Ana səhifə

Direttiva tal-parlament ewropew u tal-kunsill


Yüklə 4.63 Mb.
səhifə9/32
tarix26.06.2016
ölçüsü4.63 Mb.
1   ...   5   6   7   8   9   10   11   12   ...   32

KAPITOLU 11

IS-SIKUREZZA FIL-POSTIJIET TAX-XOGĦOL

Artikolu 11.01
Ġenerali

  1. Il-bastimenti għandhom jinbnew, jiġu rranġati u jkunu mgħammra b'tali mod li jippermettu lill-persuni jaħdmu u jiċċaqqalqu fis-sikurezza.

  2. Il-faċilitajiet installati b'mod permanenti li huma meħtieġa għax-xogħol abbord għandhom ikunu rranġati, imfassla u mħarsa b'tali mod li jippermettu t-tħaddim, l-użu u l-manutenzjoni sikur u b'mod faċli. Jekk ikun meħtieġ, il-komponenti mobbli jew ta' temperatura għolja għandu jkollhom tagħmir protettiv.

Artikolu 11.02

Il-protezzjoni kontra l-waqgħat

  1. Il-gverti u l-gverti tal-ġnub għandhom ikunu ċatti u fl-ebda punt ma jkunu b'mod li x'aktarx jikkawżaw il-waqgħat; għandu jkun impossibbli li jiffurmaw għadajjar.

  2. Il-gverti, il-gverti tal-ġnub, l-artijiet tal-kmamar tal-magna, l-inżulijiet, it-turġien u l-uċuħ tal-bolardi tal-gverti tal-ġnub għandu jkollhom uċuħ li ma jiżolqux.

  3. L-uċuħ tal-bolardi tal-gverta tal-ġnub u l-ostakoli fil-passaġġi, bħat-trufijiet tat-turġien, għandhom ikunu miżbugħa f'kulur li jvarja mill-gverta tal-madwar.

  4. It-trufijiet ta' barra tal-gverti u l-gverti tal-ġenb għandu jkollhom murati li jkunu għoljin tal-inqas 0,90 m jew poġġaman kontinwu skont l-istandard Ewropew EN 711: 1995. Postijiet tax-xogħol fejn il-persuni jistgħu jaqgħu aktar minn metru (1 m), għandu jkollhom murati jew muxxillari li jkunu għoljin tal-inqas 0,90 m jew poġġaman kontinwu skont l-istandard Ewropew EN 711: 1995. Fejn il-poġġamani tas-sigurtà tal-gverti tal-ġenb ikunu jitreġġgħu lura:

(a) għandu jitwaħħal poġġaman kontinwu b'dijametru ta' 0,02 sa 0,04 m addizzjonalment mal-muxxillara f'għoli ta' 0,7 sa 1,1 m; u

(b) għandhom jitwaħħlu sinjali skont l-Appendiċi I, il-Figura 10, b'dijametru ta' mill-inqas 15-il cm, f'pożizzjonijiet li jkunu viżibbli b'mod ċar fil-punt fejn tibda l-gverta tal-ġenb.

Fejn ma jkunx hemm muxxillara, minflok għandu jitwaħħal poġġaman fiss.

4a. B'deroga mill-paragrafu 4, fil-każ ta' ċattri u braken mingħajr akkomodazzjoni, ma għandhomx ikunu meħtieġa murati jew poġġamani fejn:

(a) il-poġġamani tas-saqajn ikunu twaħħlu mat-trufijiet ta' barra tal-gverti u mal-gverti tal-ġenb;

(b) il-poġġamani skont il-paragrafu 4(a) ikunu twaħħlu mal-muxxillara; u

(c) is-sinjali skont l-Appendiċi I, il-Figura 10, b'dijametru ta' tal-inqas 15-il cm, ikunu twaħħlu f'pożizzjonijiet viżibbli b'mod ċar fuq il-gverta.

4b. B'deroga mill-paragrafu4, fil-każ ta' bastimenti bil-gverta ċatta (flush-deck) jew bil-buq imdaħħal il-ġewwa (trunk-deck), ma għandux ikun meħtieġ li l-poġġamani jitwaħħlu direttament fuq it-trufijiet ta' barra ta' dawk il-gverti, jew fuq il-gverti tal-ġenb, fejn:

(a) il-passaġġ jgħaddi minn fuq dawk il-gverti ċatti, imdawra b'poġġamani fissi skont l-istandard EN 711: 1995 u

(b) is-sinjali skont l-Appendiċi I, il-Figura 10, b'dijametru ta' tal-inqas 15-il cm, ikunu twaħħlu f'pożizzjonijiet viżibbli b'mod ċar fit-tranżizzjonijiet għal żoni mhux protetti bil-poġġamani."



  1. F'postijiet tax-xogħol fejn hemm il-perikolu ta' waqgħat ta' aktar minn metru (1 m) il-korp ta' spezzjoni jista' jitlob tagħmir u apparat xieraq sabiex jiżgura ħidma sikura.

