Ana səhifə

Direttiva tal-parlament ewropew u tal-kunsill


Yüklə 4.63 Mb.
səhifə5/32
tarix26.06.2016
ölçüsü4.63 Mb.
1   2   3   4   5   6   7   8   9   ...   32

KAPITOLU 6

IS-SISTEMA TAT-TMUN

Artikolu 6.01
Ir-rekwiżiti ġenerali

  1. Il-bastimenti għandhom ikunu mgħammra b'sistema tat-tmun affidabbli li tipprovdi mill-inqas il-manuvrabbiltà meħtieġa mill-Kapitolu 5.

  2. Is-sistemi tat-tmun bil-mutur għandhom ikunu mfassla b'tali mod li t-tmun ma jkunx jista' jibdel il-pożizzjoni jekk mhux intenzjonalment.

  3. Is-sistema tat-tmun bħala ħaġa sħiħa għandha tkun imfassla għal tiġnib permanenti sa 15° u għal temperaturi tal-ambjent minn -20 °C sa +50 °C.

  4. Il-partijiet komponenti tas-sistema tat-tmun għandhom ikunu b'saħħithom biżżejjed biex ikunu jifilħu għall-forzi li jistgħu jkunu soġġetti għalihom matul it-tħaddim normali. L-ebda forza esterna applikata fuq it-tmun ma għandha tfixkel il-kapaċità operattiva tal-apparat tat-tmun u tal-unità tat-tħaddim tiegħu.

  5. Is-sistema tat-tmun għandha tinkorpora unità ta' tħaddim bil-mutur jekk ikun neċessarju minħabba l-forzi meħtieġa biex jitħaddem it-tmun.

  6. L-apparat tat-tmun b'unità ta' tħaddim bil-mutur għandu jkun protett kontra tagħbija żejda permezz ta' sistema li tillimita t-torque applikat mill-unità tat-tħaddim.

  7. Il-penetrazzjonijiet għax-xaftijiet tat-tmun għandhom ikunu mfasslin b'mod li jiġi evitat it-tixrid ta' lubrikanti li jniġġsu l-ilma.

Artikolu 6.02
L-unità tat-tħaddim tal-apparat tat-tmun

  1. Jekk l-apparat tat-tmun ikollu unità tat-tħaddim bil-mutur, għandu jkun hemm it-tieni unità tat-tħaddim indipendenti jew unità tat-tħaddim manwali addizzjonali. Fil-każ li l-unità tat-tħaddim tas-sistema tat-tmun ma tibqax tiffunzjona jew tiffunzjona ħażin, it-tieni unità tat-tħaddim indipendenti jew it-tħaddim manwali għandu jibda jopera f'5 sekondi.

  2. Jekk it-tieni unità tat-tħaddim jew it-tħaddim manwali ma tibdiex topera awtomatikament, għandu jkun possibbli li dan isir minnufih permezz ta' operazzjoni waħda mit-tmunier li tkun sempliċi kif ukoll u li tkun tista' ssir bi żmien qasir ħafna.

  3. It-tieni unità tat-tħaddim jew it-tħaddim manwali għandu wkoll jiżgura l-manuvrabbiltà meħtieġa skont il-Kapitolu 5.

Artikolu 6.03
L-unità tat-tħaddim tal-apparat tat-tmun idrawliku

  1. L-ebda konsumatur ieħor ta' enerġija ma jista' jkun imqabbad mal-unità tat-tħaddim tal-apparat tat-tmun idrawliku.

  2. It-tankijiet idrawliċi għandhom ikunu mgħammra b’sistema ta' twissija li tissorvelja t-tnaqqis fil-livell taż-żejt 'l isfel mill-inqas livell meħtieġ għal tħaddim mingħajr periklu.

  3. Il-qisien, id-disinn u l-arranġament tas-sistema tal-pajpijiet għandhom kemm jista' jkun jeskludu kwalunkwe ħsara mekkanika jew ħsara li tirriżulta min-nirien.

  4. Il-manek idrawliċi għandhom:

(a) ikunu permissibbli biss jekk l-assorbiment tal-vibrazzjoni jew il-libertà tal-moviment tal-komponenti jwasslu sabiex l-użu tagħhom ikun inevitabbli;

(b) ikunu ddisinjati għal tal-anqas il-pressjoni massima tas-servizz,



(c) isiru mill-ġdid tal-anqas kull tmien snin.

  1. Iċ-ċilindri idrawliċi, il-pompi idrawliċi u l-muturi idrawliċi kif ukoll il-muturi elettriċi għandhom jiġu eżaminati tal-anqas kull tmien snin minn ditta speċjalizzata u jissewwew jekk ikun hemm il-bżonn.

