Ana səhifə

Direttiva tal-parlament ewropew u tal-kunsill


Yüklə 4.63 Mb.
səhifə6/32
tarix26.06.2016
ölçüsü4.63 Mb.
1   2   3   4   5   6   7   8   9   ...   32

KAPITOLU 8

ID-DISINN TAL-MAGNA

Artikolu 8.01
Ġenerali

  1. Il-magni u l-partijiet anċillari tagħhom għandhom ikunu mfassla, mibnija u stallati skont l-aħjar prattika.

  2. Il-bastimenti tal-pressjoni ddedikati għall-operat tal-bastiment għandhom jiġu kkontrollati minn espert sabiex jivverifika li huma sikuri għall-operat:

(a) qabel jiddaħħlu fis-servizz għall-ewwel darba

(b) qabel jiddaħħlu lura fis-servizz wara kull modifika jew tiswija, u

(c) regolarment, tal-inqas kull ħames snin,

L-ispezzjoni għandha tinvolvi spezzjoni interna u oħra esterna. It-tankijiet tal-arja kkompressata, li l-intern tagħhom ma jistax jiġi spezzjonat kif suppost, jew li l-kundizzjoni tagħhom ma tistax tiġi stabbilita b'mod ċar waqt l-ispezzjoni interna, jeħtieġ li jgħaddu minn ittestjar mhux distruttiv addizzjonali jew test tal-pressjoni idrawlika.

Għandu jinħareġ ċertifikat tal-ispezzjoni, li jkun iffirmat mill-espert u li jkun juri d-data tal-ispezzjoni.

Installazzjonijiet oħrajn li jeħtieġu spezzjoni regolari, partikolarment il-bojlers tal-fwar, bastimenti oħra tal-pressjoni u l-aċċessorji tagħhom, u l-liftijiet, għandhom jissodisfaw ir-regolamenti li japplikaw f'wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni.



  1. Jistgħu jiġu installati biss dawk il-magni li jaħdmu bil-kombustjoni interna u jużaw karburanti li għandhom il-punt meta jieħdu n-nar ogħla minn 55° C.

Artikolu 8.02
It-tagħmir ta' sikurezza

  1. Il-magni għandhom jiġu installati u mmuntati b'tali mod li jkunu adegwatament aċċessibbli għat-tħaddim u l-manutenzjoni u ma għandhomx jipperikolaw lill-persuni li jkollhom dak ix-xogħol. Għandu jkun possibbli li jkun żgurat li ma jiġux startjati mingħajr intenzjoni.

  2. Il-magni ewlenin, dawk awżiljari, il-bojlers u t-tagħmir tal-pressjoni, u l-aċċessorji tagħhom, għandu jkollhom tagħmir ta' sikurezza.

  3. F'każ ta' emerġenza għandu jkun possibbli li l-muturi li jħaddmu l-blowers u l-fannijiet tal-ġbid tal-arja jintfew minn barra l-ispazju fejn ikunu jinsabu, u minn barra l-kamra tal-magni.

  4. Fejn meħtieġ, il-konnessjonijiet tal-pajpijiet li jġorru ż-żejt karburant, iż-żejt lubrikant, u ż-żjut użati fis-sistemi tat-trasmissjoni tal-enerġija, fis-sistemi tal-kontroll u tal-attivazzjoni u fis-sistemi tat-tisħin għandhom ikunu mgħottija jew imħarsa b'mod adegwat biex jiġi evitat it-tixrid jew ħruġ ta' żjut fuq uċuħ sħan, fil-ventijiet tal-arja tal-makkinarju, jew sorsi oħra ta' teħid tan-nar. L-għadd ta' konnessjonijiet f'dawn is-sistemi ta' pajpijiet għandu jinżamm kemm jista' jkun baxx.

  5. Il-pajpijiet esterni ta' karburant ta' pressjoni għolja tal-magni tad-diżil, bejn il-pompi tal-karburant ta' pressjoni għolja u l-injettaturi tal-karburant, għandhom ikunu protetti b'sistema ta' pajpijiet miksija li tiflaħ iżżomm il-karburant jekk iċedi pajp ta' pressjoni għolja. Is-sistema ta' pajpijiet miksija għandha tinkludi mezzi għall-ġbir tat-tnixxijiet u għandu jkun hemm arranġamenti biex jingħata l-allarm jekk iċedi pajp tal-karburant, ħlief li ma jkun meħtieġ l-ebda allarm għall-magni li ma għandhomx aktar minn żewġ ċilindri. Is-sistemi ta' pajpijiet miksija m'hemmx għalfejn jiġu applikati għal magni fuq gverti miftuħa li jħaddmu l-murinelli u l-argni.

  6. L-insulazzjoni tal-partijiet tal-magna għandha tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 3.04(3), it-tieni paragrafu.

Artikolu 8.03
L-impjant tal-enerġija

  1. Għandu jkun possibbli li l-propulsjoni tal-bastiment tkun tista' tistartja, tintefa jew titreġġa' lura b'mod affidabbli u ta' malajr.

  2. Dawn li ġejjin għandhom ikunu mmonitorjati b'tagħmir xieraq li jixgħel allarm malli jintlaħaq livell kritiku:

(a) it-temperatura tal-ilma li jkessaħ il-magna ewlenija;

(b) il-pressjoni taż-żejt lubrikanti għall-magni ewlenin u t-trasmissjonijiet;



(c) il-pressjoni taż-żejt u tal-arja tal-unitajiet tal-mixi lura tal-magna ewlenija, it-trasmissjonijiet riversibbli jew l-iskrejjen.

  1. Meta l-bastimenti jkollhom biss magna ewlenija waħda dik il-magna ma għandhiex tintefa awtomatikament ħlief għall-ħarsien kontra l-veloċità żejda.

