Ana səhifə

L-evanġelju ta’ sidna ġESÙ kristu skond san luqa dedika LIL Teofilu


Yüklə 0.61 Mb.
səhifə1/6
tarix25.06.2016
ölçüsü0.61 Mb.
  1   2   3   4   5   6


San Luqa u s-simbolu tiegħu:

il-barri
L-EVANĠELJU TA’ SIDNA ĠESÙ KRISTU
SKOND
SAN LUQA


1. Dedika lil Teofilu
[Lq:1:1] Bosta kienu dawk li ħadu f'idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f'rakkont wieħed il-ġrajja li seħħu fostna, [Lq:1:2] kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b'għajnejhom stess u saru ministri tal-kelma. [Lq:1:3] Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kull ma ġara sa mill-bidunett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b'ħaġa, [Lq:1:4] biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kull ma tgħallimt.
It-taħbira tat-twelid ta' Ġwanni l-Battista
[Lq:1:5] Fi żmien Erodi, sultan tal-Lhudija, kien hemm qassis jismu Żakkarija, mit-taqsima ta' Abija; martu, li kien jisimha Eliżabetta, kienet minn ulied Aron. [Lq:1:6] It-tnejn kienu nies ġusti quddiem Alla u jimxu bla nuqqas ta' xejn skond il-preċetti u l-kmandamenti kollha tal-Mulej. [Lq:1:7] Ulied ma kellhomx, għax Eliżabetta ma setax ikollha, u t-tnejn kienu mdaħħlin fiż-żmien.
[Lq:1:8] Mela ġara li Żakkarija kien qiegħed jaqdi dmiru ta' qassis quddiem Alla, għax kien imissha t-taqsima tiegħu, [Lq:1:9] u, skond id-drawwa tal-liturġija, ntgħażel hu bix-xorti biex jidħol ġewwa fis-santwarju tal-Mulej ħalli jaħraq l-inċens. [Lq:1:10] Waqt ir-rit ta' l-inċens, il-kotra kollha tal-poplu kienet qiegħda titlob barra.
[Lq:1:11] U deherlu anġlu tal-Mulej, wieqaf in-naħa tal-lemin ta' l-artal ta' l-inċens. [Lq:1:12] Żakkarija, malli rah, tħawwad u waqa' biża' fuqu. [Lq:1:13] Imma l-anġlu qallu: "Tibżax, Żakkarija, għax it-talba tiegħek instemgħet: martek Eliżabetta se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni. [Lq:1:14] Din tkun għalik ħaġa li tqanqlek bil-ferħ u thennik ħafna, u jkun hemm bosta li jifirħu bit-twelid tat-tifel. [Lq:1:15] Għax hu jkun kbir quddiem il-Mulej; ma jkun jixrob ebda inbid jew xorb qawwi, u jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu. [Lq:1:16] Huwa jreġġa' lil ħafna minn ulied Iżrael lejn il-Mulej Alla tagħhom, [Lq:1:17] u hu ġej qabel il-Mulej, mimli bl-ispirtu u l-qawwa ta' Elija, biex iraġġa' l-qlub tal-missirijiet lejn uliedhom, u lil dawk li ma jridux jobdu jreġġagħhom għall-għaqal tal-ġusti, ħalli jlesti poplu mħejji sewwa għall-Mulej." [Lq:1:18] Imma Żakkarija qal lill-anġlu: "Kif inkun żgur minn dan? Għax jiena raġel xiħ, u marti mdaħħla fiż-żmien!" [Lq:1:19] Wieġeb l-anġlu u qallu: "Jiena Gabrijel, li qiegħed quddiem Alla. Hu bagħatni nkellmek u nwassallek din il-bxara t-tajba. [Lq:1:20] U issa, talli int ma emmintx kliemi, li għad iseħħ meta jasal il-waqt, ara, int tibqa' mbikkem u ma tkunx tista' titkellem sa dak in-nhar li jiġri kull ma ħabbartlek."
[Lq:1:21] Sadattant il-poplu kien qiegħed jistenna lil Żakkarija, u kulħadd stagħġeb bid-dewmien tiegħu fis-santwarju. [Lq:1:22] Meta mbagħad ħareġ, ma setax ikellimhom, u ntebħu li kellu xi dehra fis-santwarju. Beda jfehemhom bis-sinjali, u baqa' mbikkem. [Lq:1:23] Wara li mbagħad għalaqlu ż-żmien tas-servizz tiegħu, raġa' lura lejn id-dar.
[Lq:1:24] Xi żmien wara, martu Eliżabetta nisslet fil-ġuf, u għal ħames xhur sħaħ fittxet li tinħeba min-nies, għax bdiet tgħid: [Lq:1:25] "Hekk għamel miegħi l-Mulej, li għoġbu jneħħili minn fuqi l-għajb li kelli quddiem in-nies!"
It-taħbira tat-twelid ta' Ġesù Kristu
[Lq:1:26] Mbagħad fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f'belt tal-Galilija. jisimha Nazaret, [Lq:1:27] għand xebba, mgħarrsa ma' raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta' David. Dix-xebba kien jisimha Marija. [Lq:1:28] L-anġlu daħal għandha u qalilha: "Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek." [Lq:1:29] Hi tħawwdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x'setgħet qatt tfisser din it-tislima. [Lq:1:30] Iżda l-anġlu qalilha: "Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla. [Lq:1:31] Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. [Lq:1:32] Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta' David missieru [Lq:1:33] u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu." [Lq:1:34] Iżda Marija qalet lill-anġlu: "Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?" [Lq:1:35] Wieġeb l-anġlu u qalilha: "L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa ta' l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. [Lq:1:36] Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, [Lq:1:37] għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir." [Lq:1:38] Mbagħad qalet Marija: "Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!" U l-anġlu telaq minn quddiemha.
Iż-żjara ta' Marija lil Eliżabetta
[Lq:1:39] F'dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f'belt tal-Lhudija. [Lq:1:40] Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. [Lq:1:41] Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; [Lq:1:42] u nfexxet f'għajta kbira u qalet: "Mbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! [Lq:1:43] U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? [Lq:1:44] Għax ara, malli smajt f'widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. [Lq:1:45] Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!"
Innu ta' tifħir lil Alla minn Marija
[Lq:1:46] Mbagħad qalet Marija:
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,