  2. Il-paragrafi 4, 4a u 4b huma rekwiżiti temporanji skont l-Artikolu 25 u se jkunu validi sal-1 ta' Diċembru 2016.

Artikolu 11.03
Id-dimensjonijiet tal-postijiet tax-xogħol

Il-postijiet tax-xogħol għandhom ikunu kbar biżejjed biex jipprovdu lil kull persuna li taħdem fihom libertà ta' moviment adegwata.



Artikolu 11.04
Il-gverti tal-ġnub

  1. Il-wisa' ċara ta' gverta tal-ġenb għandha tkun tal-inqas 0,60 m. Dik il-figura tista' titnaqqas għal 0,50 m f'ċerti postijiet li huma neċessarji għall-ħidma tal-bastiment bħall-valvijiet għall-ħasil tal-gverta. Tista' titnaqqas għal 0,40 m f'bolardi u bitti.

  2. Sa għoli ta' 0,90 m 'il fuq mill-gverta tal-ġenb, il-wisa' ċara tal-gverta tal-ġenb tista' titnaqqas sa 0,50 m sakemm il-wisa' ċara 'l fuq, bejn it-tarf ta' barra tal-buq u t-tarf ta' ġewwa tal-istiva, mhijex anqas minn 0,65 m.

  3. Ir-rekwiżiti tal-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw sa għoli ta' 2,00 m 'l fuq mill-gverta tal-ġenb.

  4. Il-paragrafu 2 huwa rekwiżit temporanju skont l-Artikolu 25 ta' din id-Direttiva u se jkun validu sal-1 ta' Diċembru 2016.

Artikolu 11.05
L-aċċess għall-postijiet tax-xogħol

  1. Il-punti ta' aċċess u l-passaġġi għall-moviment tal-persuni u l-oġġetti għandhom ikunu ta' daqs biżżejjed u irranġati b'tali mod illi:

(a) quddiem il-ftuħ tal-aċċess, hemm spazju biżżejjed biex ma jfixkilx il-moviment;

(b) il-wisa' ċar tal-passaġġ għandu jkun xieraq għall-użu maħsub tal-postijiet tax-xogħol u ma għandux ikun anqas minn 0,60 m, għajr fil-każ ta' inġenju anqas minn 8 m wisa', fejn jista' jitnaqqas sa 0,50 m;



(c) l-għoli ċar tal-passaġġ, inkluż is-soll mhuwiex anqas minn 1,90 m.

  1. Il-bibien għandhom ikunu rranġati b'tali mod li jkunu jistgħu jinfetħu u jingħalqu b'mod sikun minn kull naħa. Għandhom jiġu protetti mill-ftuħ u l-għeluq b'mod aċċidentali.

  2. Taraġ, slielem jew turġien għandhom jiġu installati fl-aċċessi, il-ħruġ u l-passaġġi fejn hemm aktar minn 0,50 m differenza fil-livell tal-art.

  3. L-ispazji tax-xogħol li huma ekwipaġġati b'mod kontinwu għandu jkollhom taraġ jekk hemm differenza fil-livell tal-art ta' aktar minn 1,00 m. Dan ir-rekwiżit ma għandux japplika għall-ħruġ tal-emerġenza.

  4. Il-bastimenti bi stivi għandu jkollhom tal-inqas mezz ta' aċċess wieħed installat b'mod permanenti f'kull tarf ta' kull stiva.

B'deroga mill-ewwel sentenza, il-mezz ta' aċċess installat b'mod permanenti jista' jkun eżentat jekk ikun hemm tal-inqas żewġ slielem li jiċċaqalqu li jilħqu tal-inqas 3 skaluni fuq il-muxxillara tal-bokkaporti f'angolu ta' inklinazzjoni ta' 60°.

Artikolu 11.06
Il-ħruġ u l-ħruġ tal-emerġenza

  1. In-numru, l-arranġament u d-dimensjonijiet tal-ħruġ, inklużi l-ħruġ tal-emerġenza, għandhom ikunu skont l-iskop u d-daqsijiet tal-ispazju rilevanti. Fejn wieħed mill-ħruġ huwa ħruġ tal-emerġenza, dan għandu jkun immarkat hekk b'mod ċar.

  2. Il-ħruġ tal-emerġenza jew it-twieqi jew il-koperturi tat-tamboċċ li għandhom jintużaw bħala ħruġ ta' emerġenza għandu jkollhom ftuħ ċar ta' mhux anqas minn 0,36 m2, u l-iżgħar daqs għandu jkun mhux anqas minn 0,50 m.