  2. Meta l-bastimenti jkollhom biss magna ewlenija waħda, dik il-magna jista' jkollha tagħmir awtomatiku li jnaqqas il-veloċità tal-magna fil-każ biss li tnaqqis awtomatiku tal-veloċità tal-magna jkun indikat b'mod ottiku kif ukoll akustiku fil-kabina tat-tmunier u t-tagħmir għat-tnaqqis tal-veloċità tal-magna jkun jista' jiġi mitfi mill-kabina tat-tmunier.

  3. Il-boxxli tax-xaft għandhom ikunu mfassla b'tali mod li jevita t-tixrid ta' lubrikanti li jniġġsu l-ilma.

Artikolu 8.04
Is-sistema tal-egżost tal-magna

  1. Il-gassijiet tal-egżost għandhom jinħarġu 'l barra għal kollox mill-bastiment.

  2. Għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa kollha biex ikun evitat id-dħul tal-gassijiet tal-egżost fid-diversi kompartimenti. Il-pajpijiet tal-egżost li jgħaddu mill-parti tal-akkomodazzjoni jew mill-kabina tat-tmunier għandhom, f'dawn il-partijiet, ikollhom kisi protettiv li ma jgħaddix gass minnu. Il-vojt ta' bejn il-pajp tal-egżost u dan il-kisi għandu jkun jagħti għall-arja ta' barra.

  3. Il-pajpijiet tal-egżost għandhom jitqiegħu u jiġu protetti b'tali mod li ma jkunux jistgħu jikkawżaw nar.

  4. Il-pajpijiet tal-egżost għandhom ikunu insulati jew imkessħa tajjeb fil-kmamar tal-magni. Il-protezzjoni kontra l-kuntatt fiżiku tista' tkun biżżejjed barra l-kmamar tal-magni.

Artikolu 8.05
It-tankijiet tal-karburant, il-pajpijiet u l-aċċessorji

  1. Il-karburanti likwidi għandhom jinħażnu f'tankijiet tal-azzar li jew ikunu parti integrali mill-buq jew ikunu mwaħħla sew mal-buq. Jekk ikun meħtieġ hekk mit-tfassil tal-bastiment, jista' jintuża materjal ekwivalenti f'termini ta' reżistenza għan-nirien. Dawn ir-rekwiżiti ma għandhomx japplikaw għal tankijiet b'kapaċità ta' mhux iktar minn 12-il litru li jkunu ġew inkorporati f'sistemi awżiljari matul il-manifattura tagħhom. It-tankijiet tal-karburant ma għandux ikollhom ħitan komuni mat-tankijiet tal-ilma tax-xorb.

  2. It-tankijiet u s-sistemi tal-pajpijiet tagħhom u l-aċċessorji l-oħra għandhom jitqiegħdu b'tali mod li la l-karburant u lanqas il-fwar tal-karburant ma jkunu jistgħu jilħqu l-intern tal-bastiment b'mod aċċidentali. Il-valvi tat-tank maħsuba għat-teħid ta' kampjuni tal-karburant jew għad-drenaġġ tal-ilma għandhom jagħlqu awtomatikament.

  3. L-ebda tank tal-karburant ma għandu jitqiegħed i'l quddiem mill-paratija tal-ħbit.

  4. It-tankijiet tal-karburant u t-tagħmir tagħhom ma għandhomx jitqiegħdu direttament fuq il-magni jew il-pajpijiet tal-egżost.

  5. Il-fetħiet li minnhom jimtlew it-tankijiet tal-karburant għandhom ikunu mmarkati sew.

  6. Il-fetħa għall-għenuq tat-tank tal-karburant għandha tkun fuq il-gverta, ħlief għat-tankijiet tal-provvista ta' kuljum. L-għonq tat-tank għandu jkollu tagħmir ta' konnessjoni skont l-istandard Ewropew EN 12827:1999.

Dawn it-tankijiet għandu jkollhom pajp tal-arja li jispiċċa fl-arja aperta 'l fuq mill-gverta u mqiegħed b'tali mod li ma jkunx jista' jidħol ilma fih. Il-cross-section tal-pajp tal-arja għandha tkun mill-inqas 1,25 darbiet daqs il-cross-section tal-għonq tat-tank.

Jekk it-tankijiet ikunu mqabbdin flimkien, il-cross-section tal-pajp li jgħaqqadhom għandha tkun mill-inqas 1,25 darba daqs il-cross-section tal-għonq tat-tank.



  1. Direttament f'outlets ta' tankijiet il-pajpijiet għad-distribuzzjoni tal-fjuwils għandhom jintramaw b'valv li jagħlaq malajr ('quick-closing valve') li jista' jitħaddem mill-gverta, anke meta l-kmamar ikkonċernati jkunu magħluqa.

Jekk l-apparat operattiv ikun moħbi, l-għatu jew il-kopertura ma għandhomx ikunu jissakkru.

L-apparat operattiv għandu jkun immarkat bl-aħmar. Jekk l-appart ikun moħbi għandu jkun immarkat b’sinjal għall-valv li jagħlaq malajr skont il-Figura 9 tal-Appendiċi I b’tul ta’ naħa ta’ tal-anqas 10 cm.



L-ewwel subparagrafu għandu japplika għat-tankijiet immuntati direttament fuq il-magna.

  1. Il-pajpijiet tal-karburant, il-konnessjonijiet tagħhom, is-siġilli u t-tagħmir għandhom ikunu ta' materjali li jifilħu għall-pressjoni mekkanika, kimika u ta' sħana li għalihom x'aktarx ikunu soġġetti. Il-pajpijiet tal-karburant ma għandhomx ikunu soġġetti għal xi influwenza negattiva ta' sħana u għandhom ikunu jistgħu jiġu spezzjonati fit-tul kollu tagħhom.

