Ana səhifə

Il-Ħadd, 15 ta’ Marzu 2015 Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb


Yüklə 35.5 Kb.
tarix18.07.2016
ölçüsü35.5 Kb.
Il-Papa Franġisku

Angelus


Il-Ħadd, 15 ta’ Marzu 2015

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb

Il-vanġelu tal-lum ifakkarna fil-kliem li Ġesù qal lil Nikodemu: “Alla daqshekk ħabb lid-dinja li bagħat lil Ibnu l-waħdieni” (Ġw 3,16). Waqt li nisimgħu dal-kliem ejjew indawwru l-ħarsa ta’ qalbna lejn Ġesù Kurċifiss u nħossu ġewwa qalbna li Alla jħobbna, iħobbna tassew, u jħobbna ħafna! Hawn hi l-espressjoni l-aktar sempliċi li tiġbor fiha l-Vanġelu kollu, il-fidi kollha, it-teoloġija kollha: Alla jħobbna b’imħabba bla tarf u b’xejn.

Daqshekk iħobbna Alla u din l-imħabba Alla juriha qabel kollox fil-ħolqien, kien tħabbar il-liturġija fir-raba’ talba Ewkaristika: “Int għamilt il-ħlejjaq tiegħek biex timlihom b’kull barka u thenni lil ħafna minnhom bid-dija tad-dawl tiegħek.” Fil-bidu tad-dinja hemm biss l-imħabba ħielsa u gratwita tal-Missier. San Irenew, qaddis minn tal-ewwel sekli jikteb: “Alla ma ħalaqs lil Adam għax kellu bżonn tal-bniedem, imma biex ikollu lil min jagħti l-benefiċċji tiegħu” (Adversus haereses, IV, 14, 1). Hekk hi l-imħabba ta Alla, hekk.

Hekk tkompli r-raba’ talba ewkarstika: “U meta l-bniedem ma qagħadx għar-rieda tiegħek u tilef il-ħbiberija miegħek, int ma tlaqtux fil-jasar tal-mewt, imma hennejt u waqaft għal kulħadd, biex kull min ifittxek isibek”. Waqaf mal-bniedem mil-hniena tiegħu. L-istess bħal fil-ħolqien, imma anke f’kull pass li ġie wara fl-istorja tas-salvazzjoni tiddi l-gratwità tal-imħabba ta’ Alla: il-Mulej jagħżel il-poplu tiegħu mhux kien jistħoqqlu, imma għax kien l-iżgħar fost il-popli, kif jgħid hu stess. U meta waslet “il-milja taż-żminijiet”, minkejja li ħafna drabi l-bnedmin kienu kisru l-patt, Alla, flok telaqhom, sawwar magħhom rabta ġdida, permezz tad-demm ta’ Ġesù – ir-rabra tal-patt il-ġdid li jibqa’ għal dejjem – rabta li xejn qatt ma tista’ tiksirha.

San Pawl ifakkarna: “Imma Alla, għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa ta' l-imħabba kbira li biha ħabbna meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma' Kristu” (Ef 2,4). Is-Salib ta’ Kristu hija l-għola prova tal-hniena u tal-imħabba ta’ Alla għalina: Ġesù ħabbna “sal-aħħar” (Ġw 13,1), dan ma jfissirx biss sal-aħħar mument ta’ ħajtu fuq l-art, imma sal-aktar tarf imbiegħed tal-imħabba. Jekk fil-ħolqien il-Missier tana l-prova tal-imħabba immensa tiegħu billi tana l-ħajjja, fil-passjoni u l-mewt ta’ Ibnu tana l-prova tal-provi: Hu ġie biex ibati u jmut għalina. Daqshekk hija kbira l-hniena ta’ Alla: Hu jħobbna, jaħfrilna; Alla jaħfer kollox u Alla jaħfer dejjem.

Jalla Marija, li hi omm tal-hniena, tpoġġilna fil-qalb tagħna ċ-ċertezza li aħna maħbubin minn Alla. Ħalli tkun viċin tagħna fil-mumenti diffiċi u ttina dak li jħoss l-Iben tagħha, sabiex il-mixja tagħna tul dan ir-Randan tkun eserjenza ta’ maħfra, ta’ merħba u ta’ mħabba.

Wara l-Angelus il-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti:

B’dieqa kbira ħafna sirt naf bil-ħidma terroristika li seħħet illum kontra żewġ knejjes fil-belt ta’ Lahore fil-Pakistan u li ħalliet ħafna mejtin u feriti. Huma knejjes insara. L-insara huma persegwitati. Ħutna qed ixerrdu demmhom sempliċement għax huma nsara. Waqt li nwiegħed it-talb tiegħi għall-vittmi u għall-qraba tagħhom, nitlob lill-Mulej, nitlob bil-hniena lill-Mulej għajn ta’ kull tjieba, għall-grazzja tal-paċi u l-qbil f’dak il-pajjiż. Jalla din il-persekuzzjoni kontra l-insara li d-dinja qed tipprova taħbi, tispiċċa għal dejjem u jkun hawn il-paċi.

Insellem lilkom l-insara ta’ Ruma u lilkom li ġejtu minn tant partijiet tad-dinja.

Insellem lill-pellegrini ta’ Granada u ta’ Málaga, (Spanja; kif ukoll lil dawn ta’ Mannhein (Ġermanja).

Insellem lill-gruppi parrokkjali ġejjin minn Perugia, Pordenone, Pavia, San Giuseppe all’Aurelio f’Ruma u mid-djoċeżi ta’ Piacenza-Bobbio.

Ħsieb speċjali jmur għaż-żgħażagħ ta; Serravalle Scrivia, ta’ Rosolina u ta’ Verdellino-Zingonia li qed jippreparaw irwieħhom biex jirċievu l-Griżma tal-Isqof; tislima wkoll il dawk tad-djoċesi ta’ Lodu u tad-dekanat Romana-Vittoria ta’ Milan li f’Ruma ġew jagħmlu l-“wegħda” li jimxu wara Ġesù. Insellem ukoll lill-ministranti ta’ Besana fi Brianza. Ara, jidher il-banner hemm, insellmilkom!

Insellem lid-diversi gruppi ta’ volontarjat li, magħqudin fl-impenn għas-solidarjetà, qed jieħud sehem fil-manifestazzjoni “Flimkien għall-ġid komuni”.

Ninsab viċin fit-talb mal-popolazzjoni ta’ Vanuatu, fl-Oċean Paċifiku, li ntaqtet minn ċiklun qawwi. Nitlob għall-mejtin, għall-feriti u għal dawk li tiflu darhom. Inrodd ħajr lil dawk kollha li malajr middew idehom biex iwasslu l-għajnuna.

Lilkom ilkoll hawn miġbura nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u insellmilkom.



Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Fr Jonathan Farrugia


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©atelim.com 2016
rəhbərliyinə müraciət