Artikolu 11.07
Is-slielem, it-taraġ u tagħmir simili

  1. It-taraġ u s-slielem għandhom ikunu mqabbda sewwa. It-taraġ ma għandux ikun inqas minn 0,60 m wiesa' u l-wisa' ċara bejn il-poġġamani ma għandhiex tkun ta' anqas minn 0,60 m; it-tarġiet ma għandhomx ikunu ta' anqas minn 0,15 m fond; it-tarġiet għandu jkollhom uċuħ li ma jiżolqux u taraġ b'aktar minn tliet tarġiet għandu jkollu l-poġġamani.

  2. Is-slielem u l-iskaluni mqabbda b'mod separat għandu jkollhom wisa' ċara ta' mhux anqas minn 0,30 m; l-iskaluni m'għandhomx ikunu aktar minn 0,30 m il-bogħod u d-distanza bejn l-iskaluni u l-istrutturi ma għandhiex tkun anqas minn 0,15 m.

  3. Is-slielem u l-iskaluni mqabbda b'mod separat għandhom ikunu jingħarfu b'mod ċar minn fuq u għandu jkollhom maqbad tas-sikurezza 'l fuq mill-ftuħ tal-ħruġ.

  4. Is-slielem li jiċċaqalqu għandhom ikunu tal-inqas 0,40 m wiesa', u tal-inqas 0,50 m wiesa' fil-bażi; għandu jkun possibbli li jiġi żgurat illi dawn ma jinqalbux jew jiskiddjaw; l-iskaluni għandhom ikunu mwaħħla dritti.

Artikolu 11.08
L-ispazji ta' ġewwa

  1. Id-daqsijiet, l-arranġament u d-distribuzzjoni tal-ispazji tax-xogħol ta' ġewwa għandhom ikunu skont ix-xogħol li għandu jsir u għandhom jilħqu r-rekwiżiti tas-saħħa u s-sikurezza. Għandu jkollhom dawl suffiċjenti li ma jgħammex u b'arranġamenti tal-ventilazzjoni suffiċjenti. Jekk ikun meħtieġ, għandu jkollhom apparati tat-tisħin li jistgħu jżommu temperatura adegwata.

  2. L-artijiet tal-ispazji tax-xogħol ta' ġewwa għandhom ikunu solidi u jdumu fiż-żmien, u għandhom ikunu imfassla biex ma jikkawżawx waqgħat u żlieq. Il-fetħiet fil-gverti u l-artijiet għandhom, meta miftuħa, ikunu mħarsa kontra l-perikolu ta' waqgħat, u t-twieqi u t-tamboċċi għandhom jitqiegħdu u jitwaħħlu b'tali mod li jkunu jistgħu jiġu mħaddma u mnaddfa mingħajr perikolu.

Artikolu 11.09
Il-protezzjoni kontra l-ħsejjes u l-vibrazzjoni

  1. L-ispazji tax-xogħol għandhom ikunu jinstabu, mgħammra u mfassla b'tali mod li l-membri tal-ekwipaġġ ma jkunux esposti għall-vibrazzjonijiet li jagħmlu l-ħsara.

  2. L-ispazji tax-xogħol permanenti għandhom, minbarra dan, ikunu mibnija u mħarsa mill-ħsejjes b'tali mod illi s-saħħa u s-sikurezza tal-membri tal-ekwipaġġ ma jkunux affettwati bil-ħoss.

  3. Għall-membri tal-ekwipaġġ li x'aktarx ikunu esposti kuljum għall-livelli tal-ħoss li jaqbżu 85 dB(A) għandu jkun disponibbli tagħmir tal-protezzjoni akustika individwali. Fl-ispazji tax-xogħol fejn il-livelli tal-ħoss jaqbżu 90 dB(A) għandu jintwera li l-ilbies tat-tagħmir tal-protezzjoni akustika huwa obbligatorju b'simbolu “Ilbes tagħmir tal-protezzjoni akustika” b'dijametru tal-inqas 10 cm skont il-Figura 7 tal-Appendiċi I.

Artikolu 11.10
L-għatjiet tal-bokkaporti

  1. L-għatjiet tal-bokkaporti għandhom ikunu aċċessibbli b'mod faċli u manuvrabbli b'mod sikur. Il-komponenti ta' għatu tal-bokkaport li jiżen aktar minn 40 kg għandhom ikunu mfassla biex jiżżerżqu jew iduru jew ikollhom tagħmir ta' ftuħ mekkaniku. L-għatjiet tal-bokkaporti li jaħdmu b'tagħmir tal-irfiegħ għandu jkollhom tagħmir adegwat u li huwa faċilment aċċessibbli. L-għatjiet tal-bokkaporti li ma jistgħux jinbiddlu ma' xulxin u s-solli ta' fuq għandhom ikunu mmarkati b'mod ċar biex juru l-bokkaporti li magħhom huma jagħmlu parti u l-pożizzjoni tajba tagħhom fuq dawk il-bokkaporti.