Artikolu 6.04
Is-sors tal-enerġija

  1. Is-sistemi tat-tmun mgħammra b'żewġ unitajiet ta' tħaddim bil-mutur għandu jkollhom mill-inqas żewġ sorsi ta' enerġija.

  2. Jekk it-tieni sors ta' enerġija għall-apparat tat-tmun bil-mutur ma jkunx disponibbli l-ħin kollu waqt li l-bastiment ikun qed jopera, tagħmir ta' buffer b'kapaċità adegwata għandu jservi bħala riżerva matul il-perjodu meħtieġ għall-istartjar.

  3. Fil-każ ta' sorsi ta' enerġija elettrika, l-ebda konsumaturi oħra ta' enerġija ma jistgħu jiġu fornuti mis-sors ta' enerġija ewlieni għas-sistema tat-tmun.

Artikolu 6.05
It-tħaddim manwali

  1. Ir-rota manwali ma għandhiex tiġi mħaddma minn unità tat-tħaddim bil-mutur.

  2. Irrispettivament mill-pożizzjoni tat-tmun, ma għandux ikun possibbli ritorn qawwi tar-rota meta t-tħaddim manwali jibda jopera awtomatikament.

Artikolu 6.06
Is-sistemi tal-iskrun tat-tmun, tal-ġett tal-ilma, tal-iskrun ċiklojdali u tal-propulsur tal-pruwa

  1. Meta l-bdil fid-direzzjoni tal-propulsjoni tal-iskrun tat-tmun, tal-ġett tal-ilma, tal-iskrun ċiklojdali jew tal-propulsur tal-pruwa jitħaddem minn distanza b'mezzi elettriċi, idrawliċi jew pnewmatiċi, għandu jkun hemm żewġ sistemi ta' attwazzjoni kull waħda indipendenti mill-oħra, bejn il-kabina tat-tmunier u l-istallazzjoni tal-iskrun jew tal-propulsur li, mutatis mutandis, jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 6.01 sa 6.05.

Sistemi bħal dawn mhumiex soġġetti għal dan il-paragrafu jekk mhumiex meħtieġa biex tinkiseb il-manuvrabbiltà meħtieġa skont il-Kapitolu 5 jew jekk huma meħtieġa biss għat-test tal-waqfien.

  1. Meta jkun hemm żewġ installazzjonijiet jew aktar ta' skrejjen tat-tmun, tal-ġett tal-ilma jew tal-iskrun ċiklojdali li jkunu indipendenti minn xulxin, it-tieni sistema ta' attwazzjoni ma tkunx meħtieġa jekk il-bastiment jibqa' jżomm il-manuvrabbiltà meħtieġa skont il-Kapitolu 5 jekk waħda mis-sistemi jkollha l-ħsara.

Artikolu 6.07
It-tagħmir tal-indikaturi u tal-monitoraġġ

  1. Il-pożizzjoni tat-tmun għandha tkun murija b'mod ċar fil-post tat-tmunier. Jekk l-indikatur tal-pożizzjoni tat-tmun ikun elettriku, dan għandu jkollu l-provvista tal-enerġija tiegħu stess.

  2. Fil-post tat-tmunier għandu jkun hemm allarm ottiku u akustiku biex jiġbed l-attenzjoni għal dan li ġej:

(a) meta l-livell taż-żejt tat-tankijiet idrawliċi jaqa' taħt l-aktar livell baxx ta' kontenut skont l-Artikolu 6.03(2) u jkun hemm tnaqqis tal-pressjoni tas-servizz tas-sistema idrawlika;

(b) ħsara fil-provvista elettrika għall-kontroll tat-tmun;

(c) ħsara fil-provvista elettrika għall-unitajiet tat-tħaddim;

(d) ħsara fir-regolatur tar-rata tal-ikkwartjar;

(e) ħsara fit-tagħmir tal-buffer meħtieġ.

Artikolu 6.08
Ir-regolaturi tar-rata tal-ikkwartjar


  1. Ir-regolaturi tar-rata tal-ikkwartjar u l-komponenti tagħhom għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9.20.

  2. It-tħaddim tajjeb tar-regolatur tar-rata tal-ikkwartjar għandu jiġi muri fil-post tat-tmunier permezz ta' dawl ta' indikazzjoni aħdar.

Kull nuqqas jew varjazzjoni mhux aċċettabbli fil-vultaġġ tal-provvista u tnaqqis mhux aċċettabbli fil-veloċità tal-ikkwartjar tal-ġiroskopju għandu jiġi ssorveljat.