  2. It-tankijiet tal-karburant għandu jkollhom tagħmir adegwat għall-kejl tal-kapaċità. Dawn l-istrumenti għall-kejl tal-kapaċità għandhom ikunu jistgħu jinqraw sa l-ogħla livell ta' mili. L-istrumenti tal-kejl tal-ħġieġ għandhom ikunu protetti b'mod effettiv kontra d-daqqiet, għandu jkollhom tagħmir ta' għeluq awtomatiku fil-bażi tagħhom u t-tarf ta' fuq tagħhom għandu jagħti għat-tankijiet 'il fuq mill-ogħla livell tal-mili tagħhom. Il-materjal użat għall-istrumenti tal-kejl tal-ħġieġ ma għandux jitgħawweġ f'temperaturi ambjentali normali. Il-pajpijiet tal-iskandaljar ma għandhomx jispiċċaw fl-ispazji tal-akkomodazzjoni. Il-pajpijiet tal-iskandaljar li jispiċċaw f'kamra tal-magna jew tal-bojler għandu jkollhom tagħmir adegwat li jingħalaq waħdu.

  3. (a) It-tankijiet tal-karburant għandhom ikunu mħarsa mit-tixrid tal-karburant waqt il-bunkering permezz ta' tagħmir tekniku adegwat abbord li għandu jitniżżel taħt il-punt 52 taċ-ċertifikat tal-Unjoni għan-navigazzjoni intera.

(b) Jekk il-karburant jittieħed mill-instazzjonijiet tal-bunkering bit-tagħmir tekniku tagħhom stess biex ikun evitat it-tixrid ta' karburanti abbord waqt il-bunkering, ir-rekwiżiti dwar it-tagħmir ta' (a) u l-paragrafu 11 ma għandhomx japplikaw iżjed.

  1. Jekk it-tankijiet tal-karburant ikollhom tagħmir ta' għeluq awtomatiku, is-sensuri għandhom iwaqqfu l-fluss tal-karburant meta t-tank ikun 97 % mimli; dan it-tagħmir għandu jissodisfa r-rekwiżiti tas-“sikurezza” (“failsafe”).

Jekk is-sensur jattiva kuntatt elettriku, li jista' jaqta' ċ-ċirkuwitu pprovdut mill-istazzjon tal-bunkering b'sinjal binarju, għandu jkunu possibbli li jiġi trasmess is-sinjal lill-istazzjon tal-bunkering permezz ta' plagg ta' konnessjoni mqalfat li jissodisfa r-rekwiżiti tal-pubblikazzjoni tal-IEC 60309-1:1999 għal 40 sa 50 V DC, ta' lewn abjad, u bil-pożizzjoni tal-kuntatt tal-ert timmarka l-għaxra.

  1. It-tankijiet tal-karburant għandu jkollhom fetħiet b'sistemi ta' għeluq li ma jnixxux li jkunu maħsuba biex jippermettu t-tindif u l-ispezzjoni.

  2. It-tankijiet tal-karburant li jfornu direttament lill-magni ewlenin u l-magni meħtieġa għat-tħaddim bla periklu tal-bastiment għandu jkollhom tagħmir li jibgħat sinjali viżivi kif ukoll akustiċi fil-kabina tat-tmunier jekk il-livell tal-mili tagħhom ma jkunx biżżejjed biex jiżgura l-operat bla periklu.

Artikolu 8.06
Il-ħażna taż-żejt lubrikanti, il-pajpijiet u l-aċċessorji

  1. Iż-żejt lubrikanti għandu jkun maħżun f'tankijiet tal-azzar li jkunu parti integrali mill-buq jew inkella jkunu mwaħħla sew mal-buq. Jekk ikun meħtieġ hekk mit-tfassil tal-bastiment, jista' jintuża materjal ekwivalenti f'termini ta' reżistenza għan-nirien. Dawn ir-rekwiżiti ma għandhomx japplikaw għat-tankijiet b'kapaċità ta' mhux iktar minn 25 litru. It-tankijiet taż-żejt lubrikanti ma għandux ikollhom ħitan komuni mat-tankijiet tal-ilma tax-xorb.

  2. It-tankijiet taż-żejt lubrikanti u s-sistema tal-pajpijiet tagħhom u l-aċċessorji l-oħra għandhom jitqiegħdu b'tali mod li la ż-żejt lubrikanti u lanqas il-fwar taż-żejt lubrikanti ma jkunu jistgħu jilħqu l-intern tal-bastiment b'mod aċċidentali.

  3. L-ebda tankijiet taż-żejt lubrikanti ma għandhom jitqiegħdu 'l quddiem mill-paratija tal-ħbit.

  4. It-tankijiet taż-żejt lubrikanti u t-tagħmir tagħhom ma għandhomx jitqiegħdu direttament 'il fuq mill-magni jew il-pajpijiet tal-egżost.

  5. Il-fetħiet għall-mili tat-tankijiet taż-żejt lubrikanti għandhom ikunu mmarkati b'mod ċar.

  6. Il-pajpijiet taż-żejt lubrikanti, il-konnessjonijiet, is-siġilli u t-tagħmir tagħhom għandhom ikunu ta' materjali li jifilħu għall-pressjonijiet mekkaniċi, kimiċi u ta' sħana li x'aktarx ikunu soġġetti għalihom. Il-pajpijiet ma għandhomx ikunu soġġetti għal xi influwenza negattiva ta' sħana u għandhom ikunu jistgħu jiġu spezzjonati fit-tul kollu tagħhom.