  2. L-għatjiet tal-bokkaporti għandhom ikunu mħarsa milli jiġu mxaqilba bir-riħ jew bit-tagħmir tat-tagħbija. L-għotjien li jiżżerżqu għandu jkollhom qabdiet biex jevitaw ċaqliq orizzontali aċċidentali ta' aktar minn 0,40 m; għandhom ikunu jistgħu jiġu llokkjati fil-pożizzjoni finali tagħhom. Għandu jkun hemm tagħmir xieraq biex iżomm l-għatjiet tal-bokkaporti fil-pożizzjoni.

  3. Il-provvista tal-enerġija għall-għatjiet tal-bokkaporti li jaħdmu b'mod mekkaniku għandha tinqata' b'mod awtomatiku meta jintreħa s-swiċċ tal-kontroll.

  4. L-għatjiet tal-bokkaporti għandhom ikunu jistgħu jifilħu t-tagħbijiet li għalihom x'aktarx li se jkunu suġġetti: L-għatjiet tal-bokkaporti mfassla biex isir mixi fuqhom għandhom ikunu jifilħu tagħbijiet konċentrati tal-inqas ta' 75 kg. L-għatjiet tal-bokkaporti mhux imfassla biex isir mixi fuqhom għandhom ikunu mmarkati bħala tali. L-għatjiet tal-bokkaporti mfassla biex jirċievu merkanzija fuq il-gverta għandu jkollhom tagħbija permessa f' t/m2 immarkata fuqhom. Fejn hemm bżonn ta' appoġġ biex tintlaħaq it-tagħbija massima permissibbli dan għandu jintwera f'post xieraq; f'dan il-każ it-tpinġijiet rilevanti għandhom jinżammu abbord.

Artikolu 11.11
L-argni

  1. L-argni għandhom ikunu mfassla b'tali mod sabiex jgħinu x-xogħol jitwettaq b'mod sikur. Għandu jkollhom tagħmir illi jevita r-rilaxx tat-tagħbija mhux intenzjonali. L-argni li ma jillokkjawx b'mod awtomatiku għandu jkollhom brejk li huwa adegwat biex jittrata mal-qawwa tal-ġbid tagħhom.

  2. L-argni li jaħdmu bl-idejn għandu jkollhom tagħmir biex jevitaw ir-ritorn qawwi tal-krank. L-argni li jaħdmu kemm bl-enerġija u kif ukoll manwalment għandhom ikunu intiżi b'tali mod li l-kontroll tal-mezzi mekkaniċi ta' ġibda ma jistax jattwa l-kontroll manwali.

Artikolu 11.12
Il-krejnijiet

  1. Il-krejnijiet għandhom jinbnew skont l-aqwa prattika. Il-forzi li jirriżultaw matul il-ħidma tagħhom għandhom jintbagħtu b'mod sikur fl-istruttura tal-bastiment; ma għandhomx ifixxklu l-istabilità tiegħu.

  2. Il-plakka tal-manifattur li jkun fiha t-tagħrif li ġej għandha tiġi mwaħħla mal-krejnijiet:

(a) l-isem u l-indirizz tal-manifattur;

(b) l-immarkar CE, flimkien mas-sena tal-manifattura;

(c) ir-referenza tas-serje jew tat-tip;

(d) fejn ikun japplika, in-numru tas-serje.



  1. It-tagħbijiet massimi permissibbli għandhom ikunu mmarkati b'mod permanenti u li jinqara b'mod ċar fuq il-krejnijiet.

Fejn it-tagħbija tal-ħidma sikura tal-krejn ma taqbiżx l-2000 kg din tkun suffiċjenti jekk it-tagħbija tal-ħidma massima possibbli tkun immarkata b'mod permanenti u li jinqara b'mod ċar fuq il-krejn.

  1. Għandu jkun hemm tagħmir li jipproteġi kontra inċidenti ta' tgħaffiġ jew qtugħ. Il-partijiet ta' barra tal-krejn għandhom iħallu wisa' ħieles għas-sikurezza ta' 0,5 m 'il fuq, 'l isfel u lejn il-ġnub, bejniethom u l-oġġetti tal-madwar kollha. Il-wisa' ħieles għas-sikurezza lejn il-ġnub ma għandux ikun meħtieġ barra l-istazzjonijiet tax-xogħol u l-passaġġi.

  2. Għandu jkun possibbli li jiġu mħarsa l-krejnijiet li jaħdmu bl-enerġija kontra użu mhux awtorizzat. L-unika punt possibbli minn fejn dawn jiġu mqabbda għandha tkun mill-pożizzjoni tas-sewqan tal-krejn biss. Il-kontroll għandu jkun tat-tip awtomatiku bir-ritorn (buttuni mingħajr waqfiet); id-direzzjoni tal-ħidma tagħhom għandha tkun ċara mingħajr ambigwitajiet.

Jekk il-qawwa motriċi tfalli ma għandux ikun possibbli għat-tagħbija li taqa' b'mod mhux ikkontrollat. Ċaqliq mhux intenzjonali tal-krejn għandu jiġi evitat.