[Lq:1:47] u l-ispirtu tiegħi jifraħ f'Alla s-Salvatur tiegħi, [Lq:1:48] għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.

Iva, minn issa 'l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,



[Lq:1:49] għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;

qaddis hu l-isem tiegħu.



[Lq:1:50] Il-ħniena tiegħu tinfirex f'kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.

[Lq:1:51] Hu wera l-qawwa ta' driegħu,

xerred lil dawk li huma mkabbra f'qalbhom.



[Lq:1:52] Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,

u għolla ċ-ċkejknin.



[Lq:1:53] Mela b'kull ġid lil min hu bil-ġuħ,

u l-għonja bagħathom 'il barra b'xejn.



[Lq:1:54] Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,

għax ftakar fil-ħniena tiegħu,



[Lq:1:55] bħalma wiegħed lil missirijietna,

b'riżq Abraham u nislu għal dejjem."


[Lq:1:56] Marija baqgħet ma' Eliżabetta għal tliet xhur u mbagħad reġgħet lura lejn darha.
It-twelid ta' Ġwanni l-Battista
[Lq:1:57] Eliżabetta għalqilha ż-żmien biex teħles, u kellha tifel. [Lq:1:58] Il-ġirien u qrabatha semgħu li l-Mulej wera ħniena kbira magħha, u marru jifirħu magħha. [Lq:1:59] Meta mbagħad fit-tmien jum ġew biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lit-tifel riedu jsemmuh Żakkarija għal missieru, [Lq:1:60] imma qabżet ommu u qalet: "Le, iżda Ġwanni jkun jismu." [Lq:1:61] Qalulha: "Ma hemm ħadd li jismu hekk fost qrabatek!" [Lq:1:62] Mbagħad bdew jistaqsu bis-sinjali lil missieru x'ried isemmih, [Lq:1:63] u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekk: "Ismu huwa Ġwanni." U kulħadd baqa' mistagħġeb. [Lq:1:64] Dak il-ħin stess Żakkarija nfetaħlu fommu, lsienu nħall, u beda jitkellem u jfaħħar lil Alla. [Lq:1:65] U l-ġirien tagħhom ilkoll qabadhom il-biża', u bdew ixandru dawn il-ġrajjiet kollha ma' l-għoljiet kollha tal-Lhudija, [Lq:1:66] u kull min kien jismagħhom kien iżommhom f'qalbu u jgħid: "Mela x'għad ikun dan it-tifel?" U tassew, id il-Mulej kienet miegħu.
Il-profezija ta' Żakkarija
[Lq:1:67] U Żakkarija, missieru, mtela bl-Ispirtu s-Santu u beda jħabbar u jgħid:
[Lq:1:68] "Mbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael,

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,



[Lq:1:69] u waqqaf għalina qawwa ta' salvazzjoni

f'dar David qaddej tiegħu,



[Lq:1:70] bħalma wiegħed fl-imgħoddi

b'fomm il-profeti qaddisin tiegħu,



[Lq:1:71] biex isalvana mill-għedewwa tagħna,

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.