  7. It-tankijiet taż-żejt lubrikanti għandu jkollhom tagħmir adegwat għall-kejl tal-kapaċità. Dawn l-istrumenti għall-kejl tal-kapaċità għandhom ikunu jistgħu jinqraw sa l-ogħla livell ta' mili. L-istrumenti tal-kejl tal-ħġieġ għandhom ikunu protetti b'mod effettiv kontra d-daqqiet, għandu jkollhom tagħmir ta' għeluq awtomatiku fil-bażi tagħhom u t-tarf ta' fuq tagħhom għandu jagħti għat-tankijiet 'il fuq mill-ogħla livell tal-mili tagħhom. Il-materjal użat għall-istrumenti tal-kejl tal-ħġieġ ma għandux jitgħawweġ f'temperaturi ambjentali normali. Il-pajpijiet tal-iskandaljar ma għandhomx jispiċċaw fl-ispazji tal-akkomodazzjoni. Il-pajpijiet tal-iskandaljar li jispiċċaw f'kamra tal-magna jew tal-bojler għandu jkollhom tagħmir adegwat li jingħalaq waħdu.

Artikolu 8.07
Il-ħażna taż-żjut użati fis-sistemi tat-trażmissjoni tal-enerġija, is-sistemi tal-kontroll u tal-attivazzjoni
u s-sistemi tat-tisħin, il-pajpijiet u l-aċċessorji

  1. Iż-żjut użati fis-sistemi tat-trasmissjoni tal-enerġija, fis-sistemi tal-kontroll u tal-attivazzjoni u fis-sistemi tat-tisħin għandhom jinħażnu f'tankijiet tal-azzar li jew ikunu parti integrali mill-buq jew inkella jkunu mwaħħla sew mal-buq. Jekk ikun meħtieġ hekk mit-tfassil tal-bastiment, jista' jintuża materjal ekwivalenti f'termini ta' reżistenza għan-nirien. Dawn ir-rekwiżiti ma għandhomx japplikaw għat-tankijiet b'kapaċità ta' mhux iktar minn 25 litru. Dawn it-tankijiet taż-żejt ma għandux ikollhom ħitan komuni mat-tankijiet tal-ilma tax-xorb.

  2. Dawn it-tankijiet taż-żjut u s-sistema tal-pajpijiet tagħhom u l-aċċessorji l-oħra għandhom jitqiegħdu b'tali mod li la dawn iż-żjut u lanqas il-fwar tagħhom ma jkunu jistgħu jilħqu l-intern tal-bastiment b'mod aċċidentali.

  3. L-ebda wieħed minn dawn it-tankijiet taż-żjut ma jistgħu jitqiegħdu 'l quddiem mill-paratija tal-ħbit.

  4. Dawn it-tankijiet taż-żjut u t-tagħmir tagħhom ma għandhomx jitqiegħdu direttament 'il fuq mill-magni jew il-pajpijiet tal-egżost.

  5. Il-fetħiet għall-mili ta' dawn it-tankijiet taż-żjut għandhom ikunu mmarkati sew.

  6. Dawn il-pajpijiet taż-żjut, il-konnessjonijiet, is-siġilli u t-tagħmir tagħhom għandhom ikunu ta' materjali li jifilħu għall-pressjonijiet mekkaniċi, kimiċi u ta' sħana li għalihom x'aktarx ikunu soġġetti. Il-pajpijiet ma għandhomx ikunu soġġetti għal xi influwenza negattiva ta' sħana u għandhom ikunu jistgħu jiġu spezzjonati fit-tul kollu tagħhom.

  7. Dawn it-tankijiet taż-żjut għandu jkollhom tagħmir adegwat għall-kejl tal-kapaċità. Dawn l-istrumenti għall-kejl tal-kapaċità għandhom ikunu jistgħu jinqraw sa l-ogħla livell ta' mili. L-istrumenti tal-kejl tal-ħġieġ għandhom ikunu protetti b'mod effettiv kontra d-daqqiet, għandu jkollhom tagħmir ta' għeluq awtomatiku fil-bażi tagħhom u t-tarf ta' fuq tagħhom għandu jagħti għat-tankijiet 'il fuq mill-ogħla livell tal-mili tagħhom. Il-materjal użat għall-istrumenti tal-kejl tal-ħġieġ ma għandux jitgħawweġ f'temperaturi ambjentali normali. Il-pajpijiet tal-iskandaljar ma għandhomx jispiċċaw fl-ispazji tal-akkomodazzjoni. Il-pajpijiet tal-iskandaljar li jispiċċaw f'kamra tal-magna jew tal-bojler għandu jkollhom tagħmir adegwat li jingħalaq waħdu.

Artikolu 8.08
Is-sistemi tal-pompi tas-sentina u tad-drenaġġ

  1. Għandu jkun possibbli li kull kompartiment li ma jagħmilx l-ilma jiġi ppompjat separatament. Madankollu, dak ir-rekwiżit ma għandux japplika għal kompartimenti li ma jagħmlux l-ilma u li normalment ikunu ssiġillati għal kollox waqt it-tħaddim.

  2. Il-bastimenti li jeħtieġu ekwipaġġ għandhom ikunu mgħammra b'żewġ pompi tas-sentina indipendenti li ma għandhomx ikunu installati fl-istess spazju. Tal-inqas waħda minn dawn għandha tkun taħdem bil-mutur. Madankollu, għall-bastimenti b'qawwa ta' inqas minn 225 kW jew li jiflaħ piż mejjet ta' inqas minn 350 t, jew meta l-bastimenti mhux maħsuba għall-ġarr tal-merkanzija jkollhom spostament ta' inqas minn 250 m3, pompa waħda li titħaddem manwalment jew bil-mutur tkun biżżejjed.

Kull waħda mill-pompi meħtieġa għandha tkun tista' titħaddem fuq kull wieħed mill-kompartimenti li ma jagħmilx l-ilma.

