Ana səhifə

Parlament ewropew


Yüklə 72 Kb.
tarix27.06.2016
ölçüsü72 Kb.










PARLAMENT EWROPEW

2009 - 2014


<Commission>{PETI}Kumitat għall-PetizzjonijietCommission>

{27/03/2013}27.3.2013

AVVIŻ LILL-MEMBRI

Suġġett: Petizzjoni 0313/2007 mressqa minn Mauro Guizzardi, Taljan, dwar id-dejn nazzjonali Arġentin u n-nuqqas ta’ kapaċità tal-pajjiż biex iħallas sehem id-detenturi tal-bonds



Petizzjoni 0670/2009 mressqa minn Jakob Heichele, Ġermaniż, dwar in-nuqqas tal-Istat Arġentin li jonora l-bonds sovrani jew li jikkonforma mad-deċiżjonijiet tal-qrati internazzjonali u nazzjonali jew mal-ftehimiet tal-ħarsien tal-investiment

Petizzjoni 0058/2010 mressqa minn Nicola Stock, Taljan, f’isem it-Task Force Arġentina, dwar ir-riskju għal numru kbir ta’ ċittadini tal-UE li jsofru preġudizzju ġdid relatat mal-offerta għal tpartit tad-dejn imminenti għal bonds kontumaċi maħruġa mill-Istat tal-Arġentina

1. Sommarju tal-petizzjoni 0313/2007

Il-petizzjonant qed jitlob lill-Unjoni biex tgħin lill-faddala Ewropej biex jirċievu rimborż ġust għal bonds tat-teżor Arġentin li ilhom ħafna mistennija.

Sommarju tal-petizzjoni 0670/2009

Il-petizzjonant jiddeskrivi l-effett tar-ristrutturar tad-dejn Arġentin fl-2002 fuq id-detenturi ta’ bonds sovrani. Sussegwentement l-Arġentina naqset milli tonora l-bqija tal-obbligi tagħha jew li tikkonforma ma’ għadd ta’ deċiżjonijiet tal-qrati internazzjonali u nazzjonali, sakemm fl-aħħar ħassret dawn l-obbligi mill-kontijiet nazzjonali. Skont il-petizzjonant, l-imġiba tal-Arġentina hija ekwivalenti għal esproprjazzjoni illegali, tikser il-Ftehimiet tal-Ħarsien tal-Investiment u tiskredita s-swieq emerġenti, eċċ. Għaldaqstant il-petizzjonant qed jistieden lill-UE sabiex teskludi lill-Arġentina min-negozjati tal-MERCOSUR, tissospendi l-programmi ta’ għajnuna, timponi sanzjonijiet kummerċjali (twaqqaf l-importazzjoni taċ-ċanga) u tipproponi miżuri li jistabbilizzaw il-bonds maħruġa minn swieq emerġenti b’mod ġenerali.

Sommarju tal-petizzjoni 0058/2010

It-Task Force Argentina (TFA) tirrappreżenta 180,000 investitur Taljan fi ħdan iċ-Ċentru Internazzjonali għar-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim dwar l-Investiment għall-valur ta’ assi ta’ madwar USD 4.4 biljun. Minħabba kriżi ekonomika serja fl-2001 l-Arġentina naqset li tonora l-bonds maħruġa minnha. Fl-2005 l-Arġentina għamlet offerta pubblika biex tpartat id-dejn, b’kundizzjonijiet meqjusa minn ħafna bħala żvantaġġjużi għall-aħħar, lid-detenturi kollha tal-bonds tagħha madwar id-dinja. Numru kbir ta’ investituri – inklużi t-Taljani rappreżentati mit-TFA – irrifjutaw l-offerta.