Kwalunkwe moviment 'il fuq tat-tagħmir li jtella' u kwalunkwe qabża tat-tagħbija tal-ħidma sikura għandha tkun limitata b'tagħmir xieraq. Kwalunkwe moviment 'l isfel tat-tagħmir li jtella' għandu jkun limitat jekk taħt kwalunkwe kundizzjoni ta' ħidma maħsuba fil-mument tal-qabda tal-ganċ jista' jkun hemm anqas minn żewġ tidwiriet tal-kejbil fuq it-tanbur. Il-kontro ċaqliq li jikkorispondi għandu xorta jibqa' possibbli wara li t-tagħmir li jillimita awtomatikament ikun ġie attwat.

Is-saħħa tensili tal-kejbils għall-manuvra tiġri għandha tikkorrispondi għal ħames darbiet it-tagħbija permissibbli tal-kejbil. Il-kostruzzjoni tal-kejbil għandha tkun mingħajr l-ebda difett u d-disinn għandu jkun adegwat għall-użu fuq il-krejnijiet.


  1. Il-krejnijiet għandhom jiġu spezzjonati minn espert:

(a) qabel jiddaħħlu fis-servizz għall-ewwel darba

(b) qabel jiddaħħlu lura fis-servizz wara kull modifika jew tiswija kbira,

(c) regolarment, tal-inqas kull sentejn.

F'din l-ispezzjoni għandha tiġi pprovduta prova tas-saħħa u l-istabilità adegwati permezz ta' kalkoli u ta' test tat-tagħbija abbord.

Fejn it-tagħbija sikura tal-operat tal-krejn ma taqbiżx l-2000 kg, l-espert jista' jiddeċiedi li l-prova permezz tal-kalkoli tista' tiġi sostitwita kompletament jew parzjalment b'test b'tagħbija 1.25 darba aktar mit-tagħbija tal-operat sikur li ssir fuq il-firxa sħiħa tal-operat.

Għandu jinħareġ ċertifikat tal-ispezzjoni, li jkun iffirmat mill-espert u li jkun juri d-data tal-ispezzjoni.



  1. Il-krejnijiet għandhom jiġu kkontrollati regolarment u f'kull każ tal-inqas kull 12-il xahar, minn persuna kompetenti. Matul dik l-ispezzjoni, il-kundizzjoni tal-operat sikur tal-krejn għandha tiġi stabbilita permezz ta' kontroll viżiv u ta' kontroll tal-operat.

Għandu jinħareġ ċertifikat ta' spezzjoni, li jkun iffirmat mill-persuna kompetenti u li juri d-data tal-ispezzjoni.

  1. (Jitħalla vojt);

  2. Il-krejnijiet b'tagħbija ta' ħidma sikura li taqbeż l-2000 kg, jew li jintużaw għall-ġarr bil-baħar tal-merkanzija, jew li huma mmuntati abbord ġakkijiet tal-irfiegħ, pontuni jew tagħmir ieħor li jżomm f'wiċċ l-ilma jew l-inġenju tal-post tax-xogħol għandhom minbarra dan jilħqu r-rekwiżiti ta' wieħed mill-Istati Membri.

  3. L-istruzzjonijiet tal-operat tal-manifattur tal-krejn għandhom jinżammu abbord. Dawn għandhom jinkludu tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a) il-firxa tal-operat u l-funzjoni tal-kontrolli;

(b) it-tagħbija massima permessibbli tal-operat sikur bħala funzjoni tal-ilħuq;

(c) l-inklinazzjoni massima permessibbli tal-krejn;

(d) l-istruzzjonijiet tal-muntatura u tal-manutenzjoni;

(e) dejta teknika ġenerali.

Artikolu 11.13
Il-ħażna tal-likwidi li jaqbdu

Biex jinħażnu l-likwidi li jaqbdu b'punt li jaqbad ta' anqas minn 55 °C għandu jkun hemm armadju vventilat magħmul minn materjal li ma jaqbadx fuq il-gverta. Fuq in-naħa ta' barra tiegħu għandu jkun hemm simbolu “Nar, fjamma mikxufa u tipjip huma pprojbiti” b'dijametru tal-inqas 10 cm skont il-Figura 2 tal-Appendiċi I.



KAPITOLU 12

L-AKKOMODAZZJONI

Artikolu 12.01

Ġenerali

  1. Il-bastimenti għandu jkollhom akkomodazzjoni għall-persuni li jgħixu b'mod regolari abbord, u tal-inqas għall-ekwipaġġ minimu.

  2. L-akkomodazzjoni għandha tkun imfassla, irranġata u mgħammra b'tali mod li tilħaq il-bżonnijiet tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-kumdità ta' dawk abbord. Għandha tkun ta' aċċess bla perikolu u faċli u b'insulazzjoni adegwata kontra s-sħana u l-kesħa.