  1. Il-kapaċità minima tal-ippumpjar Q1 tal-ewwel pompa tas-sentina għandha tinħadem bil-formula li ġejja:

Q1 = 0,1 · d12 (1/min)

d1 jiġi kkalkulat bil-formula li ġejja:



Il-kapaċità minima tal-ippumpjar Q2 tat-tieni pompa tas-sentina għandha tinħadem bil-formula li ġejja:

Q2 = 0,1 · d22 (l/min)

d2 jiġi kkalkulat bil-formula li ġejja:



Madanakollu, il-valur d2 ma għandux għalfejn jaqbeż il-valur ta' d1.

Għall-kalkolu ta' Q2 l għandu jittieħed bħala t-tul ta'-itwal kompartiment li ma jagħmilx l-ilma.

F'dawn il-formoli:



l




huwa t-tul tal-kompartiment li ma jagħmilx l-ilma in kwistjoni, f'(m);

d1




huwa d-dijametru intern ikkalkulat tal-pajp ewlieni tad-drenaġġ, f'(mm);

d2




huwa d-dijametru intern ikkalkulat tal-pajp tal-fergħa, f'(mm).



  1. Fejn il-pompi tas-sentina jkunu mqabbda ma' sistema tad-drenaġġ il-pajpijiet tad-drenaġġ għandu jkollhom dijametru intern ta' mill-inqas d1, f'mm, u l-pajpijiet tal-fergħa għandu jkollhom dijametru intern ta' mill-inqas d2, f'mm.

Fejn il-bastimenti jkunu iqsar minn 25 m l-valuri d1 u d2 jistgħu jitnaqqsu għal 35 mm.

  1. Huma permessi biss il-pompi tas-sentina li jipprajmaw waħidhom.

  2. Għandu jkun hemm mill-inqas suction wieħed kemm fuq in-naħa tal-lemin kif ukoll tax-xellug tal-kompartimenti kollha b'qiegħ ċatt li jistgħu jitbattlu li huma usa' minn 5 m.

  3. Jista' jkun possibbli li l-gavun tal-poppa jitbattal mill-kamra tal-magna ewlenija permezz ta' tagħmir li jista' jingħalaq awtomatikament li jkun aċċessibbli mingħajr diffikultà.

  4. Il-pajpijiet tal-fergħa ta' kompartimenti singoli għandhom ikunu mqabbda mal-pajp ewlieni tad-drenaġġ permezz ta' valvola li ma treġġax lura li tista' tillokkja.

Il-kompartimenti jew spazji oħra li jistgħu jġorru s-saborra jridu jkunu mqabbda mas-sistema tad-drenaġġ biss permezz ta' tagħmir sempliċi li jingħalaq. Dak ir-rekwiżit ma għandux japplika għal stivi li kapaċi jġorru s-saborra. Dawn l-istivi għandhom jimtlew bl-ilma tas-saborra permezz ta' sistema ta' pajpijiet għas-saborra li tkun installata b'mod permanenti u independenti mill-pajpijiet tad-drenaġġ, jew permezz ta' pajpijiet tal-fergħa li jistgħu jitqabbdu mal-pajp ewlieni tad-drenaġġ b'pajpijiet flessibbli jew b'adapters flessibbli. Il-valvi għad-dħul tal-ilma li jinsabu fil-qiegħ tal-istiva ma għandhomx jitħallew jintużaw għal dan il-għan.

  1. Is-sentini tal-istiva għandu jkollhom tagħmir għall-kejl.

  2. Meta sistema tad-drenaġġ tinkorpora sistema ta' pajpijiet installati b'mod permanenti, il-pajpijiet tad-drenaġġ f'qiegħ is-sentina li jkunu maħsuba għall-estrazzjoni tal-ilma biż-żejt għandu jkollhom tagħmir għall-għeluq li jkunu ġew issiġillati fil-pożizzjonijiet tagħhom minn korp ta' spezzjoni. In-numru u l-pożizzjonijiet ta' dawk l-għeluq għandhom jitniżżlu fiċ-ċertifikat tal-Unjoni għan-navigazzjoni interna.

  3. L-illokkjar ta' dawn l-għeluq fil-pożizzjoni tagħhom għandu jitqies bħala ekwivalenti għall-issiġillar skont il-paragrafu 10. Iċ-ċavetta jew iċ-ċwievet biex l-għeluq jiġu llokkjati għandhom ikunu indikati b'mod xieraq u jinżammu f'post immarkat u li jintlaħaq faċilment fil-kamra tal-magni.

Artikolu 8.09
L-imħażen tal-ilma biż-żejt u taż-żejt użat

  1. Għandu jkun possibbli li jinħażen abbord l-ilma biż-żejt li jakkumula matul it-tħaddim. Is-sentina tal-kamra tal-magni titqies bħala maħżen għal dan il-għan.

  2. Biex jinħażnu ż-żjut użati, fil-kamra tal-magni għandu jkun hemm kontenitur speċifiku wieħed jew iktar b'kapaċità li tikkorrispondi għal mill-inqas 1,5 darbiet aktar mill-kwantità ta' żjut użati mis-samps tal-magni ta' kombustjoni interna u tat-trasmissjonijiet kollha installati, flimkien mal-fluwidi idrawliċi mit-tankijiet tal-fluwidi idrawliċi.

Il-konnessjonijiet użati biex jitbattlu l-kontenituri msemmija hawn fuq għandhom jikkonformaw mal-istandard Ewropew EN 1305:1996.

  1. Meta l-bastimenti jintużaw biss għal vjaġġi qosra l-korp ta' spezzjoni jista' jagħti eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tal-paragrafu 2.

Artikolu 8.10
Il-ħsejjes li joħorġu mill-bastimenti

  1. Il-ħsejjes iġġenerati minn bastiment li jkun qed jaħdem, u b'mod partikolari l-ħsejjes tad-dħul tal-arja fil-magna u tal-egżost, għandhom jittaffew bl-użu ta' mezzi adatti.