Il-Ministru tal-Finanzi Arġentin reċentement ħabbar offerta ġdida għat-tpartit tad-dejn lil dawk li kienu rrifjutaw l-offerta fl-2005. L-iskop hu biex jibdel il-bonds kontumaċi li għadhom fiċ-ċirkolazzjoni, b’valur ta’ madwar USD 20 biljun, u jakkwista kapital ġdid ta’ USD 1 biljun ieħor. Id-dettalji tal-operazzjoni għad iridu jiġu ppubblikati. Qed jingħad li l-kundizzjonijiet se jkunu anki anqas vantaġġjużi minn dawk tat-tpartit tad-dejn tal-2005. Jidher li l-Arġentina beħsiebha tintroduċi l-offerta tal-bond fil-Lussemburgu għas-suq Ewropew, ibbażata fuq id-Direttiva 2003/71/KE (Direttiva dwar il-Prospett). Għaldaqstant l-Arġentina tista’, b’konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni tal-UE, tintroduċi strument finanzjarju ġdid fl-Ewropa kollha, ibbażat fuq ftit paġni ta’ informazzjoni fil-qosor tradotta, li aktarx mhux ħa tiżvela d-dettalji kollha u l-isfond tal-operazzjoni. Il-ħafna eluf ta’ detenturi tal-bonds kontumaċi se jsibu ruħhom f’pożizzjoni li jkollhom jiddeċiedu jekk jaċċettawx l-offerta tat-tpartit tad-dejn, abbażi ta’ informazzjoni inadegwata. Il-petizzjonant jappella lill-awtoritajiet Ewropej biex jieħdu azzjoni deċiżiva ħalli jipproteġu l-għadd kbir ta’ investituri Taljani u investituri Ewropej oħra minn dan ir-riskju imminenti.

2. Ammissibiltà

0313/2007 : Iddikjarata ammissibbli fit-3 ta’ Settembru 2007.

0670/2009 : Iddikjarata ammissibbli fit-18 ta’ Settembru 2009.

0058/2010 : Iddikjarata ammissibbli fis-27 ta’ April 2010.

Il-Kummissjoni ġiet mistiedna biex tagħti informazzjoni (Artikolu 202(6) tar-Regoli ta’ Proċedura).

3. Risposta tal-Kummissjoni, li waslet fit-18 ta’ Diċembru 2012

Il-Kummissjoni ttenni li wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-investiment jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li qed tiġi żviluppata politika ġdida tal-investiment tal-UE, il-kompetenza l-ġdida se tiġi implimentata wkoll b’mod gradwali permezz tan-negozjar u l-konklużjoni tal-ftehimiet tal-investiment ma’ pajjiżi terzi. Tali ftehimiet jagħtu l-mezzi legali neċessarji lill-UE biex tipproteġi l-investituri tal-UE u l-investimenti barranin tagħhom.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-arranġamenti ta’ tranżizzjoni għat-Trattati Bilaterali tal-Investiment tal-Istati Membri ma’ pajjiżi terzi, sabiex titħares il-validità ta’ dawk it-trattati skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea u tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali għall-investituri tal-UE li l-investimenti tagħhom huma protetti skont dawk it-trattati. Dawn tal-aħħar jipprovdu numru ta’ garanziji sostantivi direttament infurzabbli mill-investituri privati.

Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li xi ftit fost il-Petizzjonanti fittxew arbitraġġ internazzjonali fuq il-bażi tal-Ftehim Bilaterali tal-Investimenti Italja-Arġentina (BIT) u l-Konvenzjoni dwar ir-Riżoluzzjoni ta' Tilwim dwar l-Investiment bejn l-Istati u ċ-Ċittadini ta' Stati Oħrajn. Skont din il-Konvenzjoni, li tirregola l-arbitraġġ attwali bejn l-Arġentina u dawk il-Petizzjonanti, il-Partijiet iridu jieqfu milli jeżerċitaw il-protezzjoni diplomatika waqt li l-kwistjoni tkun għadha għaddejja.

Speċjalment fir-rigward tal-Petizzjoni 58/2010, il-Kummissjoni nnotat li l-offerta tat-tpartit tad-dejn imsemmija ma għadhiex imminenti, imma diġà saret fl-2010. Kif kien ġie enfasizzat ukoll dak iż-żmien, l-offerta fil-Lussemburgu kienet konformi għal kollox mal-leġiżlazzjoni tal-UE u b’mod partikolari mar-regolamenti tal-UE li jfittxu li jiggarantixxu preċiżament li l-investituri jkunu infurmati u protetti b’mod suffiċjenti.

Il-Kummissjoni tikkunsidra kif xieraq waħda mill-aħħar ittri tal-Petizzjonanti (Petizzjoni 0670/2009) li biha huwa indikat li numru ta’ sentenzi finali saru mill-qrati Ġermaniżi favur il-Petizzjonanti. Fejn dan ikun il-każ, il-Petizzjonanti huma dawk intitolati li jieħdu l-passi neċessarji biex jinfurzaw tali sentenzi kontra l-Arġentina bi qbil mar-regoli legali applikabbli rilevanti.