  3. Il-korp ta' spezzjoni jista' jawtorizza eċċezzjonijiet għad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu jekk is-saħħa u s-sikurezza ta' dawk abbord jiġu żgurati permezz ta' mezzi oħra.

  4. Il-korp ta' spezzjoni għandu, fuq iċ-ċertifikat tal-Unjoni għan-navigazzjoni interna, jdaħħal kull restrizzjoni fil-perjodi ta' ħidma ta' kuljum tal-bastiment u l-arranġament tat-tħaddim li jirriżulta mill-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3.

Artikolu 12.02

Ir-rekwiżiti speċjali ta' tfassil għall-akkomodazzjoni

  1. Għandu jkun possibbli li akkomodazzjoni tiġi vventilata b'mod adegwat anke meta l-bibien ikunu magħluqa; minbarra dan, il-kwartieri komuni fejn jgħixu għandu jkollhom dawl ta' matul il-jum adegwat u, sakemm ikun possibbli, b'veduta fuq barra.

  2. Fejn ma jkunx hemm aċċess livell mal-gverta għall-akkomodazzjoni u d-differenza fil-livell hija ta' 0,30 m jew aktar, l-akkomodazzjoni għandha tkun aċċessibbli permezz ta' taraġ.

  3. Fis-sezzjoni ta' quddiem tal-bastiment l-ebda art ma għandha tkun aktar minn 1,20 m taħt il-pjan tal-fundar massimu.

  4. Il-kwartieri tal-għajxien u tal-irqad għandu jkollhom tal-inqas żewġ postijiet ta' ħruġ li huma l-iżjed imbegħdin minn xulxin possibbli u li jservu bħala rotot ta' ħruġ. Ħruġ wieħed jista' jkun imfassal bħala ħruġ ta' emerġenza. Dan ma japplikax għall-kmamar bi ħruġ li jwassal b'mod dirett fuq il-gverta jew fil-kuritur li jservi bħala rotta ta' ħruġ, sakemm il-kuritur ikollu żewġ punti ta' ħruġ il-bogħod minn xulxin li jwasslu għall-port jew in-naħa tal-bastiment li tagħti għal fuq il-pruwa. Il-ħruġ tal-emerġenza, li jistgħu jinkludu tamboċċi u twieqi, għandu jkollhom ftuħ ċar tal-inqas ta' 0,36 m2 u l-iqsar naħa mhux inqas minn 0,50 m u jippermettu evakwazzjoni ta' malajr f'emerġenza. L-insulazzjoni u l-kisi ta' barra għar-rotot tal-ħruġ għandhom ikunu magħmula minn materjal li jittardja n-nar u l-użu tar-rotot tal-ħruġ għandu jkun garantit fil-ħinijiet kollha b'mezzi xierqa bħal slielem jew skaluni mwaħħla b'mod separat.

  5. L-akkomodazzjoni għandha tkun protetta kontra l-ħoss u l-vibrazzjoni mhux ammissibbli. Il-livelli tal-pressjoni tal-ħoss ma għandhomx jaqbżu:

(a) 70 dB(A) fil-kwartieri tal-għajxien komunali;

(b) 60 dB(A) fil-kwartieri tal-irqad. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika għall-bastimenti li jaħdmu b'mod esklussiv barra l-perjodu tal-mistrieħ tal-ekwipaġġ, kif stabbilit mil-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri. Il-perjodu ta' validità għandu jitniżżel fuq iċ-ċertifikat tal-Unjoni għan-navigazzjoni interna.



  1. L-ispazju 'l fuq fl-akkomodazzjoni ma għandux ikun anqas minn 2,00 m.

  2. Bħala regola ġenerali, il-bastimenti għandu jkollhom tal-inqas kamra komunali waħda maqtugħa mill-kwartieri ta'-irqad.

  3. L-erja tal-art vojta tal-kwartieri tal-għajxien komunali ma għandhiex tkun anqas minn 2 m2 kull persuna, u fi kwalunkwe każ mhux anqas minn 8 m2 b'kollox (mingħajr ma tingħadd l-għamara, għajr l-imwejjed u s-siġġijiet).

  4. Il-kapaċità kubika tal-kmamar tal-għajxien u tal-irqad privati ma għandhomx ikunu anqas minn 7 m3 kull waħda.

  5. Il-volum tal-ispazju tal-arja għal kull persuna għandu jkun tal-inqas 3,5 m3 fil-kwartieri tal-għajxien privati. Fil-kwartieri tal-irqad il-volum għandu jkun tal-inqas 5 m3 għall-ewwel okkupant u tal-inqas 3 m3 għal kull okkupant ieħor (mingħajr ma jingħadd il-volum tal-għamara). Il-kabini tal-irqad għandhom, sakemm ikun possibbli, ikunu maħsuba għal mhux aktar minn żewġ persuni. L-irmiġġi ma għandhomx ikunu anqas minn 0,30 m 'l fuq mill-art. Fejn irmiġġ wieħed jitpoġġa fuq l-ieħor, l-ispazju ta' fuq kull irmiġġ ma għandux ikun anqas minn 0,60 m.