  2. Il-ħoss iġġenerat minn bastiment li jkun qed jaħdem ma għandux ikun iżjed minn 75 dB(A) f'distanza laterali ta' 25 m mill-ġenb tal-vapur.

  3. Minbarra operazzjonijiet ta' trasbord, il-ħoss iġġenerat minn bastiment wieqaf ma għandux ikun iżjed minn 65 dB(A) f'distanza laterali ta' 25 m mill-ġenb tal-vapur.

KAPITOLU 8a

L-EMISSJONIJIET TA’ INKWINANTI F’FORMA TA’ GASS U PARTIKOLI MINN MAGNI DIŻIL

Artikolu 8a.01
Id-definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Kaptilu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1. "magna" tfisser magna li taħdem bil-prinċipju ta’ compression-ignition (magna diżil);

1a. "magna ta’ propulsjoni" tfisser magna għall-propulsjoni ta’ bastiment għall-passiġġi fuq l-ilma, kif definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/68/KE2,

1b. "magna awżiljari" tfisser magna li tintuża f’applikazzjonijiet oħra minbarra l-propulsjoni ta’ bastiment;

1c. "magna ta’ skambju" tfisser magna użata u aġġornata li hija maħsuba biex tibdel magna attwalment operazzjonali u li hija tal-istess disinn (in-line engine, V-engine) bħall-magna li għandha tkun mibdula, li għandha l-istess numru ta’ ċilindri u li l-output ta’ enerġija u veloċità tagħha mhumiex differenti b’iktar minn 10 % tal-output tal-enerġija u veloċità tal-magna li għandha tkun mibdula;

2. "approvazzjoni tat-tip" tfisser il-proċedura kif definita fl-Artikolu 2, it-tieni inċiż tad-Direttiva 97/68/KE, kif emendata, fejn Stat Membru jiċċertifika li tip ta’ magna jew grupp ta’ magni fir-rigward tal-livell ta’ emissjoni ta’ inkwinanti tal-gass tal-partikolati mill-magna/i jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi rilevanti;

3. "test ta’ installazzjoni" tfisser il-proċedura fejn l-awtorità kompetenti tiżgura li, anke meta magna mwaħħla ma’ bastiment tkun għaddiet, wara l-ħruġ tal-approvazzjoni tat-tip, minn kwalunkwe tibdil jew adattazzjonijiet fir-rigward tal-livell ta’ emissjoni ta’ inkwinanti f’forma ta’ gass u partikoli, dik il-magna għadha tkun konformi mar-rekwiżiti tekniċi ta’ dan il-Kapitolu;

4. "test intermedju" tfisser il-proċedura li permezz tagħha l-awtorità kompetenti tiżgura li, anke meta magna ta’ bastiment tkun għaddiet, wara t-test tal-installazzjoni, minn kwalunkwe tibdil jew adattazzjonijiet fir-rigward tal-livell ta’ emissjoni ta’ inkwinanti f’forma ta’ gass u partikoli, li l-magna għadha tkun konformi mar-rekwiżiti tekniċi ta’ dan il-Kapitolu;

5. "test speċjali" tfisser il-proċedura li permezz tagħha l-awtorità kompetenti tiżgura li, wara kull tibdil sinifikanti fil-magna ta’ bastiment fir-rigward tal-livell ta’ emissjoni ta’ inwkinanti f’forma ta’ gass u partikoli, dik il-magna għadha tkun konformi mar-rekwiżiti tekniċi ta’ dan il-Kapitolu;

6. (Titħalla vojta);

7. "grupp ta’ magni" tfisser ir-raggruppar mill-manifattur ta’ magni li minħabba d-disinn tagħhom, huma mistennija li jkollhom karatteristiċi ta’ emissjoni ta’ egżost simili għal inkwinanti f’forma ta’ gass u partikoli kif definiti skont l-Artikolu 2, ir-raba' inċiż tad-Direttiva 97/68/KE, kif emendata, u li huma konformi mar-rekwiżiti tar-regoli skont l-Artikolu 8a.03;

8. (Titħalla vojta);

9. (Titħalla vojta);

10. (Titħalla vojta);

11. "manifattur" kif definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/68/KE, kif emendata, tfisser il-persuna jew korp li huwa responsabbli lill-awtorità ta’ approvazzjoni għall-aspetti kollha tal-proċess tal-approvazzjoni tat-tip u għall-assigurazzjoni ta’ konformità ta’ produzzjoni. Mhuwiex essenzjali li l-persuna jew korp ikun direttament involut fl-istadji kollha tal-kostruzzjoni tal-magna.

12. (Titħalla vojta);

13. (Titħalla vojta);

14. (Titħalla vojta);

15. (Titħalla vojta);

16 “protokoll tal-parametri tal-magna” tfisser id-dokument skont l-Appendiċi V, li fih il-parametri kollha, flimkien mat-tibdil, u inkluż il-komponenti u l-konfigurazzjonijiet tal-magna li jaffettwaw il-livell ta’ emissjoni ta’ inkwinanti f’forma ta’ gass u partikoli mill-magna huma rikordjati kif xieraq;

17. "Struzzjonijiet tal-manifattur tal-magna dwar il-monitoraġġ tal-komponenti u l-parametri ta’ rilevanza f’kuntest ta’ gass tal-egżost" tfisser id-dokument prodott għall-iskop ta’ implimentazzjoni ta’ test ta’ installazzjoni u t-testijiet intermedji u speċjali.



Artikolu 8a.02
Id-dispożizzjonijiet ġenerali

  1. Bla ħsara għar-rekwiżiti tad-Direttiva 97/68/KE, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għall-magni kollha b’rata ta’ output ta’ enerġija ta’ iktar minn 19 kW installati f’bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni jew f’makkinarju abbord bastiment bħal dan.