  1. Meta, minbarra r-regolatur tar-rata tal-ikkwartjar, ikun hemm sistemi oħra ta' tmun, għandu jkun possibbli li fil-post tat-tmunier ikun jidher b'mod ċar liema minn dawn is-sistemi tkun ġiet attivata. Għandu jkun possibbli li wieħed jaqleb minn sistema għal oħra minnufih. Ir-regolatur tar-rata tal-ikkwartjar ma għandu jkollu l-ebda influwenza fuq dawn is-sistemi l-oħra ta' tmun.

  2. Il-provvista tal-elettriku għar-regolatur tar-rata tal-ikkwartjar għandha tkun indipendenti minn konsumaturi oħra ta' enerġija.

  3. Il-ġiroskopji, it-tagħmir ta' detezzjoni u l-indikaturi tar-rata tal-ikkwartjar użati fir-regolaturi tar-rata tal-ikkwartjar għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi tal-ispeċifikazzjonijiet minimi u l-kundizzjonijiet tat-test fir-rigward tal-indikaturi tar-rata tal-ikkwartjar għall-passaġġi fuq l-ilma interni, kif stabbilit fl-Appendiċi VIII.

Artikolu 6.09
L-aċċettazzjoni u l-ispezzjonijiet perjodiċi

  1. Għandha ssir spezzjoni tal-installazzjoni korretta tas-sistema tat-tmun minn korp ta' spezzjoni. Għal dan il-għan il-korp ta' spezzjoni jista' jeħtieġ id-dokumenti li ġejjin:

(a) deskrizzjoni tas-sistema tat-tmun;

(b) disinji u informazzjoni dwar l-unitajiet tat-tħaddim tal-apparat tat-tmun u l-kontrolli tat-tmun;

(c) informazzjoni dwar l-apparat tat-tmun;

(d) skema tas-sistema elettrika;

(e) deskrizzjoni tar-regolatur tar-rata tal-ikkwartjar;

(f) struzzjonijiet ta' kif titħaddem u dwar il-manutenzjoni tas-sistema tat-tmun.



  1. It-tħaddim tas-sistema kollha tat-tmun għandu jiġi vverifikat permezz ta' test tan-navigazzjoni. Jekk hemm installat regolatur tar-rata tal-ikkwarjar għandu jiġi vverifikat li rotta magħżula minn qabel tista' tinżamm b'mod affidabbli u li l-manuvrar fil-liwjiet jista' jitwettaq bla periklu.

  2. Is-sistemi tat-tmun mħaddma minn mutur għandhom jiġu spezzjonati minn espert:

(a) qabel ma' jintużaw;

(b) wara ħsara;

(c) wara kull modifika jew tiswija;

(d) regolarment tal-anqas kull sentejn.



  1. L-ispezzjoni għandha tal-anqas tkopri:

(a) verifika tal-konformità mad-disinji approvati u fi spezzjonijiet perjodiċi jekk sarux modifiki fis-sistema tat-tmun;

(b) test funzjonali tas-sistema tat-tmun għall-possibbiltajiet operattivi kollha;

(c) verifika viżwali u verifika tal-issikkar tal-komponenti idrawliċi, partikolarment valvi, linji ta' pajpijiet, manek idrawliċi, ċilindri idrawliċi, pompi idrawliċi u strainers idrawliċi;

(d) verifika viżwali tal-komponenti elettriċi, partikolarment relays, muturi elettriċi u apparat ta’ sikurezza;

(e) verifika tal-apparat ottiku u akustiku ta’ kontroll.


  1. Għandu jinħareġ ċertifikat ta' spezzjoni, iffirmat mill-ispettur u li jkun juri d-data tal-ispezzjoni.

KAPITOLU 7

IL-KABINA TAT-TMUNIER

Artikolu 7.01
Ġenerali

  1. Il-kabini tat-tmunier għandhom ikunu mfassla b'tali mod li t-tmunier ikun jista' fil-ħinijiet kollha jwettaq xogħlu waqt li l-bastiment ikun qed jopera.

  2. Taħt kundizzjonijiet normali ta' tħaddim il-volum tal-ħoss iġġenerat mill-bastiment u mkejjel fil-livell ta' ras it-tmunier fil-post tat-tmunier ma għandux ikun iżjed minn 70 dB(A).