Filwaqt li tinnota n-natura riskjuża b’mod inerenti tal-investimenti kkonċernati, il-Kummissjoni se tqis li tqajjem din il-kwistjoni b’mod bilaterali mal-Arġentina bil-għan li tiġi appoġġjata r-riżoluzzjoni ta’ din il-tilwima li ilha għaddejja għal żmien twil. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tapprezza jekk tirċievi kwalunkwe informazzjoni disponibbli u aktar dettaljata dwar il-fatti rigward il-każ u l-pretensjonijiet tal-Petizzjonanti.

Il-petizzjonant jitlob għal numru ta’ azzjonijiet mill-UE, inkluż li jiġu imposti sanzjonijiet kummerċjali fuq l-Arġentina, billi tal-aħħar tkun eskluża min-negozjati tal-Merkosur jew jiġi sospiż il-forniment tal-programmi ta’ għajnuna.

B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tfakkar li hija determinata li tiġġieled ir-restrizzjonijiet kummerċjali Arġentini illegali u li f’April 2012, l-UE talbet għal konsultazzjonijiet fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) kontra l-politika ta’ restrizzjoni fuq l-importazzjonijiet tal-Arġentina.

Rigward in-negozjati mal-Merkosur, l-UE qed tinnegozja mal-Merkosur bħala reġjun u mhux mal-pajjiżi individwali tal-Merkosur. In-nuqqas ta’ rispett tal-Arġentina għas-sentenza li ngħatat fil-Ġermanja ma tidhirx prima facie li hija raġuni valida biex jiġu sospiżi n-negozjati ma’ reġjun sħiħ.

Rigward is-suġġeriment li jiġu imposti sanzjonijiet kummerċjali, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, li jiġu imposti sanzjonijiet kummerċjali minħabba l-falliment tal-Arġentina biex tonora r-reponsabilitajiet tagħha mad-detenturi tal-bonds privati, mhuwiex kompatibbli mal-obbligi internazzjonali tal-UE nnifisha taħt id-WTO.

Rigward il-possibilità li jiġi sospiż il-forniment tal-programmi ta’ għajnuna, għandu jiġi mfakkar li l-politika ta’ żvilupp tal-UE diġà qed tiġi riformata bil-għan li tiġi prijoritizzata fil-pajjiżi l-anqas żviluppati, li jfisser li l-Arġentina taqa’ sew barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-maġġoranza tal-programmi ta’ għajnuna tal-UE.

B’mod simili, billi l-Arġentina hija klassifikata bħala pajjiż bi dħul per kapita ta’ livell medju superjuri, huwa wkoll mistenni li titlef il-benefiċċji tal-preferenzi unilaterali tal-UE taħt is-Sistema Ġeneralizzata tal-Preferenzi meta tidħol fis-seħħ is-sistema l-ġdida.

Konklużjoni

Rigward it-talba għall-projbizzjoni tal-offerta għat-tpartit tad-dejn għal bonds kontumaċi maħruġa mill-Istat tal-Arġentina fl-2010 (petizzjoni 58/2010), il-Kummissjoni ma għandha l-ebda kumment ulterjuri x’tagħmel.

Rigward it-tliet Petizzjonijiet il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-Petizzjonanti jipprovdu informazzjoni ulterjuri rigward il-proċedimenti, is-sentenzi u l-għotjiet nazzjonali u/jew internazzjonali li saru referenzi għalihom fil-Petizzjonijiet tagħhom u li fihom ipparteċipaw il-Petizzjonanti, kif ukoll jipprovdu l-ammont ta’ kumpens li qed jiġi mfittex u n-numru eżatt ta’ partijiet involuti offiżi.
4. Risposta oħra tal-Kummissjoni (REV), li waslet fis-27 ta’ Marzu 2013

Il-Kummissjoni ttenni li wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-politika ta’ investiment taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li qed tiġi żviluppata politika ġdida tal-investiment tal-UE, il-kompetenza l-ġdida se tiġi implimentata wkoll b’mod gradwali permezz tan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet tal-investiment ma’ pajjiżi terzi. Tali ftehimiet jagħtu l-mezzi legali neċessarji lill-UE biex tipproteġi l-investituri tal-UE u l-investimenti barranin tagħhom.