  6. Il-bibien għandu jkollhom ftuħ li t-tarf ta' fuq tagħhom ikun tal-inqas 1,90 m 'l fuq mill-gverta jew 'l fuq mill-art u wisa' ċara tal-inqas ta' 0,60 m. L-għoli preskritt jista' jintlaħaq permezz ta' għotjien jew dirgħajn li jiżżerżqu jew biċ-ċappetti. Il-bibien għandhom jinfetħu għan-naħa ta' barra u għandu jkun possibbli li tiftaħhom miż-żewġ naħat. Is-solli ma għandhomx ikunu aktar minn 0,40 m għolja, iżda madankollu għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' regolamenti oħra ta' sikurezza.

  7. It-turġien għandhom ikunu mwaħħla b'mod permanenti u li jistgħu jintużaw b'mod sikur. Dawn jitqiesu li huma hekk meta:

(a) huma tal-inqas 0,60 m wiesa';

(b) il-wiċċ tal-iskaluni ikun tal-inqas 0,15 m fond;

(c) it-tarġiet ikunu ma jiżolqux;

(d) it-turġien b'aktar minn tliet tarġiet ikollhom tal-inqas poġġaman maqbad.



  1. Il-pajpijiet li jġorru gassijiet jew likwidi perikolużi, u b'mod partikolari dawk li jkunu taħt tali pressjoni li tnixxija tista' tkun ta' periklu għall-persuni, ma għandhomx ikunu fl-akkomodazzjoni jew fil-kurituri li jwasslu għall-akkomodazzjoni. Dan ma japplikax għall-pajpijiet tal-fwar u pajpijiet ta' sistema idrawlika, sakemm dawn ikunu mgħammra f'tubi tal-metall, u għall-pajpijiet ta' installazzjonijiet ta' gass likwidu għal skopijiet domestiċi.

Artikolu 12.03
L-installazzjonijiet sanitarji

  1. Tal-inqas l-installazzjonijiet sanitarji li ġejjin għandhom ikunu pprovduti f'bastimenti b'akkomodazzjoni:

(a) tojlit wieħed għal kull akkomodazzjoni jew għal kull sitt membri tal-ekwipaġġ; għandu jkun possibbli li dawn jiġu vventilati b'arja friska;

(b) friskatur wieħed tal-ħasil b'pajp tad-drenaġġ u mqabbad mal-ilma tax-xorb sħun u kiesaħ għal kull unità ta' akkomodazzjoni jew għal kull erba' membri tal-ekwipaġġ,

(c) doċċa jew banju wieħed imqabbda mal-ilma tax-xorb sħun jew kiesaħ għal kull unità ta' akkomodazzjoni jew għal kull sitt membri tal-ekwipaġġ.


  1. L-installazzjonijiet sanitarji għandhom ikunu viċin l-akkomodazzjoni. It-tojlits ma għandux ikollhom aċċess dirett għall-kċejjen, il-kmamar ta' akkomodazzjoni jew il-kwartieri komunali tal-għajxien/kċejjen magħquda.

  2. Il-kompartimenti tat-tojlit għandu jkollhom spazju tal-art tal-inqas ta' 1 m2, mhux inqas minn 0,75 m wiesa' u mhux inqas minn 1,10 m twil. Il-kompartimenti tat-tojlit f'kabini għal mhux aktar minn żewġ persuni jistgħu jkunu iżgħar. Fejn tojlit ikun fih friskatur tal-ħasil u/jew doċċa, l-ispazju tal-art għandu jiżdied b'tal-inqas l-ispazju tal-art okkupat bil-friskatur tal-ħasil u/jew doċċa (jew banju).

Artikolu 12.04
Il-kċejjen

  1. Il-kċejjen jistgħu jkunu magħquda mal-kwartieri tal-għajxien komunali.

  2. Il-kċejjen għandu jkun fihom:

(a) forn;

(b) friskatur b'konnessjoni mad-drenaġġ;

(c) provvista ta' ilma tax-xorb;

(d) friġġ;

(e) post għall-ħażna suffiċjenti u spazju għax-xogħol.


  1. Iż-żona tal-ikel tal-kċejjen/kwartieri tal-għajxien komunali magħquda għandha tkun kbira biżejjed biex takkomoda n-numru tal-ekwipaġġ li normalment jużaha fl-istess ħin. Is-sits ma għandhomx ikunu anqas minn 0,60 m wiesa'.

Artikolu 12.05
L-ilma tax-xorb

  1. Il-bastimenti b'akkomodazzjoni għandu jkollhom installazzjoni ta' ilma tax-xorb. L-aperturi tat-tank tal-ilma tax-xorb u l-pajpjiet tal-ilma tax-xorb għandhom ikunu mmarkati li huma maħsuba b'mod esklussiv għall-ilma tax-xorb. Il-kontenituri minn fejn jimtela l-ilma tax-xorb għandhom ikunu installati fuq il-gverta.