  2. Il-magni għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 97/68/KE.

  3. Il-konformità mal-valuri ta’ limitu tal-emissjoni ta’ gass tal-egżost tal-istadju applikabbli għandha tkun determinata abbażi tal-approvazzjoni tat-tip skont l-Artikolu 8a.03.

  4. Testijiet ta’ installazzjoni

(a) Wara l-installazzjoni tal-magna abbord, iżda qabel ma tibda tintuża, għandu jitwettaq test ta’ installazzjoni. Dan it-test, li jifforma parti mill-ispezzjoni inizjali tal-inġenju, jew minn spezzjoni speċjali peress li ssir minħabba li tkun ġiet installata l-magna rilevanti, għandu jirriżulta jew fir-reġistrazzoni tal-magna fiċ-ċertifikat tal-Unjoni għan-navigazzjoni interna li għandu jinħareġ għall-ewwel darba jew fil-modifikazzjoni taċ-ċertifikat tal-Unjoni għan-navigazzjoni interna eżistenti.

(b) Il-korp ta’ spezzjoni jista’ jwarrab it-test ta’ installazzjoni skont (a), jekk magna li għandha rata ta’ output ta’ enerġija PN ta’ inqas minn 130 kW tiġi mibdula minn magna koperta mill-istess approvazzjoni tat-tip. Bħala prekundizzjoni, is-sid tal-bastiment jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandu jkun meħtieġ li jinnotifika lill-korp ta’ spezzjoni bis-sostituzzjoni tal-magna u li jissottometti kopja tal-approvazzjoni tat-tip u tad-dettalji tan-numru ta’ identifikazzjoni tal-magna l-ġdida installata. Il-korp ta’ spezzjoni għandu jagħmel l-emendi xierqa fiċ-ċertifikat tal-Unjoni għan-navigazzjoni interna (ara il-kaxxa 52).



  1. It-testijiet intermedji fuq il-magna għandhom jitwettqu fil-kuntest tal-ispezzjoni perjodika skont l-Artikolu 2.09.

  2. Wara kull modifika sinifikanti tal-magna, meta dawn il-modifiki jkollhom il-potenzjal li jaffettwaw l-emmissjoni ta’ inkwinanti f’forma ta’ gass jew partikoli mill-magna, invarjabbilment għandu jitwettaq test speċjali.

6a. Ir-riżultati tat-testijiet skont l-Artikolu 8a.02(4) sa (6) għandhom jiġu rreġistrati fil-protokoll tal-parametri tal-magna.

  1. Il-korp ta’ spezzjoni għandu jindika fiċ-ċertifikat tal-Unjoni għan-navigazzjoni interna, fil-kaxxa 52, in-numri tal-approvazzjoni tat-tip u n-numri ta’ identifikazzjoni tal-magni kollha li huma installati abbord il-bastiment u li huma suġġetti għar-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu. Rigward magni koperti mill-Artikolu 9(4)(a) tad-Direttiva 97/68/KE in-numru ta’ identifikazzjoni għandu jkun suffiċjenti.

  2. Għall-iskop ta’ twettiq ta’ ħidmiet skont dan il-Kapitolu, l-awtorità kompetenti tista’ timpjega servizz tekniku.

Artikolu 8a.03
L-approvazzjonijiet tat-tip rikonoxxuti

  1. L-approvazzjonijiet tat-tip li ġejjin għandhom ikunu rikonoxxuti, sakemm l-applikazzjoni tal-magna hija koperta mill-approvazzjoni tat-tip xierqa:

(a) approvazzjonijiet tat-tip skont id-Direttiva 97/68/KE;

(b) approvazzjonijiet tat-tip li, skont id-Direttiva 97/68/KE3 huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti.



  1. Għal kull magna tal-approvazzjoni tat-tip, id-dokumenti li ġejjin jew kopji tagħhom għandhom jinżammu disponibbli abbord:

(a) id-dokument tal-approvazzjoni tat-tip;

(b) l-istruzzjonijiet tal-manifattur tal-magna dwar il-monitoraġġ tal-komponenti u l-parametri tal-magna rilevanti f’kuntest ta’ gass tal-egżost;

(c) il-protokoll tal-parametri tal-magna.

Artikolu 8a.04
It-testijiet ta’ installazzjoni u t-testijiet intermedji u speċjali


  1. Fil-ħin tat-test ta' installazzjoni skont l-Artikolu 8a.02(4) u f’każ ta’ testijiet intermedji skont l-Artikolu 8a.02(5) u testijiet speċjali skont l-Artikolu 8a.02(6), l-awtorità kompetenti għandha tagħmel spezzjoni tal-istat attwali tal-magna b’referenza għall-komponenti, l-aġġustamenti u l-parametri speċifikati fl-istruzzjonijiet skont l-Artikolu 8a.01(17).

Jekk l-awtorità ssib li l-magna mhix konformi mat-tip ta’ magna approvata jew mal-grupp tal-magna approvat, hija tista’:

(a) tirrikjedi li

(aa) jittieħdu passi biex terġa’ tiġi stabbilita l-konformità tal-magna;

(bb) titlob li jsiru l-modifiki xierqa lid-dokument tal-approvazzjoni tat-tip; jew

(b) tordna li jiġu mkejla l-emissjonijiet reali.

Fin-nuqqas tal-istabbiliment mill-ġdid tal-konformità tal-magna jew fin-nuqqas tal-modifiki xierqa lid-dokument ta’ approvazzjoni tat-tip jew f’każ li l-miżuri jindikaw nuqqas ta’ konformità mal-valuri ta’ limitu ta’ emmissjoni, l-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta li toħroġ ċertifikat tal-Unjoni għan-navigazzjoni interna jew għandha tħassar kwalunkwe ċertifikat tal-Unjoni għan-navigazzjoni interna li jkun diġà nħareġ.