Barra dan, ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar l-arranġamenti ta’ tranżizzjoni għat-Trattati Bilaterali tal-Investiment tal-Istati Membri ma’ pajjiżi terzii, daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Jannar 2013 sabiex iħares il-validità ta’ dawk it-trattati skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea u jiggarantixxi ċ-ċertezza legali għall-investituri tal-UE li l-investimenti tagħhom huma protetti skont dawk it-trattati. Dawn tal-aħħar jipprovdu numru ta’ garanziji sostantivi direttament infurzabbli mill-investituri privati.
Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li xi ftit mill-Petizzjonanti fittxew arbitraġġ internazzjonali fuq il-bażi tal-Ftehim Bilaterali tal-Investimenti Italja-Arġentina (BIT) u l-Konvenzjoni dwar ir-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim dwar l-Investiment bejn l-Istati u ċ-Ċittadini ta’ Stati Oħrajn.
Il-Kummissjoni tinnota kif xieraq waħda mill-aħħar ittri tal-Petizzjonanti (Petizzjoni 0670/2009) li biha huwa indikat li numru ta’ sentenzi finali saru mill-qrati Ġermaniżi favur il-Petizzjonanti. Sakemm dan huwa l-każ, il-Petizzjonanti huma dawk intitolati li jieħdu l-passi neċessarji biex jinfurzaw tali sentenzi kontra l-Arġentina bi qbil mar-regoli legali rilevanti applikabbli.
Wieħed mill-petizzjonanti (670/2009) jitlob għal numru ta’ azzjonijiet mill-UE, inkluż li jiġu imposti sanzjonijiet kummerċjali fuq l-Arġentina, billi l-Arġentina tkun eskluża min-negozjati tal-Merkosur jew jiġi sospiż il-forniment tal-programmi ta’ għajnuna.
B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tfakkar li hija determinata li tiġġieled ir-restrizzjonijiet kummerċjali Arġentini illegali u li f’April 2012, l-UE talbet għal konsultazzjonijiet fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) kontra l-politika ta’ restrizzjoni fuq l-importazzjonijiet tal-Arġentina.
Rigward in-negozjati mal-Merkosur, l-UE qed tinnegozja mal-Merkosur bħala reġjun u mhux mal-pajjiżi individwali tal-Merkosur. In-nuqqas ta' rispett tal-Arġentina għas-sentenza li ngħatat fil-Ġermanja ma tidhirx li hija raġuni valida biex jiġu sospiżi n-negozjati ma’ reġjun sħiħ.
Rigward is-suġġeriment li jiġu imposti sanzjonijiet kummerċjali, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, li jiġu imposti sanzjonijiet kummerċjali minħabba l-azzjonijiet tal-Arġentina kontra d-detenturi ta’ bonds privati, mhuwiex kompatibbli mal-obbligi internazzjonali proprji tal-UE nnifisha taħt id-WTO.
Rigward il-possibilità li jiġi sospiż il-forniment tal-programmi ta’ għajnuna, għandu jiġi mfakkar li l-politika ta’ żvilupp tal-UE diġà qed tiġi riformata bil-għan li tiġi prijoritizzata fil-pajjiżi l-anqas żviluppati, li jfisser li l-Arġentina taqa’ sew barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-maġġoranza tal-programmi ta’ għajnuna tal-UE.
B’mod simili, billi l-Arġentina hija klassifikata bħala pajjiż bi dħul per kapita ta’ livell medju superjuri, huwa wkoll mistenni li titlef il-benefiċċji tal-preferenzi unilaterali tal-UE taħt is-Sistema Ġeneralizzata tal-Preferenzi meta tidħol fis-seħħ is-sistema l-ġdida fl-1 ta’ Jannar 2014.
Konklużjoni

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-qafas legali applikabbli fil-każ tad-detenturi tal-bonds huwa l-Ftehim Bilaterali tal-Investiment Italja-Arġentina (BIT), li l-petizzjonanti diġà rrikorrew għalih billi ressqu pretensjoni għall-arbitraġġ skont il-Konvenzjoni dwar ir-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim dwar l-Investiment bejn l-Istati u ċ-Ċittadini ta’ Stati Oħrajn.


Il-Kummissjoni nnotat l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-Petizzjonant 58/2010 fil-15 ta’ Jannar 2013 li tiddikjara li “L-arbitraġġ tad-detenturi tal-bonds Taljani kontra l-Arġentina fiċ-Ċentru Internazzjonali għar-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim dwar l-Investiment tal-Bank Dinji huwa miexi lejn il-konklużjoni tal-fażi tal-merti finali u l-ħsarat” u “huwa skedat li din il-fażi tiġi konkluża fl-2013”.
Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li qabel ir-riżultat tal-proċediment arbitrali fiċ-Ċentru Internazzjonali għar-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim dwar l-Investiment tal-Bank Dinji ma jsiru l-ebda kummenti oħra.

CM\931853MT.doc


PE502.132v04-00

MT Magħquda fid-diversità MT


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©atelim.com 2016
rəhbərliyinə müraciət