Alla? Il-misteri tas-Saltna tiegħu, l-affermazzjoni tas-sinjorija divina tiegħu f’Ġesù u r-rebħa fuq Satana.

Alla ħeba dan kollu minn dawk kollha li huma mimlijin wisq bihom infushom u li jippretendu li diġà jafu kollox. Qishom mgħomijin mill-prużunzjoni tagħhom u ma jħallux wisa’ għal Alla. Faċilment wieħed jista’ jaħseb dwar ċerti nies kontemporanji ta’ Ġesù, li Hu kien widdeb ħafna drabi, imma dan hu periklu li minn dejjem kien jeżisti u li jolqot lilna wkoll. Iżda ċ-ċkejknin huma l-umli, is-sempliċi, il-foqra, l-emarġinati, dawk li m’għandhomx leħen, min hu għajjien u magħkus, li Ġesù sejħilhom “beati”. Faċilment niftakru f’Marija, f’Ġużeppi, fis-sajjieda tal-Galileja u fid-dixxipli msejħin mit-triq waqt li Hu kien jipprietka.

3. «Iva, O Missier, għax lilek hekk għoġbok» (Luqa 10,21). L-espressjoni ta’ Ġesù għandha tinftiehem b’riferiment għall-eżultanza interjuri tiegħu, fejn il-benevolenza turi pjan salvifiku u tajjeb min-naħa tal-Missier lejn il-bnedmin. Ġesù eżulta f’dal-kuntest ta’ tjubija divina għax il-Missier qatgħha li jħobb lill-bnedmin bl-istess imħabba li Hu għandu lejn Ibnu. Minbarra dan, Luqa jfakkarna f’eżultanza simili minn Marija «Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi» (Luqa 1,47). Din hi l-aħbar it-tajba li twassal għas-salvazzjoni. Marija li kienet iġġor fi ħdanha lil Ġesù, l-evanġeliżżatur per eċċellenza, iltaqgħet ma’ Eliżabetta u ferħet fl-Ispirtu s-Santu billi għanniet il-Magnificat. Ġesù, li jara s-suċċess miksub mid-dixxipli tiegħu u l-ferħ tagħhom, jeżulta fl-Ispirtu s-Santu u jdur lejn il-Missier bit-talb. Fiż-żewġ każi huwa ferħ għas-salvazzjoni li qed titwettaq, għax l-imħabba li biha l-Missier iħobb lil Ibnu tasal sa għandna, u bl-opra tal-Ispirtu s-Santu, twaħħadna u ddaħħalna fil-ħajja Trinitarja.

Il-Missier hu l-għajn tal-ferħ. L-Iben hu l-manifestazzjoni ta’ dal-ferħ filwaqt li l-Ispirtu s-Santu hu dak li janimah. Dritt wara li jfaħħar lill-Missier, kif jgħid l-Evanġelista Mattew, Ġesù jistedinna: «Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jien inserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli u l-madmad tiegħi hu ħafif» (11,28-30). « Il-ferħ tal-Evanġelju jimla’ l-qalb u l-ħajja kollha ta’ kull min jiltaqa’ ma’ Ġesù. Kull min iħħalli lilU jsalvah, jinħeles mid-dnubiet, mid-dwejjaq, mill-vojt interjuri, mill-iżolament. Ma’ Ġesù Kristu jitwieled u jirriġenera ruħu dejjem il-ferħ» (Eżortazzjoni Appostolika “Il-Ferħ tal-Vanġelu” 1).

Minn laqgħa bħal din ma’ Ġesù, il-Verġni Marija kellha esperjenza unika u saret “causa nostrae letitiae” (Bidu tal-ferħ tagħna). Imma d-dixxipli, irċevew is-sejħa biex ikunu ma’ Ġesù u biex jintbagħatu minnu sabiex jevanġeliżżaw (Mark 3,14), u b’hekk jimtlew bil-ferħ. Għaliex ma nidħlux f’dix-xmara ta’ ferħ aħna wkoll?