  2. L-installazzjonijiet tal-ilma tax-xorb għandhom:

(a) fuq l-uċuħ ta' ġewwa jkunu magħmula minn materjal li jirreżisti t-tmermir u ma jkunx ta' perikolu fiżjoloġiku;

(b) jkunu mingħajr sezzjonijiet tal-pajp fejn iċ-ċirkolazzjoni regolari tal-ilma ma tkunx garantita u

(c) jkunu protetti kontra t-tisħin eċċessiv.


  1. Flimkien mal-paragrafu 2, it-tankijiet tal-ilma tax-xorb għandu jkollhom:

(a) kapaċità tal-inqas ta' 150 l għal kull persuna li normalment tgħix abbord, u tal-inqas għal kull membru tal-ekwipaġġ minimu;

(b) ftuħ adegwat, li jillokkja, biex in-naħa ta' ġewwa tkun tista' titnaddaf;

(c) indikatur tal-livell tal-ilma;

(d) pajpijiet ta' ventilazzjoni li jwasslu għall-arja fil-beraħ jew li jkollhom filtri xierqa.



  1. It-tankijiet tal-ilma tax-xorb ma għandhomx jaqsmu l-ħitan ma' tankijiet oħra. Il-pajpijiet tal-ilma tax-xorb ma għandhomx jgħaddu minn tankijiet li jkun fihom likwidu ieħor. M'humiex permessi konnessjonijiet bejn is-sistema tal-provvista tal-ilma tax-xorb u l-pajpijiet l-oħra. Il-pajpijiet li jġorru gassijiet jew likwidu ieħor għajr l-ilma tax-xorb ma għandhomx jgħaddu minn tankijiet li jkun fihom likwidu ieħor.

  2. Il-bastimenti bil-pressa tal-ilma tax-xorb għandhom jaħdmu biss fuq l-arja kompressata mhux kontaminata. Fejn jiġi pprovdut permezz ta' kompressuri, il-filtri tal-arja xierqa u l-istrumenti li jisseparaw iż-żejt għandhom jiġu installati b'mod dirett quddiem il-bastiment tal-pressjoni għajr jekk l-ilma u l-arja jkunu separati b'dijaframma.

Artikolu 12.06
It-tisħin u l-ventilazzjoni

  1. Għandu jkun possibbli li l-akkomodazzjoni tissaħħan skont l-użu maħsub tagħha. L-istallazzjonijiet tat-tisħin għandhom ikunu xierqa għall-kundizzjonijiet tat-temp li jista' jkun hemm.

  2. Għandu jkun possibbli li ssir ventilazzjoni tal-kwartieri tal-għajxien u tal-irqad b'mod adegwat anke meta l-bibien ikunu magħluqa. Il-ventilazzjoni għandha tiżgura ċ-ċirkolazzjoni tal-arja adegwata fil-kundizzjonijiet klimatiċi kollha.

  3. L-akkomodazzjoni għandha tkun imfassla u rranġata b'tali mod biex tevita kemm ikun possibbli d-dħul ta' arja ħażina minn żoni oħra tal-bastiment bħall-kmamar tal-magna jew l-istivi; fejn tintuża l-arja furzata tal-ventilazzjoni, il-ventijiet tat-teħid tal-arja għandhom jitpoġġew b'tali mod biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' hawn fuq.

Artikolu 12.07
L-installazzjonijiet oħra tal-akkomodazzjoni

  1. Kull membru tal-ekwipaġġ li jgħix abbord għandu jkollu irmiġġ individwali u kompartiment tal-ħwejjeġ li jissakkar individwali. Il-kejl ta' ġewwa tal-irmiġġ ma għandux ikun anqas minn 2,00 × 0,90 m.

  2. Għandhom jiġu pprovduti postijiet adatti għall-ħażna u t-tnixxif tal-ħwejjeġ, iżda mhux fil-kwartieri tal-irqad.

  3. Iż-żoni tal-akkomodazzjoni kollha għandu jkollhom dawl elettriku. Lampi addizzjonali li jużaw il-gass jew il-karburant likwidu jistgħu jintużaw biss fil-kwartieri tal-għajxien komunali. It-tagħmir tad-dawl li juża' l-fjuwil likwidu għandu jkun magħmul minn metall u għandu jaħraq biss karburanti b'punt li jaqbad 'il fuq minn 55 °C jew żejt tal-parafin kummerċjali. Għandhom jitpoġġew jew jitwaħħlu b'tali mod li ma jkunux ta' perikolu ta' nar.
1   ...   5   6   7   8   9   10   11   12   ...   32


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©atelim.com 2016
rəhbərliyinə müraciət