  3. Meta kabina tat-tmunier tkun ġiet maħsuba għal navigazzjoni bir-radar minn persuna waħda, it-tmunier għandu jkun jista' jwettaq xogħlu bilqiegħda u l-istrumenti kollha tas-sorveljanza u l-kontrolli kollha meħtieġa għat-tħaddim tal-bastiment għandhom jitqiegħdu b'tali mod li t-tmunier jista' jużahom bil-kumdità waqt li l-bastiment ikun qed jopera, mingħajr ma jitlaq minn postu u filwaqt li jkun jista' jibqa' jara l-iskrin tar-radar.

Artikolu 7.02
Il-veduta libera

  1. Għandu jkun hemm veduta libera fid-direzzjonijiet kollha mill-post tat-tmunier.

  2. L-ispazju ta' viżwali mgħottija għat-tmunier 'il quddiem mill-bastiment fi stat mhux mgħobbi, b'nofs il-provvisti tiegħu iżda mingħajr saborra, ma għandux ikun iżjed minn żewġ tulijiet tal-bastiment jew 250 m, skont liema jkun l-inqas, sal-wiċċ tal-ilma.

Waqt l-ispezzjoni ma għandhomx jitqiesu mezzi ottiċi u elettroniċi biex jitnaqqas l-ispazju tal-viżwali mgħottija.

Biex jitnaqqas aktar l-ispazju ta' viżwali mgħottija, għandu jintuża biss tagħmir elettroniku adattat.



  1. Il-medda tal-viżwali libera tat-tmunier fil-post normali tiegħu għandha tkun tal-inqas 240° tal-orizzont u tal-inqas 140° ġewwa n-nofs ċirku li jħares 'il quddiem.

Ma għandu jkun hemm l-ebda frejm ta' tieqa, arblu jew sovrastruttura fil-linja tal-viżwali normali tat-tmunier.

Anke fil-każ meta jkun hemm medda ta' viżwali libera ta' mill-inqas 240° tal-orizzont il-korp ta' spezzjoni jista' jeħtieġ miżuri oħra u b'mod partikolari l-installazzjoni ta' tagħmir ottiku jew elettroniku awżiljaru adatt jekk ma jkunx hemm viżwali mhux imfixkla tajba biżżejjed lejn il-poppa.

L-għoli tat-tarf ta' isfel tat-twieqi tal-ġnub għandu jinżamm baxx kemm jista' jkun u l-għoli tat-tarf ta' fuq tat-twieqi tal-ġnub u ta' wara għandu jinżamm għoli kemm jista' jkun.

Biex jiġi stabbilit jekk ir-rekwiżiti f'dan l-Artikolu għal viżwali mill-kabina tat-tmunier ikunux intlaħqu, wieħed għandu jassumi li l-għoli ta' għajnejn it-tmunier huwa 1650 mm 'l fuq mill-gverta fil-kabina tat-tmunier.



  1. It-tarf ta' fuq tat-twieqi li jħarsu 'l quddiem tal-kabina tat-tmunier għandu jkun għoli biżżejjed biex jippermetti lil persuna fil-post tat-tmunier b'għoli ta' għajnejn ta' 1800 mm veduta ċara 'l quddiem ta' mill-inqas 10 gradi 'l fuq mill-orizzontali fl-għoli tal-livell tal-għajnejn.

  2. Għandu jkun hemm mezzi adatti biex f'kull tip ta' temp jipprovdu veduta ċara mill-ħġieġa ta' quddiem.

  3. Il-ħġieġ tat-twieqi użat fil-kabini tat-tmunier għandu jkun ħġieġ ta' sikurezza u jkollu livell ta' trasparenza ta' mill-inqas 75 %.

Biex jiġu evitati riflessi, it-twieqi ta' quddiem tal-briġġ għandhom ikunu ta' tip li ma jirriflettux jew impoġġija b'mod li jeskludu r-riflessi b'mod effettiv. Dan ir-rekwiżit jitqies li ntlaħaq jekk it-twieqi jkunu inklinati mill-pjan vertikali, u jkunu f'angolu 'l barra ta' mhux inqas minn 10° u mhux aktar minn 25°.

Artikolu 7.03
Ir-rekwiżiti ġenerali dwar it-tagħmir tal-kontroll, tal-indikazzjoni u tal-monitoraġġ

  1. It-tagħmir ta' kontroll meħtieġ biex jitħaddem il-bastiment għandu jitqiegħed fil-pożizzjoni operattiva tiegħu mingħajr diffikultà. Dik il-pożizzjoni għandha tkun ċara mingħajr ambigwità.

  2. L-istrumenti ta' monitoraġġ għandhom ikunu jinqraw b'mod faċli. Għandu jkun possibbli li d-dawl tagħhom jiġi aġġustat gradatament sakemm jintefa. Is-sorsi tad-dawl la għandhom itellfu u lanqas jostakolaw il-leġibbiltà tal-istrumenti tal-monitoraġġ.