  1. Fil-każ ta’ magni bil-gass tal-egżost wara sistemi ta’ trattament, għandhom ikunu mwettqa verifiki biex jistabbilixxu li dawn is-sistemi qed jiffunzjonaw kif suppost fil-kuntest tat-test ta’ installazzjoni u t-testijiet intermedji jew speċjali.

  2. It-testijiet skont il-paragrafu 1 jitwettqu abbażi tal-istruzzjoni tal-manifattur tal-magna dwar il-monitoraġġ tal-komponenti u tal-parametri tal-magna rilevanti f’kuntest ta’ emissjoni ta’ gass tal-egżost. L-istruzzjoni, li għandha tkun magħmula mill-manifattur u approvata minn awtorità kompetenti, għandha tispeċifika l-komponenti rilevanti tal-egżost kif ukoll l-aġġustamenti u l-parametri, li bihom tista’ tiġi preżunta l-konformità kontinwa mal-valuri ta’ limitu ta’ emissjoni ta’ gass tal-egżost. L-istruzzjoni tinkludi mill-inqas id-dettalji li ġejjin:

(a) it-tip ta’ magna u, fejn xieraq, grupp ta’ magni b’indikazzjoni ta’ output nominali u ta’ veloċità nominali;

(b) il-lista tal-komponenti u tal-parametri tal-magna rilevanti f’kuntest ta’ emissjoni ta’ gass tal-egżost;

(c) karatteristiċi ċari li jidentifikaw il-komponenti rilevanti permessi f’kuntest ta’ emissjoni ta’ gass tal-egżost (eż. numri tal-partijiet li jidhru fuq il-komponenti);

(d) parametri tal-magna rilevanti f’kuntest ta’ emissjoni ta’ gass tal-egżost bħall-issettjar ta’ firxiet għall-ħin tal-injezzjoni, temperatura tat-tkessiħ tal-ilma permessa, kontropressjoni massima tal-gass tal-egżost, eċċ.

F’każ ta’ magni mgħammra b’sistemi ta’ trattament tal-gass tal-egżost, l-istruzzjoni għandha tinkludi wkoll proċeduri li jivverifikaw li din is-sistema ta’ trattament qed topera b’mod effiċjenti.


  1. L-installazzjoni ta’ magni f’inġenju għandha tkun konformi mar-restrizzjonijiet stabbiliti fl-ambitu tal-approvazzjoni tat-tip. Barra minn hekk, id-dipressjoni fid-dħul u l-kontropressjoni tal-gass tal-egżost m’għandhomx ikunu ogħla mill-valuri indikati għall-magna approvata.

  2. Jekk il-magni li qed ikunu installati abbord jappartjenu lil gruppi ta’ magni, ma jistgħux jitwettqu riaġġustamenti jew modifiki li jistgħu jaffettawaw b’mod negattiv il-gass tal-egżost u l-emissjonijiet ta’ partikoli jew li jinstabu barra mill-medda ta’ aġġustamenti proposta.

  3. Jekk, wara l-approvazzjoni tat-tip, hemm bżonn li jkunu magħmula riaġġustamenti jew modifikazzjonijiet fil-magna, dawn għandhom jitniżżlu b’mod preċiż fil-protokoll tal-parametri tal-magna.

  4. Jekk it-testijiet ta' installazzjoni u intermedji juru li, fir-rigward tal-parametri, il-komponenti u l-karatteristiċi aġġustabbli tagħhom, il-magni installati abbord huma konformi mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-istruzzjonijiet skont l-Artikolu 8a.01(17), allura jista’ jkun preżunt li l-gass tal-egżost u l-emissjonijiet tal-partikoli mill-magni huma konformi wkoll mal-valuri ta’ limitu bażiċi.

  5. Meta magna tkun kisbet l-approvazzjoni tat-tip, l-awtorità kompetenti tista’, fid-diskrezzjoni tagħha, tnaqqas it-test ta’ installazzjoni jew it-test intermedju skont dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, it-test komplut għandu jitwettaq fir-rigward ta’ tal-inqas ċilindru wieħed jew magna waħda ta’ grupp ta’ magni u jista’ jkun imnaqqas biss jekk ikun hemm raġuni biex wieħed jassumi li ċ-ċilindri jew il-magni l-oħra kollha jaġixxu b’mod simili ta’ dak iċ-ċilindru jew magna li qed tkun investigata.

Artikolu 8a.05
Is-servizzi tekniċi

  1. Is-servizzi tekniċi għandhom ikunu konformi mal-istandard Ewropew dwar ir-rekwiżiti ġenerali għall-kompetenza ta’ laboratorji tal-ittestjar u tal-kalibrazzjoni (EN ISO/IEC 17025: 2000), b’konsiderazzjoni xierqa għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) Il-manifatturi tal-magni ma jistgħux ikunu rikonoxxuti bħala servizzi tekniċi.

(b) Għall-iskopijiet ta’ dan il-kapitolu, servizz tekniku jista’, bl-awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti, juża faċilitajiet barra mil-laboratorju tal-ittestjar tiegħu stess.

(c) Jekk mitluba li jagħmlu dan mill-awtorità kompetenti, is-servizzi tekniċi għandhom juru li huma rikonoxxuti li jwettqu t-tip ta’ attivitajiet deskritti f’dan il-paragrafu fl-Unjoni Ewropea.

(d) Servizzi ta’ pajjiżi terzi jistgħu jkunu notifikati biss bħala servizz tekniku rikonoxxut fil-qafas ta’ ftehim bilaterali jew multilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiż terz in kwistjoni.


1   2   3   4   5   6   7   8   9   ...   32


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©atelim.com 2016
rəhbərliyinə müraciət