[Lq:1:72] B'hekk juri ħniena ma' missirijietna

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,



[Lq:1:73] fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna:

li jagħtina l-grazzja



[Lq:1:74] li, wara li jeħlisna minn idejn l-għedewwa tagħna, naqduh bla biża', tul ħajjitna kollha,

[Lq:1:75] bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu ħajjitna kollha.

[Lq:1:76] U int, tfajjel,

tissejjaħ profeta ta' l-aktar Għoli,

għax tmur qabel il-Mulej

biex tħejjilu triqatu



[Lq:1:77] u tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni

Permezz tal-maħfra ta' dnubiethom,



[Lq:1:78] mogħtija mill-qalb ħanina ta' Alla tagħna,

li mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa;



[Lq:1:79] u jdawwal lil min jinsab

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt,

u jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem."
[Lq:1:80] It-tifel kiber u ssaħħaħ f'ruħu, u baqa' jgħix fid-deżert sa dakinhar li ħareġ quddiem Iżrael.
2. It-twelid ta' Ġesù Kristu

(Mt 1, 18-25)


[Lq:2:1] F'dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha. [Lq:2:2] Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja. [Lq:2:3] U kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu. [Lq:2:4] Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta' Nazaret, u tala' l-Lhudija, fil-belt ta' David jisimha Betlehem - għax hu kien mid-dar u l-familja ta' David - [Lq:2:5] biex jinkiteb flimkien ma' Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila. [Lq:2:6] Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, [Lq:2:7] u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f'maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.
Ir-rgħajja u l-anġli
[Lq:2:8] F'dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba', għassa mal-merħla tagħhom billejl. [Lq:2:9] U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom, u qabadhom biża' kbir. [Lq:2:10] Iżda l-anġlu qalilhom: "Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. [Lq:2:11] Illum, fil-belt ta' David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. [Lq:2:12] U bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f'maxtura." [Lq:2:13] F'daqqa waħda ngħaqdu ma' l-anġlu għadd kbir ta' qtajja' tas-sema, ifaħħru lil Alla u jgħidu:
[Lq:2:14] "Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet,

u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!"


[Lq:2:15] Meta mbagħad l-anġli ħallewhom u telgħu s-sema, ir-rgħajja bdew jgħidu lil xulxin: "Ejjew immorru Betlehem ħa naraw x'ġara kif għarrafna l-Mulej." [Lq:2:16] Marru mela jgħaġġlu, u sabu lil Marija u 'l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f'maxtura. [Lq:2:17] Kif raw dan, bdew jgħarrfu b'kull ma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, [Lq:2:18] u kull min semagħhom baqa' mistagħġeb b'dak li qalulhom ir-rgħajja. [Lq:2:19] Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f'qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha. [Lq:2:20] Ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kull ma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.
[Lq:2:21] Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.
Il-preżentazzjoni ta' Ġesù fit-tempju
[Lq:2:22] Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skond il-Liġi ta' Mosè, ħaduh Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, [Lq:2:23] kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li 'kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,' [Lq:2:24] u biex joffru b'sagrifiċċju 'par gamiem jew żewġ bċieċen,' kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.
[Lq:2:25] F'Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta' Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. [Lq:2:26] L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. [Lq:2:27] Mar mela fit-tempju, mqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, [Lq:2:28] huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:
[Lq:2:29] "Issa, o Sid, tista' tħalli l-qaddej tiegħek

imur fis-sliem, skond kelmtek,



[Lq:2:30] għaliex għajnejja raw

is-salvazzjoni tiegħek



[Lq:2:31] li int ħejjejt għall-popli kollha,

[Lq:2:32] dawl biex idawwal il-ġnus,

u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael."