  3. Għandu jkun hemm sistema biex jiġu ttestjati d-dwal tat-twissija u dawk ta' indikazzjoni.

  4. Għandu jkun possibbli li jiġi stabbilit b'mod ċar jekk sistema tkunx qiegħda taħdem. Jekk dan it-tħaddim ikun indikat permezz ta' dawl ta' indikazzjoni dan għandu jkun ta' lewn aħdar.

  5. Kull funzjonament ħażin jew ħsara fis-sistemi li jeħtieġu l-monitoraġġ għandu jkun indikat permezz ta' dwal ta' twissija ta' lewn aħmar.

  6. Għandu jkun hemm twissija li tinstema' fl-istess waqt li jixgħel dawl aħmar ta' twissija. It-twissijiet li jinstemgħu jistgħu jingħataw b'sinjal kollettiv wieħed. Il-livell tal-volum tal-ħoss ta' dak is-sinjal għandu jkun mill-inqas 3 dB(A) iżjed mill-ogħla livell ta' volum tal-ħoss ambjentali fil-post tat-tmunier.

  7. It-twissija li tinstema' għandha tkun kapaċi li tintefa wara li l-funzjonament ħażin jew il-ħsara tkun ġiet rikonoxxuta. Tali tifi ma għandux jimpedixxi lis-sinjal tal-allarm milli jerġa' jixgħel minħabba ħsarat oħra. Id-dwal ħomor tat-twissija għandhom jintfew biss meta l-ħsara tkun issewwiet.

  8. It-tagħmir ta' monitoraġġ u ta' indikazzjoni għandu jitqabbad awtomatikament ma' provvista alternattiva ta' enerġija jekk il-provvista tagħhom stess ma taħdimx.

Artikolu 7.04
Ir-rekwiżiti speċifiċi dwar it-tagħmir tal-kontroll, tal-indikazzjoni u tal-monitoraġġ
tal-magni ewlenin u tas-sistema tat-tmun

  1. Għandu jkun possibbli li l-magni u s-sistemi tat-tmun ewlenin jiġu kkontrollati u mmonitorjai mill-post tat-tmunier. Il-magni ewlenin li jkunu mgħammra bi klaċċ li jista' jiġi attivat mill-post tat-tmunier, jew li jħaddmu pitch propeller li jista' jiġi kkontrollat mill-post tat-tmunier, jeħtieġu biss ikunu jistgħu jinxtegħlu u jintfew mill-kamra tal-magni.

  2. Il-kontroll għal kull magna ewlenija għandu jkun fil-forma ta' lieva waħda li tippreskrivi ark fi pjan vertikali li jkun bejn wieħed u ieħor parallel għal-linja lonġitudinali tal-bastiment. Iċ-ċaqliq tal-lieva lejn il-pruwa tal-bastiment għandu joħloq moviment 'il quddiem, waqt li ċ-ċaqliq tal-lieva lejn il-poppa għandu jġiegħel lill-bastiment jimxi b'lura. Id-dħul tal-klaċċ u t-treġġigħ lura tad-direzzjoni tal-mixi għandhom isiru madwar il-pożizzjoni newtrali ta' dik il-lieva. Il-lieva għandu jaqbad mill-pożizzjoni newtrali.

  3. Id-direzzjoni tal-forza tal-propulsjoni mogħtija lill-bastiment u l-veloċità tal-ikkwartjar tal-iskrun jew tal-magni ewlenin għandhom ikunu murija.

  4. It-tagħmir ta' indikazzjoni u ta' monitoraġġ meħtieġ mill-Artikolu 6.07(2), l-Artikolu 8.03(2) u l-Artikolu 8.05(13), għandu jkun jinsab fil-post tat-tmunier.

  5. Il-bastimenti bil-kabini tat-tmunier maħsuba għan-navigazzjoni bir-radar minn persuna waħda għandhom jiġu diretti permezz ta' lieva. Din il-lieva għandha tkun tista' tiġi mċaqalqa bl-idejn mingħajr diffikultà. Il-pożizzjoni tal-lieva f'relazzjoni mal-linja lonġitudinali tal-bastiment għandha tikkorrispondi eżattament mal-pożizzjoni tal-pjanċi tat-tmun. Għandu jkun possibbli li wieħed jerħi l-lieva fi kwalunkwe pożizzjoni partikolari mingħajr ma tinbidel il-pożizzjoni tal-pjanċi tat-tmun. Il-pożizzjoni newtrali tal-lieva għandha tkun tingħaraf b'mod ċar.

