Ana səhifə

Iż-żwieġ fil-pjan ta’ Alla huwa veru!


Yüklə 38 Kb.
tarix18.07.2016
ölçüsü38 Kb.
Iż-żwieġ fil-pjan ta’ Alla huwa veru!
Dan l-aħħar bdiet tiċċirkola l-ideja li l-istat għandu jagħraf legalment iż-“żwieġ” bejn persuni tal-istess sess jiġifieri raġel ma’ raġel u mara ma’ mara. X’tgħid Omma l-Knisja fuq dan?
Il-Knisja għandha dmir li tiddefendi l-familja. Dan hija tagħmlu għaliex misjuqa mill-Kelma ta’ Alla. Ġesù lill-appostli tiegħu qalilhom: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha... U għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien” (Mt 28:19.20). Fost it-tagħlim li għallem Ġesù lill-appostli biex jgħallmuh lil dawk kollha li kienu se jemmnu f’Ismu hemm ukoll dak li jittratta fuq iż-żwieġ u l-familja.
Fl-evanġelju skont San Mattew Ġesù jfakkar mill-ġdid pjan il-Mulej għaż-żwieġ u l-familja. Lill-fariżej ta’ qalb iebsa jgħidilhom: “Ma qrajtux li sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara, u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u ‘l ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed’? Għalhekk m’humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed” (Mt 19:4-6). Fil-ktieb tal-Ġenesi Alla, wara li bierek il-bniedem li hu ħalaq fuq xbiehtu, jiġifieri “raġel u mara” (Ġen 1: 27), berikom u qalilhom: “Nisslu u oktru, u imlew l-art” (Ġen 1:28).
Il-Knisja irrefletiet fit-tul fuq dawn it-testi flimkien ma’ oħrajn. Mal-medda taż-żmien hija sawret tagħlimha fuq iż-żwieġ u l-familja kif misjub fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Fin-numru 1601 il-Knisja tgħallem: “Il-patt matrimonjali li bih raġel u mara jwaqqfu bejniethom sħubija ta’ ħajja sħiħa huwa, minn natura tiegħu, ordnat għall-ġid tal-miżżewġin u għat-tnissil u l-edukazzjoni tal-ulied. Dan il-patt bejn persuni mgħammda ġie mgħolli minn Kristu l-Mulej għad-dinjità ta’ sagrament”.
Iż-żwieġ huwa sagrament li bih raġel u mara jwegħdu li jagħtu lilhom infushom lil xulxin b’mod esklussiv għall-ħajjithom kollha. Fl-għemejjel li jsawru u jġeddu dan l-impenn huma jiffurmaw għaqda f’ġisem wieħed li hija, minn natura tagħha, mitmuma u adatta biex jitnisslu u jittrabbew l-ulied. Din l-għaqda ta’ ġisem wieħed tiddependi fuq il-kumplimentarjetà tas-sessi. Tajjeb ngħidu li f’dan l-ewwel stadju tal-proċess riproduttiv mhux bilfors iwassal għall-ulied. Madankollu, f’ħafna sistemi ċivili u legali, l-att li hu miftuħ għall-ħajja jikkonsma ż-żwieġ. Dan għaliex jagħmel lill-miżżewġin bħal partijiet ħajja ta’ ġisem wieħed, maqgħuda f’kordinazzjoni lejn għan bijoloġiku aħħari: li jsiru ġisem wieħed. Anki mingħajr ulied dawn l-unjonijiet jagħmlu żewġ persuni ġisem wieħed fil-kuntest ta’ impenn permanenti u esklussiv.
Koppji tal-istess sess qatt ma jistgħu jkunu “ġisem wieħed” fil-proċess unittiv bijoloġiku tat-tnissil. Raġel ma’ raġel u mara ma’ mara l-iktar li jistgħu jaslu hu li jkollhom għaqda fil-qlub u l-imħuħ. Għal dawn ir-raġunijiet m’hemmx raġuni prinċipali għaliex l-istat għandu jirrikonoxxi r-relazzjonijiet tagħhom iktar milli kienu tipi ta’ ħbiberiji profondi jew relazzjonijiet. L-istat ma jistax jirregola l-ħbiberiji ordinarji tagħna jew assoċjazzjonijiet volontarji, importanti kemm huma mportanti għaliex ma jaffettwawx il-ġid politiku komuni f’modi diretti u strutturali. Madankollu kulħadd, inkluż l-istat, għandu interess li jassigura l-aqwa ambjent possibbli għat-tnissil, għat-trobbija u għall-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet futuri.
Kien għalhekk li l-Papa Benedittu XVI saħaq mal-awtoritajiet tal-gvern f’Milan li “kulħadd,… jista’ jara li l-leġiżlazzjoni u x-xogħol tal-istituzzjonijiet tal-istat għandhom jkunu għas-servizz tal-familja, imsejsa fuq iż-żwieġ u miftuħa għall-ħajja”.
Il-Knisja tafferma bil-qawwa kollha d-dinjità ta’ persuni li għandhom tendenzi omosesswali filwaqt li tisħaq, bħalma jgħid il-Katekiżmu, “li għandhom jiġu aċċettati b’rispett, kompassjoni u sensittività” (§ 2358). Il-Knisja tikkundanna kull forma ta’ diskriminazzjoni inġusta magħmula kontriehom u tagħraf l-uġiegħ tagħhom. Għall-Knisja persuni omosesswali huma msejħa biex jgħixu s-safa u l-qdusija l-istess bħalma huma msejħa l-Insara l-oħra.
Filwaqt li niddefendu ż-żwieġ bejn raġel u mara ejjew inħobbu u nissaportjaw lill-omosesswali għaliex huma ħutna għeżież fi Kristu wkoll!
Patri Mario Attard OFM Cap


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©atelim.com 2016
rəhbərliyinə müraciət