4. «Ir-riskju l-kbir tad-dinja tallum, bl-offerta qarrieqa u abbundanti ta’ konsum, hu li ġġarrab diqa individwalista li tnixxi mill-qalb komda u xħiħa, mit-tiftixa marradija għall-pjaċiri superfiċjali, mill-kuxjenza iżolata (“Il-Ferħ tal-Vanġelu” 2). Għaldaqstant l-umanità tinsab fi bżonn kbir li tixrob mis-salvazzjoni li ġabilna Kristu. Id-dixxipli huma dawk li jħallu l-imħabba ta’ Ġesù taħkimhom dejjem aktar u li jkunu mmarkati min-nar tal-ħerqa għas-Saltna t’Alla, biex iwasslu l-ferħ tal-Evanġelju. Id-dixxipli kollha tal-Mulej huma msejħin biex imantnu l-ferħ tal-evanġeliżżazzjoni. L-isqfijiet bħala l-persuni li huma l-ewwel nies responsabbli tat-tħabbira, għandhom id-dmir li jgħinu l-għaqda fil-Knisja lokali fl-impenn missjunarju tagħha, billi jżommu quddiem għajnejhom li l-ferħ li twassal lil Ġesù Kristu jesprimi ruħu kemm fil-preokkupazzjoni li tingħata l-aħbar fl-aktar postijiet imwarrba, kif ukoll billi jibqgħu dejjem “joħorġu” lejn il-perifieriji tat-territorju tagħhom, fejn jinsab l-akbar numru ta’ nies foqra li qed jistennew.

F’ħafna reġjuni hemm nuqqas ta’ vokazjzonijiet għas-sasċerdozju u għall-ħajja konsagrata. Spiss ir-raġuni għal dan hi li fil-komunitajiet il-ħeġġa appostolika kuntaġjuża hija nieqsa, u għalhekk l-entużjażmu hu fqir u ma jqanqalx attrattiva. Il-ferħ tal-Evanġelju jinbet mill-laqgħa ma’ Kristu u mill-qsim mal-foqra. Għalhekk inħeġġeġ lill-komunitajiet parrokkjali, lill-assoċjazzjonijiet u lill-gruppi biex jgħixu ħajja fraterna intensa bejniethom, mibnija fuq l-imħabba lejn Ġesù u attenta għall-ħtiġijiet ta’ min hu l-aktar fil-bżonn.

Fejn hemm il-ferħ , il-fervur, ir-rieda li nwasslu lil Kristu lill-oħrajn, jinbtu vokazzjonijiet ġenwini. Fost dawn ma rridux ninsew il-vokazzjonijiet lajkali għall-missjoni. Issa hu ċar li kiber l-għarfien tal-identità u tal-missjoni tal-fidili lajċi fil-Knisja, kif ukoll l-għarfien li huma msejħin biex ikollhom rwol dejjem aktar rilevanti fit-tixrid tal-Evanġelju. Għaldaqstant hu importanti li jkollhom formazzjoni xierqa biex l-azzjoni appostolika tagħhom tkun effikaċi.

5. «Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ» (2 Korintin 9,7). Il-Jum Missjunarju Dinji huwa wkoll waqt biex nagħtu ħajja ġdida lix-xewqa u lid-dover morali għal parteċipazzjoni ferrrieħa fil-missjoni “ad gentes”. Il-kontribut ekonomiku personali huwa sinjal tal-offerta tagħna nfusna, l-ewwel lill-Mulej u mbagħad lil ħutna, biex l-offerta materjali tagħna ssir strument ta’ evanġeliżżazzjoni, ta’ umanità li tinbena fuq l-imħabba.

Għeżież ħuti, f’dan il-Jum Dinji tal-Missjoni, ħsiebi jmur lejn il-Knejjes lokali kollha. Ma nħallux li jinsterqilna l-ferħ tal-evanġeliżżazzjoni! Nistedinkom tgħoddsu fil-ferħ tal-Evanġelju u żżoqqu mħabba li jkollha ħila ddawwal il-vokazzjoni u l-missjoni tagħkom. Inħeġġiġkom tiftakru, qisu f’pellegrinaġġ interjuri, l-ewwel imħabba li biha Ġesù ħeġġeġ il-qalb ta’ kull wieħed u waħda, mhux għal sentiment ta’ nostalġija, imma biex tippersevera fil-ferħ. Id-dixxiplu tal-Mulej jippersevera fil-ferħ meta jkun miegħU, meta jagħmel ir-rieda tiegħU, meta miegħU jaqsam il-fidi, it-tama u l-karità evanġelika.

Indawru lejn Marija, mudell tal-evanġeliżżazzjoni, it-talba tagħna sabiex il-Knisja ssir id-dar ta’ ħafna, omm għal kull poplu u tagħmel possibbli t-twelid ta’ dinja ġdida.



Mill-Vatikan, it-8 ta’ Ġunju 2014, Solennità ta’ Pentekoste

FRANGISKU

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©atelim.com 2016
rəhbərliyinə müraciət