  6. F'kabini tat-tmunier maħsuba għan-navigazzjoni minn persuna waħda, jekk il-bastiment ikun mgħammar bi tmunijiet tal-pruwa jew bi tmunijiet speċjali, b'mod partikolari għall-mixi b'lura, dawn ghandhom jiġu attivati b'lievi speċjali li, mutatis mutandis, jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 5.

Dan ir-rekwiżit għandu japplika wkoll fejn, f'konvojs, tintuża s-sistema tat-tmun imwaħħla fuq inġenju ieħor li ma jkunx dak li qed jipprovdi l-propulsjoni lill-konvoj.

  1. Meta jintużaw regolaturi tar-rata tal-ikkwartjar, il-kontroll tar-rata tal-ikkwartjar għandu jkun jista' jiġi merħi fi kwalunkwe pożizzjoni mingħajr ma tinbidel il-veloċità magħżula.

Il-kontroll għandu jdur f'ark wiesa' biżżejjed biex jiggarantixxi pożizzjonar adegwatament preċiż. Il-pożizzjoni newtrali għandha tkun tingħaraf b'mod ċar mill-pożizzjonijiet l-oħra. Id-dawl tal-iskala għandu jkun jista' jiġi varjat gradatament.

  1. It-tagħmir tal-kontroll minn distanza għas-sistema kollha tat-tmun għandu jkun installat b'mod permanenti u jkun irranġat b'tali mod li r-rotta magħżula tkun tidher b'mod ċar. Jekk it-tagħmir tal-kontroll minn distanza jkun jista' jiġi diżattivat, għandu jkun mgħammar b'indikatur li juri l-kundizzjonijiet operattivi rispettivi “mixgħul” jew “mitfi”. Id-dispożizzjoni u l-manipulazzjoni tal-kontrolli għandhom ikunu funzjonali.

Għal sistemi li jkunu sussidjarji għas-sistema tat-tmun, bħall-apparti fil-pruwa għall-immanuvrar attivi, it-tagħmir ta' kontroll minn distanza li ma jkunx installat b'mod permanenti għandu jkun aċċettabbli bil-kundizzjoni li din l-installazzjoni sussidjarja tkun tista' tiġi attivata permezz ta' kontroll prijoritarju f'kull ħin minn ġewwa l-kabina tat-tmunier.

  1. Fil-każ ta' sistemi tal-iskrun tat-tmun, tal-ġett tal-ilma, tal-iskrun ċiklojdali u tal-iskrun tal-pruwa, tagħmir ekwivalenti għandu jkun aċċettabbli bħala tagħmir ta' kontroll, ta' indikazzjoni u ta' monitoraġġ.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 8 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, skont il-karatteristiċi u l-arranġamenti speċifiċi magħżula għall-unitajiet ta’ tmun u propulsjoni attivi imsemmija hawn fuq. B’analoġija għall-paragrafu 2 kull unità għandha tkun ikkontrollata minn lieva li timxi fil-forma ta’ ark fi pjan vertikali li huwa bejn wieħed u ieħor parallel għad-direzzjoni tal-imbuttatura tal-unità. Mill-pożizzjoni tal-lieva d-direzzjoni tal-imbuttatura li taġixxi fuq il-bastiment għandha tkun ċara.

Jekk is-sistemi tal-iskrun tat-tmun jew tal-iskrun ċiklojdali mhumiex ikkontrollati permezz ta’ lievi, il-korp ta’ spezzjoni jista’ jippermetti derogi mill-paragrafu 2. Dawn id-derogi għandhom jissemmew fiċ-ċertifikat tal-Unjoni għan-navigazzjoni interna fil-kaxxa 52 imsemmija fl-Anness V.



Artikolu 7.05
Id-dwal ta' navigazzjoni, is-sinjali tad-dawl u s-sinjali tal-ħoss

  1. Id-dwal ta' navigazzjoni, il-koperturi u l-aċċessorji tagħhom għandu jkollhom il-marka tal-approvazzjoni preskritta mid-Direttiva tal-Kunsill 2013/XXX/KE ta' XX MMM 2013 dwar it-tagħmir tal-baħar.*

(*) ĠU LXX, JJ.MM.JJJJ, p. XX.

  1. Dwal indikaturi tal-kurrent jew tagħmir ekwivalenti ieħor, bħad-dwal ta' repetizzjoni, għall-monitoraġġ tad-dwal ta' navigazzjoni għandhom ikunu installati fil-kabina tat-tmunier, sakemm dak il-monitoraġġ ma jkunx jista' jsir direttament mill-post għat-tmunier.