[Lq:2:33] Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b'dak li kien qiegħed jingħad fuqu. [Lq:2:34] Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: "Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta' ħafna f'Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, [Lq:2:35] - u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! - biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta' ħafna."
[Lq:2:36] Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta' Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba' snin miżżewwġa, [Lq:2:37] u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb. [Lq:2:38] Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma' dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta' Ġerusalemm.
[Lq:2:39] Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skond il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta' Nazaret. [Lq:2:40] U t-tifel baqa' jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta' Alla kienet fuqu.
It-tfajjel Ġesù fit-tempju
[Lq:2:41] Ta' kull sena l-ġenituri ta' Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa ta' l-Għid. [Lq:2:42] Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skond id-drawwa ta' dik il-festa. [Lq:2:43] Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa' Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. [Lq:2:44] Huma ħasbuh qiegħed ma' xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, [Lq:2:45] ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.
[Lq:2:46] Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f'nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; [Lq:2:47] u kull min semgħu baqa' mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. [Lq:2:48] Kif rawh, nstamtu, u ommu qaltlu: "Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b'qalbna maqsuma!" [Lq:2:49] U hu qalilhom: "U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f'dak li hu ta' Missieri?" [Lq:2:50] Iżda kliemu ma fehmuhx. [Lq:2:51] Mbagħad niżel magħhom u raġa' mar Nazaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f'qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha. [Lq:2:52] U hekk Ġesù baqa' jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.
3. Il-predikazzjoni ta' Ġwanni l-Battista

(Mt 3,1-12; Mk 1, 1-8; Ġw 1, 19-28)


[Lq:3:1] Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta' Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu tetrarka ta' l-artijiet ta' l-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta' Abileni, [Lq:3:2] fiż-żmien meta l-uffiċċju ta' qassis il-kbir kien f'idejn Anna u Kajfa, il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert. [Lq:3:3] U ġie fl-inħawi kollha ta' madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta' ndiema għall-maħfra tad-dnubiet, [Lq:3:4] kif hemm imniżżel fil-ktieb tal-profeziji ta' Isaija:

‘Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:

Ħejju t-triq tal-Mulej,

iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.



[Lq:3:5] Kull wied jimtela,

kull muntanja u għolja titbaxxa,

il-mogħdijiet mgħawwġa jiddrittaw,

u t-triqat imħarbta jitwittew.



[Lq:3:6] U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta' Alla.'
[Lq:3:7] In-nies kienu jmorru bi ħġarhom għand Ġwanni biex jgħammidhom, u huwa kien jgħidilhom: "Ja nisel il-lifgħat, min uriekom x'għandkom tagħmlu biex taħarbu l-korla li ġejja? [Lq:3:8] Mela uru frott li jixraq lill-indiema, u toqogħdux tgħidu lilkom infuskom: 'Għandna b'missier lil Abraham,' għax ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista' jqajjem ulied lil Abraham.' [Lq:3:9] Il-mannara ġa qiegħda ma' għerq is-siġra, u għalhekk kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar." [Lq:3:10] In-nies kienu jistaqsuh u jgħidulu: "Mela x'għandna nagħmlu?" [Lq:3:11] U huwa kien iweġibhom: "Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma' min ma għandu xejn, u min għandu x'jiekol jagħmel l-istess." [Lq:3:12] Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: "Mgħallem, x'għandna nagħmlu aħna?" [Lq:3:13] U huwa weġibhom: "Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu." [Lq:3:14] Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: "U aħna, x'għandna nagħmlu?" U huwa weġibhom: "Tisirqu lil ħadd bit-tehdid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom."
[Lq:3:15] Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. [Lq:3:16] Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: "Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. [Lq:3:17] Il-midra qiegħda f'idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b'nar li ma jintefiex." [Lq:3:18] U b'ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu l-bxara t-tajba.
[Lq:3:19] Iżda meta widdeb lil Erodi t-tetrarka billi kien qed jgħix ma' Erodja, mart ħuh, u minħabba l-ħażen kollu li kien għamel, [Lq:3:20] Erodi kompla jżid ma' ħtijietu u għalaq lil Ġwanni fil-ħabs.
Il-magħmudija ta' Ġesù

(Mt 3, 13-17; Mk 1, 9-11)


[Lq:3:21] Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu, [Lq:3:22] u niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura ta' ħamiema. U mis-sema ġie leħen jgħid: "Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi."
L-antenati ta' Ġesù Kristu

(Mt 1, 1-17 )