  2. F'kabini tat-tmunier maħsuba għan-navigazzjoni bir-radar minn persuna waħda, id-dwal ta' repetizzjoni għandhom ikunu installati fuq il-pannell tal-kontroll sabiex ikun hemm monitoraġġ tad-dwal ta' navigazzjoni u tas-sinjali tad-dawl. Is-swiċċijiet tad-dwal ta' navigazzjoni għandhom jiġu inklużi fid-dwal ta' repetizzjoni jew ikunu maġembhom u għandhom jiġu assenjati lilhom b'mod ċar.

L-arranġament u l-lewn tad-dwal ta' repetizzjoni għad-dwal ta' navigazzjoni u s-sinjali tad-dawl għandhom jikkorrispondu għall-pożizzjoni u l-lewn attwali ta' dawk id-dwal u s-sinjali.

Jekk dawl tan-navigazzjoni jew sinjal tad-dawl ma jiffunzjonax dan għandu jwassal biex id-dawl ta' repetizzjoni korrispondenti għalih jintefa jew jipprovdi sinjal b'mod ieħor.



  1. F'kabini tat-tmunier maħsuba għan-navigazzjoni bir-radar minn persuna waħda għandu jkun possibbli li s-sinjali tal-ħoss jiġu attivati bi swiċċ li jitħaddem bis-sieq. Dak ir-rekwiżit ma għandux japplika għas-sinjal “tersaqx 'l hawn” skont ir-regolamenti applikabbli tal-awtoritajiet tan-navigazzjoni tal-Istati Membri.

Artikolu 7.06

L-installazzjonijiet tar-radar u l-indikaturi tar-rata tal-ikkwartjar

  1. It-tagħmir tan-navigazzjoni bir-radar u l-indikaturi tar-rata tal-ikkwarjtar għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fil-Parti I u l-Parti II tal-Appendiċi VIII. Il-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi determinata minn approvazzjoni tat-tip maħruġa mill-awtorità kompetenti. It-tagħmir intern tas-Sistema ta' Informazzjoni tal-Wiri Elettroniku tal-Mapep (minn hawn 'il quddiem magħrufa bħala "ECDIS") li jista’ jiġi operat bil-modalità tan-navigazzjoni għandu jitqies bħala tagħmir ta' navigazzjoni bir-radar.

Għandhom jiġu ssodisfati r-rekwiżiti li jikkonċernaw l-installazzjoni u l-ittestjar operattiv tas-sistemi ta' navigazzjoni bir-radar u l-indikaturi tar-rata tal-ikkwartjar użati fil-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, stipulati fil-Parti III tal-Appendiċi VIII.

L-informazzjoni dwar it-tagħmir ta' navigazzjoni bir-radar u l-indikaturi tar-rata tal-ikkwartjar approvati kif stabbilit fl-Appendiċi VIII, jew abbażi tal-approvazzjonijiet tat-tip rikonoxxuti bħala ekwivalenti, għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.



  1. F'kabini tat-tmunier maħsuba għan-navigazzjoni bir-radar minn persuna waħda:

(a) l-iskrin tar-radar ma għandux ikun spostat sostanzjalment mil-linja tal-viżwali tat-tmunier fil-pożizzjoni normali tiegħu;

(b) l-immaġini tar-radar għandha tibqa' perfettament viżibbli, mingħajr għata jew skrin, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet tad-dawl barra mill-kabina tat-tmunier;

(c) l-indikatur tar-rata tal-ikkwartjar għandu jkun installat direttament fuq jew taħt l-immaġini tar-radar jew ikun inkorporat fiha.

Artikolu 7.07
Is-sistemi ta' telefonija bir-radju għal bastimenti b'kabini tat-tmunier maħsuba
għan-navigazzjoni bir-radar minn persuna waħda


  1. Fejn il-kabina tat-tmunier ta' bastiment tkun tfasslet għan-navigazzjoni bir-radar minn persuna waħda, ir-riċezzjoni min-netwerks ta' bejn il-bastimenti u dik tal-informazzjoni nawtika għandha tkun permezz ta' loudspeaker, u l-komunikazzjonijiet li jintbagħtu għandhom ikunu permezz ta' mikrofonu fiss. Il-kmand ibgħat/irċievi għandu jingħażel permezz ta' buttuna.

Ma għandux ikun possibbli li jintużaw il-mikrofoni ta' dawk in-netwerks għan-netwerk tal-korrispondenza pubblika.

  1. Meta kabina tat-tmunier ta' bastiment imfassla għan-navigazzjoni bir-radar minn persuna waħda tkun mgħammra b'sistema ta' telefonija bir-radju għan-netwerk tal-korrispondenza pubblika, għandha tkun possibbli r-riċezzjoni mis-sit tat-tmunier.