[Lq:3:23] Fil-bidu tal-ministeru tiegħu Ġesù kellu madwar it-tletin sena. In-nies kienu jaħsbuh bin Ġużeppi, li kien bin Għeli, [Lq:3:24] bin Mattat, bin Levi, bin Melki, bin Ġannaj, bin Ġużeppi, [Lq:3:25] bin Mattatija, bin Għamos, bin Naħum, bin Ħesli, bin Naggaj, [Lq:3:26] bin Maħat, bin Mattatija, bin Simgħi, bin Ġożè, bin Ġoda, [Lq:3:27] bin Ġoħanan, bin Resa, bin Żorobabel, bin Salatjel, bin Neri, [Lq:3:28] bin Melki, bin Għaddi, bin Kosam, bin Elmadan, bin Għer, [Lq:3:29] bin Ġożwè, bin Eligħeżer, bin Ġorim, bin Mattat, bin Levi, [Lq:3:30] bin Simgħon, bin Ġuda, bin Ġużeppi, bin Ġona, bin Eljakim, [Lq:3:31] bin Melija, bin Menna, bin Mattata, bin Natan, bin David, [Lq:3:32] bin Ġesse, bin Għobed, bin Bogħaż, bin Sala, bin Naħson, [Lq:3:33] bin Għamminadab, bin Admin, bin Arni, bin Ħesron, bin Fares, bin Ġuda, [Lq:3:34] bin Ġakobb, bin Iżakk, bin Abraham, bin Teraħ, bin Naħor, [Lq:3:35] bin Serug, bin Regħu, bin Faleg, bin Għeber, bin Selaħ, [Lq:3:36] bin Kajnan, bin Arfaksad, bin Sem, bin Noè, bin Lamek, [Lq:3:37] bin Metuselaħ, bin Ħenok, bin Ġered, bin Maħalalel, bin Kajnan, [Lq:3:38] bin Enos, bin Set, bin Adam, bin Alla.
4. It-tiġrib ta' Ġesù fid-deżert

(Mt 4, 1-11; Mk 1, 12-13)


[Lq:4:1] Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa' lura mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu fid-deżert. [Lq:4:2] Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ. [Lq:4:3] U x-Xitan qallu: "Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż." [Lq:4:4] Wieġbu Ġesù: "Hemm miktub li 'l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix.' " [Lq:4:5] Mbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f'daqqa. [Lq:4:6] Qallu x-Xitan: "Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid. [Lq:4:7] Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun." [Lq:4:8] Ġesù wieġbu u qallu: "Hemm miktub,
‘Lill-Mulej Alla tiegħek tagħti qima,

u lilu biss taqdi.’ ”


[Lq:4:9] Mbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: "Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. [Lq:4:10] Għax hemm miktub li
‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom

biex jieħdu ħsiebek sewwa,’



[Lq:4:11] u li

fuq idejhom jerfgħuk,

ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla.’ ”
[Lq:4:12] Wieġeb Ġesù u qallu: "Jingħad, 'Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek.' " [Lq:4:13] Mbagħad ix-Xitan meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt.
Il-bidu tal-ministeru ta' Ġesù fil-Galilija

(Mt 4, 12-17; Mk 1, 14-15)


[Lq:4:14] Ġesù, bil-qawwa ta' l-Ispirtu, reġa' mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma' dawk l-inħawi kollha, [Lq:4:15] għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta' kulħadd.
In-nies ta' Nazaret ma jilqgħux lil Ġesù

(Mk 13, 53-38; Mt 6, 1-6)


[Lq:4:16] U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta' Sibt, u qam biex jaqra. [Lq:4:17] Tawh f'idejh il-ktieb ta' Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:
[Lq:4:18] 'L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,

għax hu kkonsagrani,

Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,

nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,

nrodd il-ħelsien lill-maħqurin



[Lq:4:19] u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.’
[Lq:4:20] Mbagħad raġa' għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. [Lq:4:21] U beda jgħidilhom: "Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu." [Lq:4:22] U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: "Dan m'huwiex bin Ġużeppi?" [Lq:4:23] Iżda hu qalilhom: "Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju, 'Tabib, fejjaq lilek innifsek : dak kollu li smajna li ġara f'Kafarnahum agħmlu hawn f'pajjiżek ukoll." [Lq:4:24] U żied jgħidilhom: "Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f'pajjiżu. [Lq:4:25] Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f'Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa' tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa' ġuħ kbir fil-pajjiż kollu; [Lq:4:26] madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta' Sidon. [Lq:4:27] U kien hemm bosta lebbrużi f'Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja." [Lq:4:28] Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; [Lq:4:29] qamu, u ħarġuh 'il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta' rdum ta' l-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. [Lq:4:30] Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa' sejjer.
  1   2   3   4   5   6


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©atelim.com 2016
rəhbərliyinə müraciət