Artikolu 7.08
Il-faċilitajiet ta' komunikazzjoni interna abbord

Għandu jkun hemm faċilitajiet ta' komunikazzjoni interna abbord bastimenti b'kabina tat-tmunier maħsuba għan-navigazzjoni bir-radar minn persuna waħda.

Għandu jkun possibbli li jiġu stabbiliti linji ta' komunikazzjoni mill-post tat-tmunier:

(a) mal-pruwa tal-bastiment jew konvoj;

(b) mal-poppa tal-bastiment jew konvoj jekk l-ebda komunikazzjoni diretta ma tkun possibbli mill-post tat-tmunier;

(c) mal-ispazji tal-akkomodazzjoni tal-ekwipaġġ;

(d) mal-kabina tal-kaptan tal-bastiment.

Ir-riċezzjoni fil-postijiet kollha ta' dawn il-linji ta' komunikazzjoni interni għandha tkun permezz ta' loudspeaker, u t-trasmissjoni għandha tkun permezz ta' mikrofonu fiss. Il-komunikazzjoni mal-pruwa u l-poppa tal-bastiment jew tal-konvoj tista' tkun bit-telefonija bir-radju.



Artikolu 7.09
Is-sistema tal-allarm

  1. Għandu jkun hemm sistema indipendenti ta' allarm li tkun tilħaq il-kmamar tal-akkomodazzjoni, tal-magni u, fejn meħtieġ, il-kmamar tal-pompi separati.

  2. It-tmunier għandu jkun jista' jilħaq swiċċ li jixgħel u jitfi s-sinjal tal-allarm; mhumiex aċċettabbli s-swiċċijiet li awtomatikament imorru lura għall-pożizzjoni mitfija meta jiġu merħija.

  3. Il-livell tal-volum tal-ħoss għas-sinjal tal-allarm għandu jkun mill-inqas 75 dB(A) fiż-żona tal-akkomodazzjoni.

Fil-kmamar tal-magni u fil-kmamar tal-pompi s-sinjal tal-allarm għandu jkun fil-forma ta' dawl iteptep li jkun jidher min-naħat kollha u jingħaraf b'mod ċar minn kullimkien.

Artikolu 7.10
It-tisħin u l-ventilazzjoni

Il-kabina tat-tmunier għandha tkun mgħammra b'sistema effettiva ta' tisħin u ventilazzjoni li tista' tiġi rregolata.



Artikolu 7.11
I
t-tagħmir li jħaddem l-ankra tal-poppa

Abbord bastimenti u konvojs li l-kabina tat-tmunier tagħhom tkun imfassla għan-navigazzjoni bir-radar minn persuna waħda u li jkunu itwal minn 86 m jew usa' minn 22.90 m, it-tmunier għandu jkun jista' jniżżel l-ankri tal-poppa mill-pożizzjoni tiegħu.



Artikolu 7.12
Il-kabini tat-tmunier jitreġġgħu lura

Il-kabini tat-tmunier jitreġġgħu lura għandhom ikunu mgħammra b'sistema ta' tniżżil ta' emerġenza.

L-operazzjonijiet kollha ta' tniżżil għandhom awtomatikament jixegħlu sinjal ta' twissija akustiku li jinstema' b'mod ċar. Dak ir-rekwiżit ma għandux japplika jekk ir-riskju ta' korriment li jista' jirriżulta mit-tniżżil jiġi evitat bi tfassil apposta għal dan.

Persuna għandha tkun tista' toħroġ bla periklu mill-kabina tat-tmunier, tkun xi tkun il-pożizzjoni tagħha.



Artikolu 7.13
Id-dħul fiċ-ċertifikat tal-Unjoni għan-navigazzjoni interna għal bastimenti b'kabini tat-tmunier maħsuba
għan-navigazzjoni bir-radar minn persuna waħda

Meta bastiment jikkonforma mad-dispożizzjonijiet speċjali għall-kabini tat-tmunier maħsuba għan-navigazzjoni bir-radar minn persuna waħda kif stabbiliti fl-Artikoli 7.01, 7.04 sa 7.08 u 7.11, għandu jitniżżel dan li ġej fiċ-ċertifikat tal-Unjoni għan-navigazzjoni interna:

"Il-bastiment għandu kabina tat-tmunier maħsuba għan-navigazzjoni bir-radar minn persuna waħda".

1   2   3   4   5   6   7   8   9   ...   32


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©atelim.com 2016
rəhbərliyinə müraciət